It-tkabbir tal-Unjoni
Din l-iskeda informattiva tispjega l-istorja, il-proċedura u l-perspettivi futuri tal-politika tat-tkabbir tal-UE. Infetħu n-negozjati ta’ adeżjoni u l-kapitoli mal-Albanija, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija. Il-Maċedonja ta’ Fuq fetħet in-negozjati tal-adeżjoni fl-2022, u l-Bożnija-Ħerzegovina fl-2024. Il-Kosovo ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal sħubija fl-UE fl-2022. Fl-2023, l-UE ddeċidiet tiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni mal-Moldova u l-Ukrajna u tagħti l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-Georgia (<a href="https://www.europarl.europa.eu/factsheets/MT/sheet/171/tliet-girien-tas-s%C4%A7ubija-tal-lvant-l-ukrajna-il-moldova-u-l-belarussja">5.5.6</a> and <a href="https://www.europarl.europa.eu/factsheets/MT/sheet/172/tliet-girien-tas-s%C4%A7ubija-tal-lvant-fil-kawkasu-tan-nofsinhar">5.5.7</a>).
Il-bażi legali
- L-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistabbilixxi liema Stati jistgħu japplikaw;
- L-Artikolu 2 tat-TUE jiddeskrivi l-valuri li fuqhom hija mibnija l-UE.
- l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi;
- ekonomija tas-suq li tiffunzjona u l-kapaċità li tiffaċċja l-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-UE;
- il-kapaċità li l-istat iwettaq l-obbligi tas-sħubija, inkluż billi jaderixxi mal-għanijiet tal-unjoni politika, ekonomika u monetarja, u jadotta r-regoli, l-istandards u l-politiki komuni li jsawru l-korp tal-liġi tal-UE (l-acquis communautaire).
L-objettivi
Il-politika dwar it-tkabbir tal-UE tfittex li tgħaqqad lill-pajjiżi Ewropej fi proġett politiku u ekonomiku komuni. Iggwidat mill-valuri tal-Unjoni u soġġett għal kundizzjonijiet stretti, it-tkabbir wera ruħu bħala wieħed mill-aktar għodod ta’ suċċess fil-promozzjoni tar-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali, u fil-konsolidazzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u d-demokrazija madwar il-kontinent. Il-politika tat-tkabbir issaħħaħ ukoll il-preżenza tal-UE fix-xena globali.
L-isfond
A. Il-kundizzjonijiet għall-adeżjoni
Kwalunkwe stat Ewropew jista’ japplika biex isir membru tal-Unjoni dment li jirrispetta l-valuri komuni tagħha u jimpenja ruħu sabiex jippromwovihom (l-Artikolu 49 tat-TUE). Il-kriterji ta’ Copenhagen, stabbiliti mill-Kunsill Ewropew fl-1993 f’Copenhagen, huma essenzjali fi kwalunkwe proċess ta’ integrazzjoni ta’ kwalunkwe pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali. Dawn jinkludu:
F’Diċembru 2006, il-Kunsill Ewropew qabel dwar “kunsens imġedded dwar it-tkabbir”, ibbażat fuq “il-konsolidazzjoni, il-kundizzjonalità u l-komunikazzjoni”, u fuq il-kapaċità tal-UE li tintegra membri ġodda.
B. Il-kapaċità ta’ integrazzjoni tal-UE: arranġamenti istituzzjonali
It-tkabbir suċċessiv ifforma parti sostanzjali min-negozjati istituzzjonali li wasslu għall-adozzjoni tat-Trattat ta’ Liżbona. L-UE kellha tadatta l-istituzzjonijiet u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha għall-wasla ta’ Stati Membri ġodda u kellha tiżgura li t-tkabbir ma jseħħx għad-detriment tat-tfassil ta’ politika effiċjenti u responsabbli. It-Trattat ta’ Liżbona introduċa tibdiliet kbar fil-kompożizzjoni u fil-ħidma tal-istituzzjonijiet prinċipali tal-UE. Xi wħud minn dawn it-tibdiliet irriflettew il-ħtieġa ta’ ġabra ta’ regoli sostenibbli li ma jirrikjedux emendi ġodda ma’ kull proċess ġdid ta’ tkabbir.
C. Il-proċess
Pajjiż li jixtieq jissieħeb mal-UE jindirizza l-applikazzjoni tiegħu lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li min-naħa tiegħu jitlob lill-Kummissjoni biex tissottometti opinjoni. Il-Parlament jiġi nnotifikat dwar din l-applikazzjoni. Jekk l-opinjoni tal-Kummissjoni tkun favorevoli, il-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE jistgħu jiddeċiedu - permezz ta’ vot unanimu fil-Kunsill Ewropew – li jagħtu l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-pajjiż. Wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi – b’mod unanimu – jekk għandhomx jinfetħu n-negozjati. Is-somma tal-leġiżlazzjoni tal-UE (l-acquis communautaire) tinqasam f’aktar minn 30 kapitolu ta’ politika. Qabel ma jibdew in-negozjati reali, il-Kummissjoni tippreżenta rapport ta’ “skrinjar” għal kull kapitolu. Abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi b’mod unanimu jekk jiftaħx jew le kapitoli jew raggruppamenti ta’ kapitoli ta’ negozjati ġodda. Kull meta l-progress jiġi ġġudikat bħala sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda “l-għeluq proviżorju” ta’ kapitolu jew raggruppament ta’ kapitoli. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi għal darb’oħra b’unanimità, filwaqt li jqis il-progress ġenerali fil-qasam tal-istat tad-dritt.
Meta jitlestew in-negozjati dar il-kapitoli kollha jew ġabriet ta’ kapitoli, it-termini u l-kundizzjonijiet – inklużi klawżoli possibbli ta’ salvagwardja u l-arranġamenti tranżizzjonali – jiġu inkorporati fi trattat ta’ adeżjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiż aderenti. It-trattat ta’ adeżjoni jista’ jiġi ffirmat biss wara l-kunsens tal-Parlament u l-approvazzjoni unanima tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Wara jitressaq mill-istati kontraenti kollha – inkluż il-pajjiż ta’ adeżjoni – għar-ratifika, skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom (jiġifieri ratifika mill-parlament jew referendum).
It-tkabbir fil-passat
| Pajjiż | Membru mill- | Partikolaritajiet |
|---|---|---|
| il-Belġju Franza il-Ġermanja l-Italja il-Lussemburgu in-Netherlands |
1958 | Firmatarji oriġinali tat-Trattat ta’ Ruma tal-1957. |
| id-Danimarka l-Irlanda ir-Renju Unit[1] |
1973 | Greenland, bħala parti mid-Danimarka, issieħbet fl-1973 iżda aktar tard irtirat fl-1985. |
| il-Greċja | 1981 | L-adeżjoni tal-Greċja kkonsolidat id-demokrazija fil-pajjiż. |
| il-Portugall Spanja |
1986 | Dan it-tkabbir ikkonsolida d-demokrazija fil-Portugall u fi Spanja. |
| l-Awstrija il-Finlandja l-Iżvezja |
1995 | Dawn il-pajjiżi qabel kienu membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u diġà kienu integrati b’mod strett fiż-Żona Ekonomika Ewropea. In-Norveġja kienet parti minn dawn in-negozjati iżda fl-aħħar irrifjutat l-adeżjoni wara referendum li fih 52% ivvutaw kontra s-sħubija fl-UE. |
| Ċipru iċ-Ċekja l-Estonja l-Ungerija il-Latvja il-Litwanja Malta il-Polonja is-Slovakkja is-Slovenja |
2004 | Bl-għan li jerġa’ jingħaqad il-kontinent wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin u l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika, dan it-tkabbir tnieda waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 1997. In-negozjati twettqu separatament ma’ kull pajjiż, abbażi ta’ qafas ta’ negozjati uniku. |
| il-Bulgarija ir-Rumanija |
2007 | Ir-ritmu tar-riformi fil-Bulgarija u r-Rumanija ma ppermettiex lil dawn il-pajjiżi jissieħbu fl-2004. Madankollu, “mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u verifika” f’oqsma ewlenin – ir-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (dan tal-aħħar japplika biss għall-Bulgarija) – iddaħħal fis-seħħ biex jiġi monitorjat il-progress wara l-adeżjoni. |
| il-Kroazja | 2013 | In-negozjati ta’ adeżjoni mal-Kroazja kienu soġġetti għal kundizzjonalità rigoruża stabbilita f’Diċembru 2006 mill-“kunsens imġedded dwar it-tkabbir” tal-Kunsill Ewropew. |
A. Il-Balkani tal-Punent
Ir-relazzjonijiet mal-Balkani tal-Punent jaqgħu fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni, li tnieda fl-1999. Huwa bbażat fuq ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni bilaterali.
L-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE, fl-1 ta’ Lulju 2013, tikkostitwixxi inċentiv sinifikanti għal pajjiżi oħra fir-reġjun. Abbażi tal-esperjenza mal-Kroazja, il-Kummissjoni pproponiet aktar titjib fl-approċċ tan-negozjati tagħha fl-“Istrateġija tat-Tkabbir” tagħha tal-2011-2012, inkluża enfasi aktar qawwija fuq il-kwistjonijiet tal-istat tad-dritt. Dan ifisser li l-kapitoli ta’ negozjar dwar ir-riforma ġudizzjarja u d-drittijiet fundamentali (il-Kapitolu 23) u dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà (il-Kapitolu 24) se jinfetħu fi stadju bikri tan-negozjati futuri kollha u se jkunu l-aħħar li jingħalqu. Dan l-approċċ reġa’ ġie affermat u msaħħaħ fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2020 intitolata “It-titjib tal-proċess ta’ adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent”, li introduċiet metodoloġija riveduta għat-tkabbir tal-Balkani tal-Punent. Huwa wkoll parti integrali mill-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent, li ġie ppubblikat bħala parti mill-pakkett tat-tkabbir tal-Kummissjoni tal-2020.
Fit-8 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat pjan ġdid ta’ tkabbir ta’ EUR 6 biljun għall-Balkani tal-Punent, ibbażat fuq erba’ pilastri u li jkopri l-perjodu 2024-2027. Il-pjan għandu l-għan li jġib uħud mill-benefiċċji tas-sħubija fl-UE fir-reġjun qabel l-adeżjoni, fuq il-bażi tal-aġendi tar-riforma speċifiċi għall-pajjiż u bil-fondi li jingħataw biss wara li jkun ivverifikat li r-riformi jkunu ġew kompluti. F’Lulju 2024, il-Kummissjoni inkludiet għall-ewwel darba erba’ pajjiżi kandidati (l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja) fir-rapport annwali tagħha dwar l-istat tad-dritt.
Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u d-deċiżjoni tal-UE li tagħti status ta’ pajjiż kandidat lill-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna u li tibda negozjati ta’ adeżjoni mal-Moldova u l-Ukrajna wasslu wkoll biex tiġġedded l-attenzjoni fuq il-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tal-Balkani tal-Punent.
Sal-lum, infetħu 33 kapitolu ta’ negozjar mal-Montenegro, u 14 ingħalqu b’mod proviżorju. Is-Serbja fetħet 22 minn 35 kapitolu ta’ negozjar, li minnhom tnejn ingħalqu b’mod proviżorju. Filwaqt li l-Montenegro għamel progress notevoli fl-2024 u fl-2025, jeħtieġ li s-Serbja turi aktar determinazzjoni dwar ir-riformi relatati mal-integrazzjoni tal-UE, ittejjeb l-allinjament tal-politika barranija tagħha u twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Ftehim ta’ Ohrid, ftehim imġedded tal-bidu tal-2023 biex terġa’ tqajjem id-djalogu staġnat dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħha mal-Kosovo.
F’Marzu 2020, il-Kunsill iddeċieda li jiftaħ negozjati ta’ adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq (b’sett ta’ kundizzjonijiet għall-Albanija). F’Lulju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz tal-oqfsa ta’ negozjar lill-Istati Membri. In-negozjati ta’ adeżjoni maż-żewġ pajjiżi nfetħu formalment f’Lulju 2022 wara dewmien twil li kien prinċipalment ikkawżat minn kwistjonijiet bejn il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Bulgarija b’rabta mal-identità, il-lingwa u l-istorja. Minn Ottubru 2024, l-Albanija fetħet it-33 kapitolu ta’ negozjar kollha, u l-aktar kapitoli reċenti nfetħu f’Novembru 2025. Il-Maċedonja ta’ Fuq temmet is-sessjonijiet ta’ skrinjar għas-sitt raggruppamenti ta’ negozjar kollha f’Diċembru 2023, iżda għadu ma nfetaħ l-ebda raggruppament/kapitolu.
Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2015. Fi Frar 2016, il-Bożnija-Ħerzegovina ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija. Fl-opinjoni tagħha ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni elenkat 14-il prijorità ewlenija li l-Bożnija-Ħerzegovina trid tissodisfa sabiex tiftaħ in-negozjati ta’ adeżjoni. Minkejja n-nuqqas tagħha li twettaq il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-prijoritajiet, il-Bożnija-Ħerzegovina ngħatat status ta’ pajjiż kandidat f’Diċembru 2022. Wara rakkomandazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni, f’Marzu 2024 il-Kunsill Ewropew iddeċieda li, flimkien mal-Bożnija-Ħerzegovina, jiftaħ negozjati ta’ adeżjoni mal-UE mingħajr prekundizzjonijiet ulterjuri. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-progress fit-triq lejn l-integrazzjoni fl-UE tal-Bożnija-Ħerzegovina baqa’ limitat u kajman.
Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2016. F’Diċembru 2022, il-Kosovo applika għal sħubija fl-UE. Wara vot deċiżiv fil-Parlament f’April 2023, il-Kosovo ilu minn Jannar 2024 jibbenefika minn vjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen. Il-Kosovo qed iwettaq ukoll djalogu ffaċilitat mill-UE mas-Serbja li għandu jwassal għal ftehim komprensiv legalment vinkolanti dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom. Iż-żewġ pajjiżi jeħtieġ li jwettqu l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim ta’ Ohrid.
B. It-Turkija
It-Turkija applikat għas-sħubija fl-UE fl-1987 u ġiet iddikjarata pajjiż kandidat fl-1999. In-negozjati bdew f’Ottubru 2005. Ftit wara, tmien kapitoli ġew imblukkati, u ġie deċiż li ebda kapitolu mhu se jingħalaq b’mod proviżorju qabel ma t-Turkija tapplika l-“Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Ankara” fir-rigward ta’ Ċipru. Stati Membri individwali kienu kontra l-ftuħ ta’ kapitoli oħra. Wara waqfien ta’ aktar minn tliet snin, f’Novembru 2013 infetaħ kapitolu ta’ negozjar ġdid. Ieħor infetaħ f’Diċembru 2015. Fit-18 ta’ Marzu 2016, it-Türkiye u l-UE tennew l-impenn tagħhom li jimplimentaw il-pjan ta’ azzjoni konġunt tagħhom biex iwaqqfu l-fluss ta’ migranti irregolari lejn l-UE u jagħtu spinta ġdida lill-proċess ta’ adeżjoni. Dan wassal għall-ftuħ ta’ kapitolu addizzjonali f’Ġunju 2016, li ġab l-għadd totali ta’ kapitoli miftuħa għal 16 minn 35, li minnhom wieħed ingħalaq b’mod proviżorju. Madankollu, fid-dawl tad-deterjorament drammatiku tal-istat tad-dritt fit-Turkija, b’mod partikolari wara l-attentat ta’ kolp ta’ stat ta’ Lulju 2016 u wara rigress fl-istandards demokratiċi minn dak iż-żmien ’l hawn, il-proċess ta’ adeżjoni mat-Turkija huwa de facto ffriżat. Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija komplew jiddeterjoraw minħabba l-għażliet ta’ politika barranija tat-Turkija, li ssarrfu f’allinjament tal-politika barranija ta’ madwar 4%, l-aktar allinjament baxx, u l-promozzjoni tagħha tas-soluzzjoni ta’ “gżira waħda b’żewġ stati” għall-kwistjoni ta’ Ċipru.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Skont l-Artikolu 49 tat-TUE, il-Parlament irid jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe adeżjoni ġdida mal-UE. Huwa għandu wkoll vuċi importanti fl-aspetti finanzjarji tal-adeżjoni: is-setgħat baġitarji tiegħu jagħtuh influwenza diretta fuq l-ammonti allokati għall-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni u fuq il-faċilitajiet finanzjarji tal-UE stabbiliti biex jappoġġjaw lill-Ukrajna, lill-Moldova u lill-Balkani tal-Punent.
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament jaħtar rapporteurs permanenti għall-pajjiżi kandidati u għall-pajjiżi kandidati potenzjali kollha. Il-Parlament jesprimi l-pożizzjonijiet tiegħu dwar it-tkabbir fil-forma ta’ riżoluzzjonijiet annwali li jwieġbu għar-rapporti tal-pajjiż annwali l-aktar reċenti tal-Kummissjoni. Fid-29 ta’ Frar 2024, huwa adotta riżoluzzjoni dwar l-approfondiment tal-integrazzjoni tal-UE fid-dawl tat-tkabbir futur.
Fil-11 ta’ Marzu 2026, il-Parlament adotta rakkomandazzjonijiet dwar l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, li sejħilhom rispons strateġiku għar-realtà ġeopolitika li qed tevolvi u investiment vitali fis-sigurtà u l-istabbiltà tal-Unjoni, fejn il-progress jibqa’ bbażat fuq il-mertu, xprunat mill-valuri u kundizzjonali fuq ir-riformi. Il-Parlament iżomm ukoll relazzjonijiet bilaterali mal-parlamenti tal-pajjiżi kollha tat-tkabbir permezz tad-delegazzjonijiet tiegħu, li jiddiskutu regolarment mal-kontropartijiet tagħhom dwar kwistjonijiet li huma rilevanti għall-perkorsi ta’ integrazzjoni rispettivi tagħhom fl-UE. Huwa osserva elezzjonijiet fil-pajjiżi kollha tat-tkabbir minbarra t-Turkija, li għad trid tistieden lill-Parlament biex jagħmel dan.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mill-Unità tal-Ewropa tal-Parlament Ewropew (Tkabbir, Ewropa tal-Punent u Kooperazzjoni tat-Tramuntana). Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web dwar it-Tkabbir.
Alexandros Karides