Din l-iskeda informattiva tispjega l-Fond ta’ Koeżjoni, li twaqqaf fl-1994 u jipprovdi finanzjament għal proġetti marbuta mal-qasam tal-ambjent u tan-networks trans-Ewropej fil-pajjiżi tal-UE li għandhom introjtu nazzjonali gross <i>per capita</i> ta’ anqas minn 90% tal-medja tal-UE. L-iskeda informattiva tiddeskrivi l-qafas legali għall-Fond ta’ Koeżjoni, l-objettivi tal-Fond, il-pajjiżi eliġibbli għall-Fond, u l-baġit u r-regoli finanzjarji. Tiddeskrivi wkoll ir-rwol li għandu l-Parlament Ewropew fir-rigward tal-Fond ta’ Koeżjoni.

Il-bażi legali

  • It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: l-Artikolu 177 (b’mod partikolari t-tieni paragrafu) jistabbilixxi l-Fond ta’ Koeżjoni f’konformità mal-għanijiet tal-UE ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.
  • Ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ir-Regolament (UE) 2021/1058) jistabbilixxi r-regoli speċifiċi li jirregolaw dawn iż-żewġ fondi għall-2021–2027.
  • L-objettivi

    Il-Fond ta’ Koeżjoni twaqqaf biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE fl-interessi tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli. Fil-perjodu mill-2021 sal-2027, qed jappoġġja:

    • l-investiment fl-ambjent, inklużi l-oqsma relatati mal-iżvilupp sostenibbli u l-enerġija li jippreżentaw benefiċċji ambjentali;
    • in-networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport (pereżempju t-TEN-T);
    • l-assistenza teknika.
    • Għal proġetti li jaqdu l-objettivi tal-protezzjoni ambjentali tal-UE, il-Fond ta’ Koeżjoni jista’ jikkontribwixxi wkoll f’oqsma marbuta mal-iżvilupp sostenibbli, bħalma huma l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u – fis-settur tat-trasport apparti dak tan-networks trans-Ewropej – it-trasport bil-ferrovija, it-trasport fuq passaġġi fuq l-ilma interni, it-trasport bil-baħar, is-sistemi tat-trasport intermodali u l-interoperabbiltà tagħhom, il-ġestjoni tat-traffiku fit-toroq, tat-traffiku marittimu u tat-traffiku tal-ajru, it-trasport urban nadif u t-trasport pubbliku.

      Il-Fond ta’ Koeżjoni jiffinanzja l-programmi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà kondiviża tal-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri. Il-pajjiżi tal-UE jagħżlu liema proġetti jiffinanzjaw u jieħdu ħsieb il-ġestjoni ta’ kuljum, filwaqt li l-Kummissjoni tgħinhom jiżguraw li l-proġetti jiġu konklużi b’suċċess u tivverifika li l-fondi jintefqu kif suppost. Ir-regoli dwar kif għandhom jintużaw il-fondi huma stabbiliti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.

      Il-pajjiżi eliġibbli

      Il-Fond ta’ Koeżjoni huwa riżervat għall-pajjiżi tal-EU li għandhom introjtu nazzjonali gross per capita ta’ anqas minn 90% tal-medja tal-UE. Mill-2021 sal-2027, il-Fond ta’ Koeżjoni qed jipprovdi appoġġ lil 15-il pajjiż tal-UE: il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja.

      Ir-regoli baġitarji u finanzjarji

      Ir-regoli għall-Fond ta’ Koeżjoni għall-2021-2027 huma stabbiliti fir-regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar il-Fond ta’ Koeżjoni. Il-Fond jappoġġja proġetti taħt l-għan “Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi”, prinċipalment għal proġetti ambjentali u ta’ infrastruttura tat-trasport, inklużi n-networks trans-Ewropej.

      Ir-regolament iżomm il-konċentrazzjoni tematika tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE. Il-Fond ta’ Koeżjoni jappoġġja żewġ objettivi speċifiċi: ekonomija aktar ekoloġika, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ċirkolari (l-Objettiv ta’ Politika (OP2)); u Ewropa aktar konnessa (OP3).

      Il-politika ta’ koeżjoni tistabbilixxi lista ta’ attivitajiet li ma jistgħux jiġu appoġġjati mill-Fond ta’ Koeżjoni fl-2021-2027. Din tinkludi d-dekummissjonar jew il-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari, infrastruttura tal-ajruporti (ħlief fir-reġjuni ultraperiferiċi) u xi faċilitajiet ta’ ġestjoni tal-iskart (eż. landfill).

      Il-baġit tal-UE għall-Fond ta’ Koeżjoni għall-2021-2027 huwa stabbilit għal EUR 42.6 biljun (bil-prezzijiet tal-2018, jiġifieri f’termini tal-valur tal-munita fl-2018), inklużi EUR 10 biljun għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li hija programm ta’ finanzjament tal-UE li jappoġġja l-iżvilupp tal-infrastruttura trans-Ewropea f’oqsma bħat-trasport, l-enerġija u s-servizzi diġitali. Ir-rata ta’ kofinanzjament tista’ tilħaq massimu ta’ 85% tal-valur tal-proġetti.

      37% tal-allokazzjonijiet finanzjarji totali tal-Fond ta’ Koeżjoni huma mistennija li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi tal-UE.

      Allokazzjonijiet tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 għal kull pajjiż tal-UE

      Pajjiż tal-UE Baġit (f’miljuni ta’ EUR)
      il-Bulgarija 1,467
      iċ-Ċekja 7,389
      l-Estonja 952
      il-Greċja 3,508
      il-Kroazja 1,372
      Ċipru 207
      il-Latvja 1,204
      il-Litwanja 1,645
      l-Ungerija 3,015
      Malta 192
      il-Polonja 10,750
      il-Portugall 3,946
      ir-Rumanija 4,094
      is-Slovenja 834
      is-Slovakkja 1,868
      Total 42,556*

      * Inkluża l-assistenza teknika (EUR 114-il miljun).

      Sors: Kummissjoni Ewropea, bil-prezzijiet tal-2018.

      Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

      Ir-regolamenti li jistabbilixxu l-politika ta’ koeżjoni l-ġdida għall-2021–2027 kienu soġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li skontha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadottaw liġijiet b’mod konġunt, fuq bażi ugwali. Dan kien ifisser li l-Parlament kellu d-drittijiet kollha li jipproponi emendi, li ppermettewlu jagħmel ir-regoli proposti aktar flessibbli u aktar adattati għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi tal-UE.

      Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2022 dwar il-bidu tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027, il-Parlament indika l-COVID-19 bħala l-kawża ewlenija tad-dewmien fin-negozjati tal-politika ta’ koeżjoni, li wassal għal dewmien sussegwenti fl-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv għall-finanzjament 2021-2027. Il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq pjan ta’ kontinġenza biex tindirizza t-tħassib possibbli dwar in-nuqqas ta’ implimentazzjoni minħabba l-fatt li l-programm beda tard, billi beża’ li jkun hemm tnaqqis fil-baġit fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss. Ir-riżoluzzjoni tenfasizza li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 ixekkel il-kapaċità tal-pajjiż tal-UE li jirrispondu għall-kriżijiet, inkluża l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

      F’Settembru 2025, bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ koeżjoni għall-2021-2027, il-Parlament u l-Kunsill adottaw emendi għar-regolamenti li jirregolaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni. Dawn l-emendi jippermettu lill-pajjiżi tal-UE jidderieġu mill-ġdid il-finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond ta’ Koeżjoni lejn il-prijoritajiet strateġiċi l-ġodda tal-UE, li jinkludu l-enerġija, ir-reżiljenza tal-ilma u l-investimenti relatati mal-akkomodazzjoni (inkluż għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli). Għal aktar informazzjoni dettaljata dwar dak li nbidel wara r-rieżami ta’ nofs it-terminu, ara l-iskeda informattiva (3.1.1).

      Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-Agrikoltura u s-Sajd. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali.

       

      Kelly Schwarz / JOHANNA CHLÖÉ LYOR TIRINELLI