Il-Kultura
Din l-iskeda informattiva tispjega x’tagħmel l-UE biex tappoġġja s-setturi kulturali u kreattivi. Tenfasizza l-oqfsa strateġiċi u l-inizjattivi ewlenin għall-kultura, li għandhom l-għan li jrawmu d-diversità, il-kooperazzjoni u l-innovazzjoni. Tiddeskrivi wkoll ir-rwol tal-Parlament Ewropew biex jiġu indirizzati l-isfidi kontinwi, inklużi dawk relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti, it-trasformazzjoni diġitali u d-diversità kulturali.
Il-bażi legali
- It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: l-Artikolu 3 jiddikjara li l-UE jeħtiġilha “tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha, u tiżgura li jitħares u jittejjeb il-wirt kulturali tal-Ewropa”.
- It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: l-Artikolu 6 jistabbilixxi li r-rwol tal-UE, fir-rigward tal-qasam tal-kultura, huwa li jappoġġja, jikkoordina jew jikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri. L-Artikolu 167 jiddikjara li l-UE jeħtiġilha tikkontribwixxi biex il-kulturi tal-Istati Membri jiżviluppaw, filwaqt li jiġu rispettati d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess ħin jiġi promoss il-wirt kulturali komuni. F’dan ir-rigward, għandu l-għan li jħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u li jappoġġja u jissupplimenta: it-titjib tal-għarfien u t-tixrid tal-kultura u l-istorja Ewropea; il-konservazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali; l-iskambji kulturali li mhumiex ta’ natura kummerċjali; u l-ħolqien artistiku u letterarju, inkluż dak fis-settur awdjoviżiv.
- Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea: l-Artikolu 13 jissalvagwardja l-espressjoni kulturali billi jiżgura l-libertà tal-arti u r-riċerka xjentifika, u l-Artikolu 22 jissalvagwardja r-rispett għad-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.
- iżommu u jsaħħu l-valuri u d-drittijiet kulturali Ewropej, inklużi azzjonijiet li għandhom l-għan li jissalvagwardjaw il-libertà artistika;
- jagħtu s-setgħa lill-artisti u lin-nies, eż. fir-rigward tal-edukazzjoni artistika u kulturali, u fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti;
- jibbażaw fuq il-kultura u l-wirt kulturali biex isaħħu l-kompetittività, ir-reżiljenza u l-koeżjoni;
- jippromwovu relazzjonijiet u sħubijiet kulturali internazzjonali, eż. l-integrazzjoni tal-kultura fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE.
- enfasi akbar fuq il-ħolqien u l-innovazzjoni tranżnazzjonali;
- aċċess aktar faċli għall-finanzjament permezz ta’ rati ogħla ta’ kofinanzjament (li jfisser li l-programm Ewropa Kreattiva jkun jista’ jipprovdi aktar finanzjament għall-proġetti);
- enfasi fuq l-appoġġ tal-kooperazzjoni fil-livell tal-UE biex is-settur awdjoviżiv Ewropew isir aktar kompetittiv globalment;
- skema ta’ mobbiltà għall-artisti u l-professjonisti;
- azzjonijiet immirati lejn il-ħtiġijiet ta’ setturi kreattivi speċifiċi, bħall-mużika, l-arkitettura u l-wirt kulturali.
- jappoġġja s-settur tal-mużika;
- jagħti prijorità lit-talent femminili, jappoġġja l-karrieri artistiċi u professjonali tan-nisa, u jippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
- irawwem l-inklużjoni billi jsir aktar faċli għal persuni minn gruppi żvantaġġjati li jieħdu sehem fil-programm u billi jiġi ssimplifikat il-proċess tal-applikazzjoni.
- spazji aċċessibbli inklużivi li jrawmu d-djalogu bejn kulturi, dixxiplini, ġeneri u etajiet differenti;
- soluzzjonijiet sostenibbli li jirrispettaw l-ekosistemi tal-pjaneta tagħna.
L-objettivi tal-approċċ tal-UE għall-politika kulturali
Il-kultura hija primarjament qasam ta’ politika nazzjonali, u għalhekk l-UE għandha l-għan li tappoġġja u tikkomplementa l-azzjonijiet fil-livell nazzjonali permezz ta’ qafas ta’ kooperazzjoni strateġika mal-Istati Membri, mas-soċjetà ċivili u mas-sħab internazzjonali, u permezz ta’ finanzjament iddedikat.
Il-qafas li għadu kif ġie adottat (il-Boxxla Kulturali għall-Ewropa) ifittex li jkompli jiżviluppa approċċ strateġiku għall-politika kulturali tal-UE u li jagħti prijorità lill-kultura bħala riżorsa strateġika għad-demokrazija, il-koeżjoni u l-kompetittività, filwaqt li jsaħħaħ l-ekosistema kulturali nnifisha permezz ta’ appoġġ għal min joħloq, l-aċċess, l-innovazzjoni u l-involviment globali.
L-iżviluppi politiċi fil-qasam tal-kultura
A. Boxxla Kulturali għall-Ewropa
Fit-12 ta’ Novembru 2025, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat qafas strateġiku ġdid għas-settur kulturali tal-UE bit-titolu “Boxxla Kulturali għall-Ewropa”, is-suċċessur tal-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura tal-2018.
Dan il-qafas strateġiku jintroduċi 20 azzjoni ewlenija li javvanzaw f’erba’ direzzjonijiet ewlenin:
Il-Boxxla Kulturali hija akkumpanjata wkoll minn abbozz ta’ Dikjarazzjoni Konġunta bit-titolu “L-Ewropa għall-Kultura - Il-Kultura għall-Ewropa” li laħqu qbil dwaru l-Parlament u l-Kunsill tal-UE.
Il-Ministri tal-Kultura tal-Istati Membri jiddeterminaw il-prijoritajiet għat-tfassil tal-politika kulturali fil-livell tal-UE permezz ta’ pjanijiet ta’ ħidma għall-kultura għal bosta snin, u dawn il-pjanijiet ta’ ħidma jiġu adottati formalment bħala konklużjonijiet tal-Kunsill u normalment ikopru perjodi ta’ erba’ snin. Flimkien mal-qafas strateġiku, dawn il-pjanijiet ta’ ħidma huma l-istrumenti prinċipali użati għall-kooperazzjoni kulturali tal-UE, li jindirizzaw l-iżviluppi politiċi kontemporanji u jistabbilixxu l-prijoritajiet, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.
Bħalissa, huwa applikabbli l-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Kultura 2023–2026, adottat mill-Kunsill fid-29 ta’ Novembru 2022.
B. Ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali
Il-komunikazzjoni konġunta bit-titolu “Lejn Strateġija tal-UE għal Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali”, ippreżentata mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà f’nofs l-2016, għandha l-għan tħeġġeġ il-kooperazzjoni kulturali bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha. L-istrateġija tisħaq fuq l-impenn tal-UE biex trawwem relazzjonijiet kulturali internazzjonali permezz ta’ interazzjonijiet u sħubijiet sinifikanti ma’ pajjiżi mhux tal-UE, kif ukoll biex tippromwovi diversi kulturi tal-Istati Membri permezz tad-diplomazija kulturali. Huwa ppjanat aġġornament tal-istrateġija għal tmiem l-2027.
Il-programmi ta’ finanzjament u l-inizjattivi ta’ appoġġ
A. Ewropa Kreattiva
Il-programm Ewropa Kreattiva huwa programm ta’ finanzjament ewlieni tal-UE ddedikat għas-setturi kulturali u kreattivi, li ġie varat għall-ewwel darba fl-2014 għal seba’ snin. F’Mejju 2021, ġie adottat it-tieni programm Ewropa Kreattiva (għall-perjodu 2021-2027), u dan jiżgura EUR 2.44 biljun, somma li tirrappreżenta żieda ta’ finanzjament ta’ 36% meta mqabbel mal-programm preċedenti.
Il-programm jinqasam fi tliet fergħat: il-media, il-kultura u l-fergħa transsettorjali. L-aspetti ewlenin introdotti għall-perjodu 2021-2027 huma:
Il-programm ipoġġi enfasi speċjali fuq tliet oqsma:
Fis-16 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni pproponiet lil AgoraEU bħala s-suċċessur tal-programm Ewropa Kreattiva, li jintegra l-Ewropa Kreattiva maż-żewġ fergħat tiegħu, jiġifieri l-kultura u l-media, mal-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE se jkollhom bżonn japprovaw il-proposta tal-Kummissjoni qabel ma tkun tista’ tidħol fis-seħħ.
B. Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura
Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura hija waħda mill-aktar inizjattivi kulturali magħrufa u ta’ suċċess tal-UE. Kull sena, żewġt ibliet f’żewġ pajjiżi differenti tal-UE jintgħażlu bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura. Il-pajjiżi tal-UE jipparteċipaw skont kalendarju ta’ rotazzjoni stabbilit minn qabel, filwaqt li kull tliet snin tista’ tintgħażel ukoll it-tielet belt minn pajjiż kandidat tal-UE, pajjiż kandidat potenzjali, jew pajjiż mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles jew pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-bliet jintgħażlu minn panel ta’ esperti indipendenti abbażi ta’ programm kulturali li jrid ikollu dimensjoni Ewropea b’saħħitha, jinvolvi nies lokali ta’ kull età u jikkontribwixxi għall-iżvilupp fit-tul tal-belt. L-inizjattiva, li ġiet varata fl-1985, s’issa tat dan it-titlu lil aktar minn 70 belt u ċċelebrat l-40 anniversarju tagħha fl-2025. Ir-regoli li jirregolaw l-inizjattiva huma stabbiliti fid-deċiżjoni tal-2014 dwar l-inizjattiva tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2020 sal-2033, u din id-deċiżjoni ġiet emendata fl-2017 biex tiftaħ il-parteċipazzjoni għall-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u għall-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (id-Deċiżjoni (UE) 2017/1545).
Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed terġa’ teżamina l-inizjattiva tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura u qed tħejji l-bażi legali ta’ wara l-2033, biex tiżgura li din tkompli tkun rilevanti, inklużiva u tħalli impatt.
C. Il-wirt kulturali
Permezz tad-Direttiva tal-2014 dwar ir-ritorn ta’ oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta’ Stat Membru, l-UE tfittex li tipproteġi l-wirt kulturali nazzjonali u tirrikonċilja l-protezzjoni tiegħu mal-prinċipju tal-moviment liberu ta’ oġġetti. Id-Direttiva tipprevedi r-ritorn fiżiku ta’ oġġetti kulturali li tneħħew illegalment mit-territorju ta’ Stat Membru minn Jannar 1993 u tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u proċedimenti biex jiġi żgurat li oġġetti li tneħħew illegalment jiġu ritornati.
Iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew beda fl-2005 bħala inizjattiva intergovernattiva bejn diversi Stati Membri, biex pubblikament jiddeżinjaw siti ta’ importanza kulturali u storika. Din l-inizjattiva tal-UE ġiet formalment stabbilita fl-2011, u l-objettiv ġenerali tagħha huwa li ssaħħaħ id-djalogu interkulturali u s-sens ta’ appartenenza għall-UE tan-nies. Is-siti taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew jintgħażlu għall-valur simboliku kbir tagħhom, ir-rwol li kellhom fl-istorja u fil-kultura tal-Ewropa u tal-UE, u r-rabta tagħhom mal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem. Mill-2013 ’l hawn, 80 sit ingħataw iċ-ċertifikat. Il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika fl-2025 bl-għan li timmodernizza l-iskema taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, tagħti spinta lill-viżibbiltà tagħha, ittejjeb il-kollaborazzjoni tranżnazzjonali u tintegra l-prinċipji tat-turiżmu sostenibbli.
Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali saret fl-2018 u kellha l-għan tenfasizza r-rwol tal-wirt kulturali Ewropew biex jitrawwem sens kondiviż ta’ storja u identità. L-inizjattiva rċeviet EUR 8 miljun f’finanzjament, u din is-somma kopriet azzjonijiet ta’ tħejjija fl-2017 u l-implimentazzjoni fl-2018. Filwaqt li jibni fuq il-legat tiegħu, il-Qafas Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Wirt Kulturali jistabbilixxi approċċ strutturat għal attivitajiet relatati mal-wirt madwar l-UE. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2021 dwar il-kisba ta’ eredità politika effettiva għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, il-Parlament Ewropew saħaq fuq l-importanza li jitwettqu l-azzjonijiet inklużi f’dan il-qafas.
Fi tmiem l-2025, il-Kummissjoni Ewropea u l-Fondazzjoni Europeana ppubblikaw l-Ispazju Komuni Ewropew tad-Data għall-Wirt Kulturali – Strateġija 2025–2030. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tibni spazju tad-data affidabbli, interoperabbli u aċċessibbli dwar il-wirt kulturali li jagħti spinta lill-użu mill-ġdid, l-innovazzjoni u t-trasformazzjoni diġitali sal-2030.
D. Il-premjijiet
Il-politika kulturali tal-UE tappoġġja premjijiet varji fl-oqsma tal-wirt kulturali, l-arkitettura, il-letteratura u l-mużika. L-objettiv ta’ dawn il-premjijiet huwa li jiġu rikonoxxuti l-kwalità eċċellenti u s-suċċess tal-attivitajiet Ewropej f’dawn l-oqsma u tintefa’ attenzjoni fuq ix-xogħol tal-artisti, il-mużiċisti, l-arkitetti, il-kittieba u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-wirt kulturali. Iservu wkoll ta’ vetrina għad-diversità kulturali rikka tal-Ewropa u l-importanza tad-djalogu interkulturali u l-attivitajiet kulturali transfruntiera fl-UE u lil hinn minnha.
E. Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida
L-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB) ġiet varata fit-18 ta’ Jannar 2021. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘‘Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida – Sbuħija, Sostenibbiltà, Flimkien” ta’ Settembru 2021 tiddeskrivi l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida bħala proġett kreattiv u interdixxiplinari li jħeġġeġ u jiffaċilita it-tfassil ta’ stili ta’ ħajja tal-futur, fejn jiltaqgħu l-arti, il-kultura, ix-xjenza u t-teknoloġija. L-għan prinċipali tal-Bauhaus huwa li tippromwovi l-ħolqien ta’ spazji ta’ għajxien li huma konformi mal-Patt Ekoloġiku Ewropew billi tappoġġja:
Fis-16 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat komunikazzjoni u proposta għal rakkomandazzjoni ġdida tal-Kunsill intitolata “Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida — minn viżjoni għall-implimentazzjoni” biex issaħħaħ il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. Il-proposta tiddeskrivi azzjonijiet li jixprunaw it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u l-innovazzjoni, jippromwovu ambjenti mibnija sostenibbli, jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini permezz tal-parteċipazzjoni, u jisfruttaw l-edukazzjoni, il-kultura u l-arti għat-trasformazzjoni lokali.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew enfasizza b’mod konsistenti l-potenzjal tas-setturi kulturali u kreattivi u appoġġja l-iżvilupp tagħhom billi alloka r-riżorsi meħtieġa għall-programm Ewropa Kreattiva 2021–2027.
Il-pandemija tal-COVID-19 kixfet is-sitwazzjoni prekarja tal-ħaddiema tas-setturi kulturali u kreattivi. Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-artisti u l-irkupru kulturali fl-UE, il-Parlament appella għal “Status Ewropew tal-Artist” biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u standards minimi madwar l-UE. Abbażi ta’ dan, f’Novembru 2023 il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar qafas tal-UE għas-sitwazzjoni soċjali u professjonali tal-artisti u tal-ħaddiema fis-setturi kulturali u kreattivi. Dan kien ir-riżultat tax-xogħol tal-Kumitat tal-Parlament għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, u stiednu lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li tistabbilixxi qafas tal-UE għall-artisti u l-ħaddiema kulturali, inkluża direttiva dwar kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol u paga ġusta.
Fl-20 ta’ Jannar 2021, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-kisba ta’ eredità politika effettiva għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, li tappella għal protezzjoni u inklużjoni aktar b’saħħithom tal-wirt minoritarju, kif ukoll appoġġ għal avvenimenti kulturali tradizzjonali Ewropej u pan-Ewropej. Barra minn hekk, fid-dawl tal-invażjoni sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni talab studju dwar il-protezzjoni tal-wirt kulturali mill-kunflitti armati fl-Ukrajna u lil hinn minnha.
Fit-8 ta’ Marzu 2022, il-Parlament indirizza r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fil-kultura, l-edukazzjoni, il-media u l-isport, filwaqt li appella għall-ugwaljanza, il-ġbir tad-data u politiki tas-setturi kulturali u kreattivi aktar inklużivi permezz tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rwol tal-kultura, tal-edukazzjoni, tal-media u tal-isport fil-ġlieda kontra r-razziżmu.
Permezz tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura u l-Istrateġija tal-UE għar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali tal-14 ta’ Diċembru 2022, il-Parlament ivvaluta l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura u l-istrateġija tal-UE għar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali, filwaqt li appella għal koordinazzjoni aktar b’saħħitha, strateġija fit-tul u azzjoni kontra t-traffikar illeċitu ta’ proprjetà kulturali.
Permezz tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2024 dwar id-diversità kulturali u l-kundizzjonijiet għall-awturi fis-suq Ewropew tal-istreaming tal-mużika, il-Parlament saħaq li hemm bżonn ta’ ekosistema ġusta u sostenibbli tal-istreaming tal-mużika fl-UE u li din l-ekosistema tippromwovi d-diversità kulturali, tiżgura remunerazzjoni ekwa għall-awturi u l-artisti tal-ispettaklu, u ttejjeb il-viżibbiltà tax-xogħlijiet mużikali Ewropej u tiffaċilita l-iskoperta tagħhom. Ir-riżoluzzjoni tistieden ukoll lill-Kummissjoni tistabbilixxi osservatorju Ewropew tal-mużika biex jiġbor u janalizza data dwar is-swieq tal-mużika.
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2025 dwar l-obbligi tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva fid-djalogu trans-Atlantiku tafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li tipproteġi l-qafas tal-politika awdjoviżiva u kulturali tagħha fid-dawl ta’ pressjoni esterna, b’mod partikolari mill-Istati Uniti.
Fl-10 ta’ Marzu 2026, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u l-intelliġenza artifiċjali ġenerattiva, li tindirizza r-relazzjoni bejn il-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) ġenerattiva filwaqt li tappella għal protezzjonijiet aktar b’saħħithom għal min joħloq. Ir-riżoluzzjoni tenfasizza li hemm bżonn trasparenza akbar fir-rigward tas-settijiet tad-data għat-taħriġ fl-IA, hemm bżonn li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ liċenzjar u remunerazzjoni ġusta għad-detenturi tad-drittijiet, filwaqt li tafferma mill-ġdid li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-UE tibqa’ bbażata fuq awturi li huma bnedmin.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għad-Drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Kostituzzjonali. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Parlament Ewropew.
Cosmin Ionut ROMAN / LÉANE EMMA CLARA COSTES