Il-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi Afrikani u l-Unjoni Afrikana (UA) hija bbażata fuq żewġ oqfsa distinti: jiġifieri (a) il-Ftehimiet ta’ Sħubija mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u (b) l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE. Il-Ftehim ta’ Sħubija, li ġie ffirmat f’Cotonou (Benin) fl-2000 bejn l-UE u l-Istati AKP u li fforma l-pedament legali tad-dimensjonijiet politiċi, ekonomiċi u ta’ żvilupp tas-sħubija għal aktar minn 20 sena, jinsab fil-proċess li jiġi sostitwit bi ftehim kompletament ġdid li ġie ffirmat f’Samoa fil-15 ta’ Novembru 2023. Oriġinarjament, il-Ftehim ta’ Cotonou kellu jiskadi fi tmiem l-2020 iżda ġie estiż, l-aktar reċenti sa Diċembru 2023, peress li l-iffirmar ta’ ftehim ġdid, innegozjat biex jimmodernizza u jtejjeb is-sħubija kien imblukkat fil-Kunsill tal-UE għal ħafna snin.
L-istrateġija Konġunta Afrika-UE ġiet implimentata permezz ta’ pjanijiet direzzjonali pluriennali u pjanijiet ta’ azzjoni adottati f’kull summit Afrika-UE. Fl-aħħar summit bejn l-UE u l-UA li sar fi Frar 2022 fi Brussell, il-mexxejja tal-UE u dawk Afrikani qablu dwar viżjoni konġunta għal sħubija mġedda bbażata fuq is-solidarjetà, is-sigurtà, il-paċi, l-iżvilupp sostenibbli u l-prosperità kondiviża.
L-Afrika tirċievi l-akbar donazzjonijiet ta’ għajnuna għall-iżvilupp mill-UE u din tingħata permezz tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali.
Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2023, il-President tal-Kummissjoni von der Leyen ħabbret li l-UE għandha tiżviluppa “sħubija ta’ benefiċċju reċiproku li tiffoka fuq kwistjonijiet komuni għall-Ewropa u l-Afrika” u taħdem fuq approċċ strateġiku ġdid mal-Afrika.

Il-bażi ġuridika

  • L-Artikoli 217 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
  • Il-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou bejn l-Istati AKP u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha (il-Ftehim ta’ Cotonou) – li għandu jiġi sostitwit mill-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Samoa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), min-naħa l-oħra minn Jannar 2024 ’il quddiem;
  • ir-Regolament (UE) 2021/947 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali.

Il-Ftehimiet ta' Sħubija AKP-UE

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika sub-Saħarjana huma msejsa b’mod partikolari fuq il-Ftehim ta’ Cotonou, li jistabbilixxi l-bażi għar-relazzjonijiet bejn l-UE u 79 pajjiż li jiffurmaw l-OSAKP.

Il-Ftehim ta’ Cotonou ġie ffirmat fl-2000 u kellu jiskadi fl-2020 iżda ġie estiż diversi drabi, bl-aħħar estensjoni tiegħu tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2023. L-objettiv ewlieni tal-Ftehim ta’ Cotonou kien li jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar u li jippromwovi l-integrazzjoni tal-pajjiżi AKP fl-ekonomija dinjija. Il-ftehim kien strutturat fuq tliet pilastri (politika, żvilupp, kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali) u kien implimentat minn istituzzjonijiet konġunti AKP-UE, inklużi Kunsill tal-Ministri, Kumitat ta’ Ambaxxaturi u Assemblea Parlamentari Konġunta.

In-negozjati dwar il-ftehim ta’ wara Cotonou bejn l-UE u l-OSAKP ġew konklużi f’Diċembru 2020, iżda l-iffirmar tal-ftehim il-ġdid sar biss f’Novembru 2023, minħabba nuqqas ta’ qbil intern tal-UE dwar in-natura tal-ftehim il-ġdid u riżervi minn żewġ Stati Membri tal-UE. Il-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid jistabbilixxi oqsma strateġiċi ta’ prijorità għall-kooperazzjoni, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza; il-paċi u s-sigurtà; l-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali; is-sostenibbiltà ambjentali u t-tibdil fil-klima; it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku inklużivi u sostenibbli; u l-migrazzjoni u l-mobbiltà. Il-ftehim il-ġdid, spiss imsemmi bħala l-“Ftehim ta’ wara Cotonou”, jenfasizza wkoll ir-rilevanza tal-kooperazzjoni fil-fora internazzjonali, u tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Il-kooperazzjoni hija strutturata fi tliet protokolli reġjonali li jirriflettu l-prijoritajiet differenti tar-reġjuni AKP. Il-Protokoll UE-Afrika sar qafas legali ewlieni għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika sub-Saħarjana. Il-Protokoll jagħti wkoll rwol akbar lid-djalogu u lill-kooperazzjoni mal-UA. L-oqsma ta’ prijorità reġjonali jinkludu t-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli; l-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali; l-ambjent u r-riżorsi naturali; il-paċi u s-sigurtà; l-istat tad-dritt, il-ġustizzja, id-demokrazija u l-governanza; id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; u l-migrazzjoni u l-mobbiltà.

Il-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid ta’ Samoa jipprevedi istituzzjonijiet konġunti, b’mod partikolari Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE u erba’ Assemblej Parlamentari, li jinkludu Assemblea Parlamentari Konġunta globali OSAKP-UE u tliet assemblej parlamentari reġjonali (Afrika-UE, Karibew-UE u Paċifiku-UE) (ara l-briefing mis-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu “After Cotonou: Towards a new agreement with the African, Caribbean and Pacific States”).(Wara Cotonou: Lejn ftehim ġdid mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku). Minn Novembru 2023, il-laqgħat kostituttivi tal-erba’ assemblej huma ppjanati li jsiru fi Frar 2024 f’Luanda, l-Angola. Kull waħda mill-erba’ assemblej se torganizza laqgħa annwali ordinarja waħda, li l-post tagħha se jalterna bejn post tal-UE u tal-AKP. L-assemblej reġjonali jistgħu jorganizzaw ukoll laqgħat addizzjonali flimkien mal-Assemblea Parlamentari Konġunta OSAKP-UE annwali.

l-istrateġija konġunta Afrika-UE

L-istrateġija inizjali Konġunta Afrika-UE ġiet adottata mill-mexxejja Ewropej u Afrikani fit-tieni summit UE-Afrika (f’Liżbona fl-2007) u ddefiniet il-viżjoni politika għas-sħubija Afrika-UE. L-għanijiet tagħha huma li:

  • tmur lil hinn mill-kooperazzjoni bejn id-donatur u l-benefiċjarju, billi tiftaħ ir-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE għal kwistjonijiet ta’ interess politiku komuni;
  • tkabbar il-kooperazzjoni billi jiġu indirizzati sfidi komuni globali bħalma huma l-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, il-paċi u s-sigurtà u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-fora internazzjonali;
  • tappoġġja l-aspirazzjonijiet tal-Afrika sabiex jitħeġġu reazzjonijiet transreġjonali u kontinentali għal dawn l-isfidi importanti;
  • taħdem favur sħubija ċċentrata fuq il-persuni, billi tiżgura parteċipazzjoni aħjar min-naħa taċ-ċittadini Afrikani u Ewropej.

Qabel l-aktar summit riċenti (is-sitt wieħed) bejn l-UE u l-UA, il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ħarġu l-komunikazzjoni bit-titolu “Lejn Strateġija komprensiva mal-Afrika”. Din tipproponi kooperazzjoni msaħħa msejsa fuq ħames pilastri: it-tranżizzjoni ekoloġika u l-aċċess għall-enerġija; it-trasformazzjoni diġitali; it-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli; il-paċi u l-governanza; u l-migrazzjoni u l-mobbiltà. Fil-25 ta’ Marzu 2021, il-Parlament adotta “riżoluzzjoni dwar Strateġija ġdida UE-Afrika – sħubija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv”. Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tenniet u saħħet partijiet mill-proposta, bħat-tkabbir sostenibbli u inklużiv, filwaqt appellat għal enfasi akbar fuq oħrajn, bħall-iżvilupp tal-bniedem, l-inklużjoni soċjali, id-drittijiet tal-bniedem, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ, u agrikoltura reżiljenti. Dwar il-migrazzjoni, ir-riżoluzzjoni qieset li s-suċċess tas-sħubija se jiddependi fuq titjib sinifikanti fl-opportunitajiet ta’ mobbiltà u talbet li jiġu żviluppati aktar kanali ta’ migrazzjoni legali.

Fis-sitt summit bejn l-UE u l-UA (Brussell, 17-18 ta’ Frar 2022) il-Kapijiet ta’ Stat tal-UE u tal-UA qablu dwar viżjoni konġunta għal sħubija mġedda “li tippromwovi l-prijoritajiet komuni tagħna, il-valuri kondiviżi, id-dritt internazzjonali, u li tippreserva flimkien l-interessi tagħna u l-beni pubbliċi komuni tagħna. Dan jinkludi fost l-oħrajn: is-sigurtà u l-prosperità taċ-ċittadini tagħna, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fl-isferi kollha tal-ħajja, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, l-azzjonijiet biex jiġu ppreservati l-klima, l-ambjent u l-bijodiversità, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, l-appoġġ għad-drittijiet tat-tfal, u l-inklużjoni tan-nisa, iż-żgħażagħ u dawk l-aktar żvantaġġati”. Fis-summit, intlaħaq qbil dwar Pakkett ta’ Investiment Afrika-Ewropa ta’ EUR 150 biljun bl-għan li jiġu promossi ekonomiji diversifikati, sostenibbli u reżiljenti.

Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp

L-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu d-donatur l-aktar sinifikanti tal-Afrika ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp.

B’riżultat tan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid 2021-2027 (ara l-iskeda informattiva separata 1.4.3 “Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali”), il-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija koperta mill-NDICI – Ewropa Globali, inkorporat bis-sħiħ fil-baġit tal-UE. Qabel, il-biċċa l-kbira tal-għajnuna għall-iżvilupp lill-pajjiżi Afrikani kienet ipprovduta mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li kien separat mill-baġit tal-UE.

L-NDICI – Ewropa Globali jiġbor flimkien għaxar strumenti u fondi separati mill-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, kif ukoll mill-Fond Ewropea għall-Iżvilupp. Dan għandu baġit globali ta’ EUR 79.5 biljun (fi prezzijiet tal-2020) u huwa magħmul minn tliet komponenti ewlenin: ġeografiku, tematiku u rispons rapidu. L-akbar sehem, riżervat għall-komponent ġeografiku, għandu valur ta’ EUR 60.4 biljun u kważi nofshom huma allokati għall-Afrika. 

Ir-relazzjonijiet kummerċjali

Il-Ftehim ta’ Cotonou ppermetta lill-UE u lill-pajjiżi AKP jinnegozjaw ftehimiet ta’ kummerċ ħieles orjentati lejn l-iżvilupp, imsejħa Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE). Il-kummerċ bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani – flimkien mal-integrazzjoni ekonomika reġjonali u kontinentali – huwa meqjus bħala element fundamentali għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika. Barra minn hekk, l-iskemi unilaterali jippermettu aċċess preferenzjali tas-suq lejn l-UE għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi sub-Saħarjani (ara l-iskeda informattiva separata 5.2.3 “Skemi kummerċjali applikabbli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw”). L-istrumenti prinċipali li jippromwovu l-kummerċ bejn l-UE u r-reġjuni Afrikani huma l-FSE, li huma meqjusa kompatibbli bis-sħiħ mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Madankollu, in-negozjar ta’ dawn l-FSE, li beda fl-2002, wera li huwa aktar diffiċli milli mistenni u ntlaqa’ b’reżistenza konsiderevoli minn xi gvernijiet Afrikan, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili lokali u t-trade unions. Għalhekk, diversi FSE, li kienu maħsuba biex ikopru reġjuni Afrikani sħaħ, qed jiġu applikati biss b’mod proviżorju ma’ pajjiżi li jixtiequ jagħmlu dan, bħall-Kosta tal-Avorju, il-Ghana, il-Kamerun, u l-Kenja (għal aktar informazzjoni, ara l-briefing tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu “EU economic partnership agreements with ACP countries”).

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Samoa teħtieġ legalment l-approvazzjoni tal-Parlament (l-Artikolu 218 tat-TFUE), għalkemm il-ftehim jista’ jiġi applikat parzjalment u proviżorjament qabel ma tingħata l-approvazzjoni u qabel ma l-Istati Membri jkunu rratifikawh. L-approvazzjoni tal-Parlament hija meħtieġa wkoll għal kwalunkwe FSE konkluż mal-pajjiżi AKP. Barra minn hekk, il-Parlament ikkontribwixxa b’mod attiv għat-tiswir tal-NDICI – Ewropa Globali u huwa involut fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tiegħu.

Il-Parlament għandu ħafna delegazzjonijiet interparlamentari permanenti għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi u l-istituzzjonijiet Afrikani. Il-korp ewlieni li fi ħdanu l-Parlament jikkoopera fir-rigward ta’ tali kwistjonijiet huwa l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, li hija magħmula minn Membri tal-Parlament Ewropew u membri tal-parlament tal-Istati AKP, u li tiżvolġi rwol fundamentali fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u s-sħab tagħha tal-AKP, skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Cotonou. Minbarra l-assemblej parlamentari reġjonali l-ġodda, waħda mit-talbiet ewlenin tal-Parlament matul in-negozjati kienet li tinżamm Assemblea Parlamentari Konġunta fil-ftehim il-ġdid, li huwa qies bħala conditio sine qua non għall-approvazzjoni tiegħu.

Il-Parlament żviluppa wkoll forom ta’ kooperazzjoni parlamentari mal-UA permezz tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Parlament Pan-Afrikan tiegħu, li ġiet stabbilita fl-2009. Is-summits parlamentari tipikament jakkumpanjaw lil dawk intergovernattivi, fejn is-summits parlamentari joħorġu dikjarazzjoni konġunta direttament lill-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern fil-bidu ta’ kull summit intergovernattiv.

L-UE għandha wkoll relazzjonijiet parlamentari privileġġjati mal-Afrika t’Isfel, li ssaħħew fl-2007 permezz tas-Sħubija Strateġika UE-Afrika t’Isfel -, l-unika sħubija strateġika bilaterali li l-UE għandha ma’ pajjiż Afrikan. Dan huwa rifless ukoll mid-Delegazzjoni permanenti tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Afrika t’Isfel.

 

Christian Meseth