It-trasport bl-ajru: ir-regoli tas-suq

Din l-iskeda informattiva tispjega kif il-ħolqien tas-suq uniku tal-avjazzjoni lejn l-aħħar tad-disgħinijiet ittrasforma b’mod radikali l-industrija tat-trasport bl-ajru fl-UE u, matul l-aħħar 30 sena, ikkontribwixxa bil-kbir għat-tkabbir qawwi fit-trasport bl-ajru fl-Ewropa. Tkopri wkoll l-iżviluppi fir-regoli tas-suq tal-UE dwar it-trasport bl-ajru, inkluż l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u l-passi meħuda biex l-industrija ssir aktar ekoloġika.

Il-bażi legali

  • L-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-Kunsill) li jadottaw liġijiet dwar it-trasport bl-ajru.
  • L-objettivi

    L-objettivi ewlenin tar-regoli tal-UE dwar it-trasport bl-ajru jinkludu dawn li ġejjin:

    • li joħolqu suq uniku tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa;
    • li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku tat-trasport bl-ajru;
    • li jestendu s-suq uniku tat-trasport bl-ajru għal ċerti pajjiżi mhux tal-UE fejn possibbli.
    • L-iżviluppi fir-regoli tas-suq tal-UE dwar it-trasport bl-ajru

      Storikament, it-trasport bl-ajru żviluppa taħt l-awspiċji u l-kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali. Fl-Ewropa, dan kien ġeneralment ifisser trasportaturi monopolistiċi nazzjonali u ajruporti ta’ sjieda pubblika u ġestiti b’mod pubbliku. It-trasport internazzjonali bl-ajru, li huwa bbażat fuq ftehimiet bilaterali interstatali, espanda konsegwentement – b’kontroll strett, b’mod partikolari, tal-aċċess għas-suq u s-sistemi ta’ proprjetà tat-trasportaturi.

      Wara li s-suq intern kien komplut, diversi settijiet ta’ miżuri regolatorji tal-UE biddlu gradwalment is-swieq nazzjonali protetti tal-avjazzjoni f’suq uniku kompetittiv għat-trasport bl-ajru (fil-prattika, l-avjazzjoni saret l-ewwel mod ta’ trasport – u fil-biċċa l-kbira għadha l-uniku wieħed – li jibbenefika minn suq uniku integrat għalkollox). Bis-saħħa tal-ewwel (1987) u tat-tieni (1990) pakkett tal-Att Uniku Ewropew, bdew jillaxkaw ir-regoli li jirregolaw it-tariffi u l-kapaċitajiet. Fl-1992, it-tielet pakkett, li minn dak iż-żmien ġie sostitwit bir-regolament dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008), neħħa r-restrizzjonijiet kummerċjali kollha li kien fadal għal-linji tal-ajru Ewropej li joperaw fl-UE. Dan ġie sussegwentement estiż għan-Norveġja, l-Iżlanda u l-Iżvizzera u jista’ jiġi estiż aktar għall-pajjiżi ġirien permezz tal-Ftehim dwar Żona ta’ Avjazzjoni Komuni Ewropea[1].

      It-tielet pakkett issostitwixxa t-trasportaturi bl-ajru nazzjonali bit-trasportaturi bl-ajru Komunitarji u stabbilixxa l-prinċipju bażiku li kwalunkwe trasportatur bl-ajru Komunitarju jista’ liberament jistabbilixxi tariffi għall-passiġġieri u l-merkanzija u jista’ jikseb aċċess għal kwalunkwe rotta fl-UE mingħajr ebda permess jew awtorizzazzjoni (bl-eċċezzjoni ta’ xi rotot speċifiċi li fuqhom l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku, abbażi ta’ ċerti kundizzjonijiet u għal perjodu limitat ta’ żmien).

      It-tielet pakkett stabbilixxa wkoll ir-rekwiżiti li t-trasportaturi bl-ajru Komunitarji jeħtiġilhom jirrispettaw sabiex jibdew jew ikomplu joperaw.

      • Dawn jeħtiġilhom jappartjenu lil Stati Membri u/jew lil ċittadini ta’ Stati Membri u jkunu kkontrollati effettivament minnhom, u l-post prinċipali tan-negozju tagħhom irid ikun fi Stat Membru.
      • Is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom trid tkun tajba. Jeħtiġilhom ikunu assigurati kif xieraq biex ikopru r-responsabbiltà f’każ ta’ aċċident.
      • Irid ikollhom il-kapaċità u l-organizzazzjoni professjonali biex jiżguraw is-sikurezza tal-operazzjonijiet skont ir-regolamenti fis-seħħ. Din il-kapaċità tintwera mill-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ operatur tal-ajru.
      • B’mod parallel, ġew adottati regoli komuni biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq uniku tal-avjazzjoni, li kien jeħtieġ, b’mod partikolari: (1) kundizzjonijiet ekwi u (2) livell għoli u uniformi ta’ protezzjoni għall-passiġġieri.

        Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, il-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat (l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE) u l-kompetizzjoni (l-Artikoli 101 sa 109 tat-TFUE – fużjonijiet, alleanzi, iffissar tal-prezzijiet, eċċ.) tapplika għas-settur tat-trasport bl-ajru. Il-Kummissjoni adottat linji gwida dwar il-valutazzjoni tal-finanzjament pubbliku tas-settur (għal-linji tal-ajru fl-1994, u għall-ajruporti u għal għajnuna tal-bidu għal-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali fl-2005). Dawn ġew aġġornati fir-rebbiegħa tal-2014.

        Ir-regoli tal-UE jiżguraw li t-trasportaturi kollha jingħataw l-istess drittijiet u l-istess opportunitajiet biex jiksbu aċċess għal servizzi relatati mat-trasport bl-ajru. Madankollu, dan mhuwiex il-każ f’xi pajjiżi mhux tal-UE fejn prattiki u sussidji diskriminatorji jaf jagħtu vantaġġi kompetittivi inġusti lit-trasportaturi lokali.

        Biex tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni, ir-regolament dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru (ir-Regolament (UE) 2019/712 tas-17 ta’ April 2019) stabbilixxa mekkaniżmu intiż biex jiżgura kompetizzjoni ġusta u biex iżomm konnettività għolja madwar l-UE. Biex jinkisbu dawn l-objettivi, ir-regolament ta s-setgħa lill-Kummissjoni tibda investigazzjonijiet u tieħu deċiżjonijiet dwar miżuri repressivi jekk prattika li tfixkel il-kompetizzjoni tkun ikkawżat dannu jew toħloq theddida ċara ta’ dannu lil trasportatur tal-ajru tal-UE. Ir-regolament daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Mejju 2019.

        L-aċċess ġust għall-ajruporti u s-servizzi tal-ajruport huwa żgurat permezz tar-Regolament dwar is-Slots (ir-Regolament (KEE) Nru 95/93), li jipprevedi li, f’ajruporti b’konġestjoni, il-linji tal-ajru jeħtiġilhom jiġu allokati slots (jiġifieri l-permess għal inżul u tluq f’data speċifika u f’ħin speċifiku) b’mod ekwu, mhux diskriminatorju u trasparenti minn koordinatur tas-slots indipendenti. Sabiex tkompli ttejjeb l-effiċjenza tal-allokazzjoni tas-slots u sabiex tiżgura l-aħjar użu tal-kapaċità tal-ajruporti[2], fl-2011 il-Kummissjoni ħarġet bil-proposta emendatorja. Madankollu, in-negozjati dwar din il-proposta ġew sospiżi fl-2013.

        Id-direttiva dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-UE (id-Direttiva 96/67/KE) fetħet gradwalment is-suq għall-kompetizzjoni għas-servizzi fuq l-art. Madankollu, proposta tal-Kummissjoni mill-2011 biex jinfetaħ aktar dan is-suq fl-akbar ajruporti Ewropej ġiet irtirata fl-2014. Id-Direttiva tal-2009 dwar l-Imposti tal-Ajruporti (id-Direttiva 2009/12/KE) tistabbilixxi l-prinċipji bażiċi għall-istabbiliment tal-imposti tal-ajruporti mħallsa mit-trasportaturi bl-ajru għall-użu tal-faċilitajiet u s-servizzi tal-ajruport. Fis-17 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni adottat proposti kemm għal deċiżjoni kif ukoll għal regolament dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportar fl-avjazzjoni. Fl-24 ta’ April 2024, il-Parlament u l-Kunsill adottaw iż-żewġ atti:

        • id-deċiżjoni dwar ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tat-trasport bit-triq u tal-avjazzjoni (id-Deċiżjoni (UE) 2024/1254);
        • ir-regolament dwar ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tat-trasport bit-triq u tal-avjazzjoni (ir-Regolament (UE) 2024/1230).
        • Biex jiġi żgurat aċċess ġust għan-networks ta’ distribuzzjoni u biex dawn ma jitħallewx jinfluwenzaw l-għażla tal-konsumatur, hemm regoli komuni li ilhom fis-seħħ mill-1989. Dawn jinkludu regoli dwar sistemi kompjuterizzati ta’ prenotazzjoni jew CRSs (li jservu bħala l-intermedjarji tekniċi bejn il-linji tal-ajru u l-aġenti tal-ivvjaġġar), inkluż l-obbligu li juru s-servizzi tal-ajru tal-linji tal-ajru kollha b’mod mhux diskriminatorju fuq l-iskrins tal-kompjuter tal-aġenziji tal-ivvjaġġar (ir-Regolament (KE) Nru 80/2009). Madankollu, ir-rwol tas-CRSs naqas peress li d-distribuzzjoni online ilha tiżdied dejjem aktar fl-użu, inkluż mis-siti elettroniċi tat-trasportaturi.

          Biex ikunu protetti l-passiġġieri (ara 2.2.3) u l-inġenji tal-ajru u jkun żgurat livell għoli u uniformi ta’ sikurezza madwar l-UE, regoli nazzjonali tas-sikurezza ġew sostitwiti b’regoli komuni tas-sikurezza, li ġew estiżi progressivament għall-katina kollha tat-trasport bl-ajru. Barra minn hekk, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ġiet stabbilita biex tabbozza dispożizzjonijiet regolatorji tas-sikurezza u biex tissorvelja l-implimentazzjoni tagħhom (ara 3.4.9). Ir-rekwiżiti tas-sigurtà fl-ajruporti kollha tal-UE ġew armonizzati wkoll biex jiġu evitati aħjar atti malizzjużi kontra l-inġenji tal-ajru u l-passiġġieri u l-ekwipaġġ tagħhom (ara 3.4.7). Apparti dan, regoli komuni biex ikunu protetti d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru (ir-Regolament (KE) Nru 261/2004) jiżguraw li l-passiġġieri jirċievu mill-anqas livell minimu ta’ assistenza u kumpens f’każ ta’ dewmien twil jew kanċellazzjoni. Minkejja li jipprovdu protezzjoni ħafna aħjar tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru milli fi kwalunkwe reġjun ieħor tad-dinja, xi drabi r-regoli fis-seħħ qed ikunu diffiċli biex jiġu applikati, u dan iwassal għal kawżi frekwenti fil-qorti[3]. F’Marzu 2013, il-Kummissjoni ppreżentat proposta ġdida li temenda r-regolament dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri u r-regolament dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru (ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97) bil-għan li tkompli ttejjeb l-infurzar tar-regoli tal-UE billi tiċċara l-prinċipji fundamentali u d-drittijiet impliċiti tal-passiġġieri. Il-Parlament u l-Kunsill s’issa ma rnexxilhomx jaqblu dwar test finali, u l-Kunsill dan l-aħħar ċaħad l-emendi tal-Parlament, fl-24 ta’ Marzu 2026. Rappreżentanti miż-żewġ istituzzjonijiet iffurmaw Kumitat ta’ Konċiljazzjoni biex ikomplu n-negozjati.

          F’Ottubru 2022, l-UE u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja[4] ffirmaw ftehim dwar it-trasport bl-ajru biex iżidu l-konnessjonijiet diretti bejn iż-żewġ żoni u jespandu l-opportunitajiet tat-trasport bl-ajru filwaqt li jaġġornaw ukoll ir-regoli u l-istandards.

          F’Jannar 2023, id-Deċiżjoni (UE) 2023/145 ħassret id-direttiva dwar il-limitazzjoni tal-emissjoni ta’ ħsejjes minn ajruplani ċivili jet subsoniċi (id-Direttiva tal-Kunsill 89/629/KEE), peress li kienet saret obsoleta bid-direttiva dwar ir-regolamentazzjoni tal-operazzjoni tal-ajruplani (id-Direttiva 2006/93/KE), li esiġiet it-tneħħija gradwali sħiħa tal-inġenji tal-ajru kollha li ma kinux konformi mal-limiti tal-emissjonijiet tal-ħsejjes tagħha.

          Fil-Programm ta’ Ħidma għall-2025 tagħha, il-Kummissjoni ħabbret li kien beħsiebha tirtira l-proposta tal-2011 għal regolament dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Unjoni Ewropea, li dwarha l-Parlament adotta pożizzjoni fl-ewwel qari fl-2012. Il-Kummissjoni enfasizzat li l-proposta issa ma għadhiex valida u li se tibbaża t-triq ’il quddiem fuq is-sejbiet ta’ kontroll tal-idoneità li diġà tnieda.

          Ir-reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19

          Wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ġew adottati diversi miżuri li jindirizzaw id-diffikultajiet li s-settur tal-avjazzjoni kien qed jaffaċċja:

          • ir-Regolament (UE) 2020/459 tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità biddel ir-regoli dwar “titjiriet fantażma” sabiex jeħles lil-linji tal-ajru mill-obbligu li jużaw is-slots tagħhom billi l-inġenji tal-ajru jtiru vojta. Il-mekkaniżmu ġie estiż diversi drabi. L-aħħar reviżjoni tar-regoli – ir-regolament dwar is-solliev temporanju mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti tal-Unjoni (ir-Regolament (UE) 2022/2038) – ġiet adottata f’Ottubru 2022. B’mod ġenerali, din ir-reviżjoni se tagħti aktar flessibbiltà lil-linji tal-ajru biex jirrispondu għal żviluppi mhux mistennija fil-futur qrib. Il-gwerra fl-Ukrajna wriet ukoll li tipi oħra ta’ żviluppi mhux previsti fuq ċerti rotot jista’ jkollhom impatti serji u permanenti fuq it-traffiku tal-ajru u l-kapaċità tal-linji tal-ajru li jissodisfaw ir-rekwiżiti normali tal-okkupanza tas-slots;
          • ir-regolament li jemenda r-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 (ir-Regolament (UE) 2020/696 tal-25 ta’ Mejju 2020). Il-miżuri temporanji jinkludu emenda għar-regoli ta’ liċenzjar tat-trasportaturi tal-ajru fil-każ ta’ problemi finanzjarji kkawżati mill-pandemija; simplifikazzjoni tal-proċeduri li japplikaw għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tat-traffiku; u proċeduri tal-għoti aktar effiċjenti għall-kuntratti tas-servizzi fuq l-art.
          • Biex tindirizza r-riskju ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku, il-Kummissjoni ppubblikat qafas temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat (aġġornat diversi drabi). Dan jippermetti lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu assistenza lill-kumpaniji, flimkien mal-possibbiltajiet disponibbli skont ir-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat. Minn dak iż-żmien, l-Istati Membri pproponew għadd ta’ miżuri mifruxa mal-ekonomija kollha u xi miżuri speċifiċi għas-settur. F’Marzu 2023, il-qafas temporanju ġie estiż biex jappoġġja miżuri għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u biex jippermetti lill-Istati Membri jappoġġjaw l-ekonomija fil-kuntest tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna.

            Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport

            Il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55%”, adottat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew f’Lulju 2021, jinkludi sett ta’ liġijiet li jkopru t-trasport bl-ajru:

            • direttiva li tirrevedi l-Iskema Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet[5] biex jiġu eliminati gradwalment il-kwoti tal-emissjonijiet bla ħlas għall-avjazzjoni u biex ikun hemm allinjament mal-Iskema globali ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali;
            • regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi rivedut, li b’mod partikolari jistipula li l-inġenji tal-ajru jkollhom aċċess għal provvista ta’ elettriku nadif fl-ajruporti ewlenin;  
            • regolament dwar l-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwi għal transport bl-ajru sostenibbli (ReFuelEU Aviation). Mill-2025 ’il hawn, l-ajruporti u l-fornituri tal-fjuwil tal-UE huma obbligati jiżguraw li mill-anqas 2% tal-fjuwil tal-avjazzjoni jkun ekoloġiku u dan is-sehem għandu jiżdied kull ħames snin, għal 70% fl-2050.
            • Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

              F’bosta rapporti, u b’mod partikolari fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 1995 intitolata “The way forward for civil aviation in Europe” (It-triq ’il quddiem għall-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa), il-Parlament enfasizza l-bżonn ta’ politika komuni dwar it-trasport bl-ajru li tipprevedi kompetizzjoni akbar u aktar ġusta bejn il-linji tal-ajru. L-appoġġ tal-Parlament għall-istabbiliment u l-funzjonament xieraq tas-suq uniku tal-avjazzjoni għalhekk kien kostanti.

              F’tali kuntest, madankollu, il-Parlament enfasizza kontinwament li l-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru trid tkun implimentata b’attenzjoni u b’mod gradwali u trid tibbilanċja l-interessi kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-industrija.

              Għaldaqstant, matul l-aħħar tletin sena, il-Parlament dejjem tkellem favur il-kompetizzjoni ġusta, is-sikurezza tal-avjazzjoni, il-kwalità tas-servizz u d-drittijiet tal-passiġġieri, filwaqt li ddefenda wkoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tal-linji tal-ajru, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent. Pereżempju, sa mill-bidu tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni, il-Parlament talab kriterji li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru u l-adozzjoni ta’ regoli komuni dwar is-servizzi fuq l-art, l-imposti tal-ajruporti u d-drittijiet tal-passiġġieri. Barra minn hekk, il-Parlament qed jimbotta favur fjuwils tal-avjazzjoni aktar ekoloġiċi, l-introduzzjoni mħaffa ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli u l-ħolqien ta’ fond tal-avjazzjoni sostenibbli.

              Dan l-aħħar, din l-attitudni bbilanċjata lejn il-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru reġgħet ħarġet fid-dieher meta l-Parlament, fl-ewwel qari, emenda b’mod radikali l-proposti tal-Kummissjoni tal-2011 dwar is-slots u dwar is-servizzi fuq l-art fl-ajruporti tal-UE.

              Fir-rapport tiegħu tal-20 ta’ Marzu 2018 dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru, il-Parlament esprima l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni mmirata biex tiddefendi lit-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni mill-prattiki inġusti tal-linji tal-ajru ta’ pajjiżi mhux tal-UE. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jistabbilixxi strument tal-Unjoni prattiku, effettiv u faċli biex jintuża, li jservi ta’ deterrent jew ikun kapaċi jikkumpensa d-dannu li jirriżulta minn għajnuna mill-Istat jew minn imġiba diskriminatorja oħra minn atturi mhux tal-UE fis-settur tal-avjazzjoni.

              Riżoluzzjonijiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi relatati tal-Parlament Ewropew:

              • ir-riżoluzzjoni tal-14 ta’ Frar 1995 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-triq ’il quddiem għall-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa;
              • ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru fil-Komunità;
              • ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-UE;
              • ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tas-16 ta’ April 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ groundhandling fl-ajruporti tal-Unjoni u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE;
              • ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-5 ta’ Frar 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u r-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom;
              • ir-riżoluzzjoni tal-11 ta’ Novembru 2015 dwar l-avjazzjoni;
              • ir-riżoluzzjoni tas-16 ta’ Frar 2017 dwar Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa;
              • ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-14 ta’ Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 868/2004;
              • ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tas-26 ta’ Marzu 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità;
              • ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-15 ta’ Mejju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward il-validità ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli u taħriġ perjodiċi f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport;
              • ir-riżoluzzjoni tal-5 ta’ Mejju 2022 dwar l-impatt tal-gwerra illegali Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna fuq is-setturi tat-trasport u tat-turiżmu tal-UE. Din tesprimi tħassib dwar l-effett li l-gwerra fl-Ukrajna qed ikollha fuq l-ispejjeż operattivi tas-settur tal-avjazzjoni, peress li dan qed jagħmel it-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija aktar għali;
              • ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar in-notifika skont l-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA).
              • Wara t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-impatti konsegwenti tagħha fuq it-trasport, il-Parlament adotta diversi riżoluzzjonijiet leġiżlattivi permezz ta’ proċeduri urġenti biex jindirizza l-effetti negattivi immedjati tal-pandemija fuq is-settur tat-trasport. Sussegwentement, fid-19 ta’ Ġunju 2020, adotta riżoluzzjoni dwar it-trasport u t-turiżmu fl-2020 u lil hinn, li fiha appella għal appoġġ rapidu, fuq terminu qasir u fit-tul għas-setturi tat-trasport u tat-turiżmu biex jiġu żgurati s-sopravivenza u l-kompetittività tagħhom.

                Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għat-Trasport, l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu.

                 

                [1]Studju intitolat “Overview of the air services agreements concluded by the EU” (Ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru konklużi mill-UE) (il-Parlament Ewropew, 2013) jagħti analiżi tal-kontenut u tar-riżultati ta’ dawn il-ftehimiet.
                [2]Il-linji tal-ajru jistgħu ma jużawx sal-massimu s-slots tagħhom biex jevitaw li jirritornawhom fil-ġemgħa ta’ slots għar-riallokazzjoni lill-kompetituri. Ta’ min jinnota li filwaqt li l-UE kellha madwar 90 ajruport ikkoordinat (jiġifieri bis-slots) fl-2016, fl-Istati Uniti kien hemm biss żewġ ajruporti ta’ dan it-tip. Ara b’mod partikolari, ir-rapport intitolat “Airport slots and aircraft size at EU airports” (Slots tal-ajruporti u daqs tal-inġenji tal-ajru fl-ajruporti tal-UE) (il-Parlament Ewropew, 2016).
                [3]L-Iskeda Informattiva (2.2.3) tittratta d-drittijet tal-passiġġieri. F’Ġunju 2016, sabiex jiġu ċċarati r-regoli fis-seħħ, il-Kummissjoni adottat sett ta’ linji gwida bbażati fuq il-ġurisprudenza.
                [4]L-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) hija unjoni politika u ekonomika li għandha l-għan li tippromwovi l-kooperazzjoni fost il-11-il stat membru tagħha.
                [5]L-Iskema Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tistabbilixxi limitu fuq l-ammont ta’ gassijiet serra li settur jista’ jemetti. Il-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE mbagħad jiġu rkantati jew allokati bla ħlas u jsiru disponibbli għan-negozjar.

                Ariane Debyser