Il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli
Din l-iskeda informattiva tispjega x’inhuma l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u tiddeskrivi l-azzjoni tal-UE biex jintlaħqu dawn l-objettivi prijoritarji. F’perjodu ta’ tibdil rapidu fil-klima u ta’ domanda dejjem tikber għall-enerġija u r-riżorsi, l-UE introduċiet firxa ta’ politiki u inizjattivi li għandhom l-għan jiggarantixxu l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli. L-aktar inizjattivi reċenti, inkluż il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari u l-Patt għal Industrija Nadifa, għandhom l-għan jagħmlu l-prodotti adatti għal ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari.
Il-bażi legali
- It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE): l-Artikolu 11 jiddikjara li l-protezzjoni ambjentali trid tiġi integrata fil-politiki tal-UE, b’mod partikolari bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli; l-Artikoli 191 u 192 jistabilixxu l-objettivi tal-politika ambjentali tal-UE u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet użati biex dawn jintlaħqu; l-Artikolu 193 jippermetti li l-Istati Membri jintroduċu miżuri ta’ protezzjoni ambjentali aktar stretti sakemm dawn ikunu kompatibbli mat-Trattati.
- Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli tal-2008, li kellu l-għan itejjeb il-prestazzjoni ambjentali ta’ prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, iżid is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar il-prodotti u t-teknoloġiji għall-produzzjoni sostenibbli u d-domanda għalihom, jippromwovi l-innovazzjoni fl-industrija tal-UE u jindirizza l-aspetti internazzjonali, bħall-kummerċ u l-istandards.
- Il-Patt Ekoloġiku tal-UE tal-2019, u b’mod partikolari l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari tal-2020 u l-qafas ta’ politika għall-prodotti sostenibbli tiegħu. Tnejn mill-objettivi ewlenin tiegħu huma li l-prodotti sostenibbli jkunu n-norma fl-UE u li tingħata s-setgħa lill-konsumaturi u lix-xerrejja pubbliċi biex jagħtu prijorità lill-konsum sostenibbli. Għal aktar informazzjoni dwar l-azzjoni tal-UE dwar iċ-ċirkolarità, ara 2.4.6.
- Fl-aħħar nett, il-Patt għal Industrija Nadifa tal-2025, li għandu l-għan li l-azzjoni klimatika u l-kompetittività jinġabru flimkien taħt strateġija globali waħda ta’ tkabbir. Dan jinkludi b’mod partikolari l-kisba ta’ ekonomija tal-UE kompletament dekarbonizzata sal-2050 (b’mira intermedja ta’ tnaqqis nett ta’ 90% fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2040) u l-mobilizzazzjoni ta’ aktar minn EUR 100 biljun biex tiġi appoġġjata l-manifattura nadifa tal-UE.
- L-investiment ta’ EUR 275 biljun fi proġetti tal-enerġija nadifa taħt il-programmi NextGenerationEU u REPowerEU.
- Il-Kummissjoni pproponiet Att għall-Aċċellerazzjoni Industrijali, li jintroduċi kriterji ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ta’ “Made in Europe” għal prodotti intensivi fil-karbonju fl-akkwist pubbliku, kif ukoll proċeduri aktar rapidi għall-għoti ta’ permessi għal proġetti ta’ dekarbonizzazzjoni. Dan għandu jiġi implimentat b’mod li jillimita l-piż amministrattiv u jqis l-SMEs.
- Il-Kummissjoni adottat Qafas għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa biex tiffaċilita d-dekarbonizzazzjoni industrijali u taċċellera l-introduzzjoni tal-enerġija nadifa.
- id-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku:
- id-Direttiva 2014/25/UE dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali
- id-Direttiva 2014/23/UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni.
- il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari;
- il-Forum ta’ Livell Għoli dwar il-Kostruzzjoni;
- il-pjan tal-Perkors ta’ Tranżizzjoni għat-Turiżmu;
- il-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel.
- il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar Prattiki Responsabbli tan-Negozju u Kummerċjalizzazzjoni tal-Ikel.
- Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ħajja itwal għall-prodotti:benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji (tal-4 ta’ Lulju 2017), il-Parlament stieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-informazzjoni dwar id-durabbiltà tal-prodotti billi tikkunsidra t-tnedija ta’ tikketta Ewropea volontarja li tkopri, b’mod partikolari, id-durabbiltà tal-prodott, il-karatteristiċi tal-ekodisinn, il-possibbiltà ta’ titjib fil-kwalità f’konformità mal-progress tekniku u l-possibbiltà ta’ tiswija.
- Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn (2009/125/KE) (tal-31 ta’ Mejju 2018), il-Parlament stieden lill-Kummissjoni talloka biżżejjed riżorsi għall-proċess tal-ekodisinn minħabba l-benefiċċji sinifikanti tal-leġiżlazzjoni għall-UE. Talab ukoll lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-metodoloġija tal-ekodisinn attwali tistax tiġi applikata għal kategoriji ta’ prodotti oħra minbarra l-prodotti relatati mal-enerġija, u biex tippreżenta proposti għal leġiżlazzjoni ġdida.
- Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari (tal-10 ta’ Frar 2021), il-Parlament issottolinja li l-prodotti u l-materjali li huma sostenibbli, ċirkolari, sikuri u mhux tossiċi għandhom isiru n-norma fis-suq tal-UE u mhux l-eċċezzjoni, u għandhom jitqiesu bħala l-għażla prestabbilita li tkun attraenti, affordabbli u aċċessibbli għall-konsumaturi kollha.
- Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Patt għal Industrija Nadifa (tad-19 ta’ Ġunju 2025), il-Parlament enfasizza l-importanza li jiżdied l-investiment fil-manifattura tat-teknoloġija nadifa, u ssottolinja l-ħtieġa li tiġi stimulata d-domanda għal prodotti nodfa permezz tal-akkwist pubbliku u privat, inkluż permezz ta’ tikketti volontarji tal-intensità tal-karbonju għall-prodotti industrijali. Ir-riżoluzzjoni tistieden ukoll lill-Kummissjoni tesplora rekwiżiti oħra biex tiggarantixxi d-domanda għal prodotti nodfa magħmula fl-UE.
- it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-anqas b’55% sal-2029 (meta mqabbla mal-2006);
- it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija b’55% (meta mqabbel mal-2012);
- iż-żieda tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għal 80% tal-konsum totali tal-enerġija;
- it-tnaqqis fil-konsum tal-karta b’85% (meta mqabbel mal-2012);
- it-titjib tal-bijodiversità permezz tat-traċċar u l-promozzjoni ta’ spazji ħodor, ir-riċiklaġġ, u speċijiet ta’ pjanti lokali.
L-objettivi
Il-mira ewlenija tal-politika tal-UE dwar il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli hija li tippromwovi xejriet sostenibbli ta’ produzzjoni u l-konsum permezz ta’ oġġetti u servizzi li ma jniġġsux, effiċjenti fir-riżorsi u fl-użu tal-enerġija, ekonomikament vijabbli u sikuri għall-ħaddiema, il-konsumaturi u l-komunitajiet.
L-għan li jiġu żgurati xejriet ta’ produzzjoni u konsum sostenibbli huwa minqux fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, speċifikament fl-SDG 12, peress li huwa kruċjali għas-sostenn tal-benessri tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri. L-UE hija impenjata li timplimenta l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u għamlet it-tkabbir sostenibbli wieħed mill-objettivi ewlenin tagħha. Fl-2023, il-Kummissjoni ppubblikat voluntary review on the EU’s implementation of the SDGs (rieżami volontarju dwar l-implimentazzjoni tal-UE tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli).
L-UE introduċiet għadd ta’ strateġiji biex tippromwovi l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, inklużi dawn li ġejjin.
Il-kisbiet
A. Id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE
F’konformità mal-miri tan-newtralità klimatika stabbiliti fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-politiki tal-UE għandhom l-għan jiddekarbonizzaw l-output industrijali tal-UE. Għal aktar informazzjoni dwar l-azzjoni tal-UE biex trażżan it-tibdil fil-klima, ara 2.4.2.
Is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tal-UE ilha l-pedament tal-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE mill-2005. Hija sistema ta’ limitu u skambju fejn l-installazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni jixtru jew jirċievu kwoti limitati ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u jistgħu jinnegozjaw ma’ xulxin kwalunkwe kwota mhux użata. L-ETS bħalissa tapplika għal diversi setturi industrijali intensivi fil-karbonju, b’mod partikolari l-enerġija, l-azzar, l-aluminju, is-sustanzi kimiċi u l-karta. Sal-2023, l-ETS tal-UE kienet għenet biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-impjanti Ewropej tal-enerġija u tal-industrija b’madwar 47%, meta mqabbla mal-livelli tal-2005.
L-ETS hija kkomplementata mill-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM), introdott fl-2023 biex jipprevjeni d-dumping ambjentali u jħeġġeġ il-produzzjoni sostenibbli madwar id-dinja. Is-CBAM jirrikjedi li l-importaturi ta’ prodotti intensivi fil-karbonju jħallsu “prezz tal-karbonju” addizzjonali biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi bejn il-produtturi tal-UE u l-produtturi mhux tal-UE li huma soġġetti għal standards ambjentali anqas stretti. Wara perjodu tranżitorju bejn l-2023 u l-2025, is-CBAM daħal fis-seħħ bis-sħiħ fl-1 ta’ Jannar 2026, u se jiġġenera dħul għall-baġit tal-UE.
Barra minn hekk, l-UE qed trawwem ambjent favorevoli għall-manifattura u l-użu ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti (jew “nodfa”). L-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (ir-Regolament (UE) 2024/1735) jistabbilixxi qafas simplifikat biex jiġi żgurat l-aċċess għal provvista sigura u sostenibbli ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, inkluż billi tiżdied il-kapaċità tal-UE li timmanifattura tali teknoloġiji.
L-UE għandha l-għan li tagħti spinta lid-domanda għal teknoloġiji nodfa permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi.
B. L-ekotikkettar u t-tikkettar enerġetiku
L-Ekotikketta tal-UE hija skema volontarja li tirrikonoxxi prodotti u servizzi li jissodisfaw ċerti standards ambjentali. Din ġiet stabbilita fl-1992 u għandha logo f’forma ta’ fjura biex tgħin lill-konsumaturi jidentifikaw faċilment prodotti ekoloġiċi. Is-sistema tal-Ekotikketta tqis iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodott, u t-tikketta ngħatat lil prodotti tat-tindif, apparat domestiku, prodotti tal-karta, ilbies, prodotti għad-dar u għall-ġnien, lubrikanti, prodotti għall-kura personali u tal-annimali u servizzi bħall-akkomodazzjoni turistika. Ir-reviżjoni tal-2009 tar-Regolament dwar l-Ekotikketta (ir-Regolament (KE) Nru 66/2010) kellha l-għan tnaqqas il-kostijiet u l-burokrazija assoċjati mal-użu tal-Ekotikketta. Fl-2017, il-Kummissjoni evalwat l-iskema u sabet li r-regolament huwa rilevanti u konsistenti, iżda enfasizzat l-użu baxx u sensibilizzazzjoni f’xi setturi u ostakli potenzjali minħabba l-kostijiet tal-konformità.
Barra minn hekk, fl-2023, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva dwar regoli ġodda dwar is-sostanzjar ta’ asserzjonijiet ambjentali bil-ħsieb li tindirizza asserzjonijiet ambjentali foloz u l-proliferazzjoni ta’ tikketti ambjentali pubbliċi u privati. Flimkien mad-Direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika (id-Direttiva (UE) 2024/825), hija tfittex li tistabbilixxi qafas għall-asserzjonijiet u t-tikketti ambjentali bil-għan li jindirizzaw il-greenwashing.
Id-Direttiva 92/75/KEE dwar l-informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija introduċiet skema ta’ tikkettar tal-enerġija għall-apparati domestiċi. It-Tikketta tal-Enerġija tal-UE minn dakinhar saret gwida għall-produtturi u l-konsumaturi rikonoxxuta u rispettata minn bosta. Hija ġiet riveduta fl-2010 biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal firxa usa’ ta’ prodotti, u ġiet sostitwita fl-2017 bir-Regolament (UE) 2017/1369 dwar it-tikkettar tal-enerġija biex jiġu stabbiliti rekwiżiti ġodda. Fl-2021, ħames gruppi ta’ prodotti (friġġijiet, magni tal-ħasil tal-platti, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, televiżjonijiet u lampi) ġew “riklassifikati” għal sistema ġdida ta’ klassifikazzjoni tal-effiċjenza enerġetika, fejn l-ogħla klassi “A” inizjalment tħalliet vojta biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ mudelli saħansitra aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Din il-bidla se tgħin lill-konsumaturi jiddistingwu b’mod aktar ċar bejn il-prodotti l-aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
C. Il-politiki dwar l-ekodisinn u l-prodotti sostenibbli
Ir-rekwiżiti għall-ekodisinn tal-UE għandhom l-għan jiżguraw titjib tekniku tal-prodotti sostenibbli. Fl-2024, wara il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari u fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar l-Ekodisinn u l-Prodotti Sostenibbli (ir-Regolament (UE) 2024/1781) (ESPR), u ssostitwixxa d-direttiva preċedenti dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn (id-Direttiva 2009/125/KE). L-ESPR tjieb fuq il-predeċessur tiegħu billi sar japplika għall-prodotti fiżiċi kollha (bi ftit eċċezzjonijiet) u billi stabbilixxa regoli ġodda dwar il-prestazzjoni u l-informazzjoni. Karatteristiċi ġodda tal-ESPR huma l-“Passaport Diġitali tal-Prodott”, projbizzjoni fuq il-qerda ta’ tessuti u xedd is-saqajn li ma jinbigħux, u l-akkwist pubbliku ekoloġiku obbligatorju għal ċerti prodotti.
Barra minn hekk, id-“dritt għat-tiswija” huwa element ewlieni tad-Direttiva dwar regoli komuni għall-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti (id-Direttiva (UE) 2024/1799), li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Lulju 2024. Dan jobbliga lill-manifatturi jipprovdu servizzi ta’ tiswija f’waqthom u kosteffettivi u li jinfurmaw lill-konsumaturi dwar id-dritt tagħhom li jsewwu oġġetti difettużi minflok jissostitwuhom.
D. L-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS)
L-EMAS hija għodda ta’ ġestjoni li tippermetti lil kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra jevalwaw, jirrapportaw u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom. Fl-2009, l-EMAS għaddiet minn bidla sinifikanti bl-adozzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar l-EMAS (ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009), li għandu l-għan li l-organizzazzjonijiet jiġu mħeġġa jirreġistraw mal-EMAS. Din ir-reviżjoni tar-Regolament EMAS tejbet l-applikabbiltà u l-kredibbiltà tal-iskema u saħħet il-viżibbiltà u l-popolarità tagħha.
E. L-akkwist pubbliku ekoloġiku
L-akkwist pubbliku ekoloġiku (APE) huwa politika volontarja li tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jixtru prodotti u servizzi b’impatt ambjentali mnaqqas. Għandu l-għan jixpruna s-suq lejn prodotti u servizzi aktar ekoloġiċi u jnaqqas l-impatti ambjentali tal-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi. Mill-2014, il-qafas tal-akkwist pubbliku tal-UE ssimplifika l-proċeduri rilevanti u jinkoraġġixxi l-użu usa’ tal-APE biex jappoġġja l-bidla lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Il-qafas tal-akkwist pubbliku tal-UE jinkludi:
L-Istati Membri tal-UE jimplimentaw l-APE permezz ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali. Fl-2008, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni intitolata “Akkwist pubbliku għal ambjent aħjar”, li tistabbilixxi għadd ta’ miżuri li għandhom jittieħdu bħala appoġġ għall-implementazzjoni tal-APE mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet kontraenti individwali. Konsegwentement, il-kriterji tal-UE għall-APE ġew żviluppati bħala parti mill-approċċ volontarju għall-APE. Sal-lum, ġew ippubblikati 14-il ġabra ta’ kriterji fil-qasam tal-APE għal setturi speċifiċi bħat-trasport, it-tagħmir tal-IT tal-uffiċċji, il-prodotti u s-servizzi għat-tindif, il-kostruzzjoni, l-iżolazzjoni termika u l-prodotti u s-servizzi għall-ġardinaġġ.
F. L-involviment tal-partijiet ikkonċernati
L-UE tadotta approċċ kollaborattiv għall-promozzjoni ta’ tranżizzjoni lejn xejriet ta’ produzzjoni aktar sostenibbli, bil-għan li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u jiġu indirizzati l-isfidi f’setturi ekonomiċi speċifiċi. Tali inizjattivi ta’ involviment tal-partijiet interessati jinkludu:
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
A. L-appoġġ lejn il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli
Il-Parlament afferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi ta’ produzzjoni u konsum sostenibbli mindu ġie stabbilit il-Pjan ta’ Azzjoni tal-SCP tal-2008 permezz ta’ għadd ta’ riżoluzzjonijiet.
Barra minn hekk, il-Parlament wettaq rwol sinifikanti fl-introduzzjoni suċċessiva ta’ dispożizzjonijiet aktar ekoloġiċi fid-direttivi dwar l-akkwist pubbliku. Fl-aħħar reviżjoni tal-2014 ta’ dawn id-direttivi, il-Parlament appoġġja, fost miżuri oħra, l-introduzzjoni tal-kriterju l-ġdid “l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża” fil-proċedura tal-għoti. B’hekk l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jpoġġu aktar enfasi fuq il-kwalità, il-kunsiderazzjonijiet ambjentali, l-aspetti soċjali u l-innovazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin iqisu l-prezz u l-kost taċ-ċiklu tal-ħajja tas-suġġett tal-akkwist. B’żieda ma’ dan, f’Settembru 2025, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar ir-reviżjoni li jmiss tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku. Hija tieħu nota tal-gradi differenti tal-implimentazzjoni tal-APE madwar l-Istati Membri, u tappella għall-ingranaġġ tal-qafas tal-akkwist pubbliku tal-UE, li jappoġġja prodotti u servizzi sostenibbli.
B. Il-kontribut tal-Parlament għas-sostenibbiltà
Il-Parlament innifsu għandu l-għan jadotta xejriet ta’ konsum u ta’ akkwist aktar sostenibbli. Fl-2004, il-Parlament stabbilixxa sistema ta’ ġestjoni ambjentali f’konformità mal-EMAS. Fl-2007, kiseb iċ-ċertifikazzjoni ISO 14001:2004 u r-reġistrazzjoni tal-EMAS. Fl-2019, il-Parlament stabbilixxa l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet tiegħu ta’ gassijiet serra għal kull persuna b’mill-anqas 40% sal-2024 meta mqabbla mal-2006, u li jżomm rendikont ta’ indikaturi oħra tal-prestazzjoni klimatika, bħall-emissjonijiet mit-trasport tal-persuni, l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-konsum tal-enerġija. Skont id-dikjarazzjoni ambjentali tal-2025 tal-EMAS mill-Parlament, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Parlament għal kull persuna tnaqqsu bi 48.29% bejn l-2006 u l-2024.
F’Novembru 2024, il-Parlament iddeċieda li jieħu miżuri addizzjonali biex itejjeb il-politika ambjentali tiegħu u jistabbilixxi miri ġodda għall-2024-2029, inklużi:
Għalkemm fil-qafas tal-EMAS il-Parlament ilu mill-2016 ipaċi l-emissjonijiet kollha tiegħu li ma jistgħux jitnaqqsu, biex b’hekk huwa l-uniku istituzzjoni tal-UE li hija 100% newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 iddikjara li se jiżviluppa strateġija biex sal-2030 isir newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju permezz ta’ miżuri interni (mingħajr tpaċija). L-istudju tal-Parlament dwar in-newtralità karbonika, ippubblikat f’Settembru 2020, jiddeskrivi miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fuq il-perjodu ta’ żmien qasir, medju u twil li jippermettu lill-Parlament inaqqas drastikament l-impronta tal-karbonju tiegħu biex jikseb in-newtralità karbonika.
Il-Parlament japplika wkoll politika tal-APE. F’Ġunju 2017,il- Parlament ippubblika studju dwar l-APE li jeżamina l-użu u l-opportunitajiet attwali tal-APE fl-UE fil-kuntest tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE tal-Kummissjoni għall-ekonomija ċirkolari u bħala segwitu għalih. L-istudju identifika benefiċċji ambjentali għaċ-ċittadini, kif ukoll gwadanji għall-impjiegi u għall-ekonomija ġenerali fil-livell tal-UE.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew dwar it-Trasformazzjoni, l-Innovazzjoni u s-Saħħa. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, ara s-sit web tal-Kumitat għall-Ambjent, il-Klima u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI).
Axel GRISLIN