Is-sorsi u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Din l-iskeda informattiva tispjega s-sorsi u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea. Tiddeskrivi l-ordni legali separat tal-UE, l-effett tiegħu fuq is-sistemi legali tal-Istati Membri u l-ġerarkija tal-liġi tal-Unjoni. Tippreżenta wkoll is-sorsi ewlenin tal-liġi tal-Unjoni, inklużi l-liġi primarja, il-leġiżlazzjoni sekondarja, il-ftehimiet internazzjonali, il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u l-liġi supplimentari. Fl-aħħar nett, tiddeskrivi r-rwol tal-Parlament fit-tfassil u t-titjib tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Il-bażi legali

  • It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). it-Trattati, flimkien mal-protokolli, l-annessi u d-dikjarazzjonijiet tagħhom, jiffurmaw il-qalba tal-liġi primarja tal-UE;
  • il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea: mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona (ara 1.1.5), il-Karta kellha l-istess valur legali bħat-Trattati (ara 4.1.2);
  • it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-Euratom): it-Trattat tal-Euratom għadu fis-seħħ bħala trattat separat;
  • il-ftehimiet internazzjonali: il-ftehimiet konklużi mill-UE jiffurmaw parti mil-liġi tal-Unjoni u huma subordinati għal-liġi primarja (ara 5.2.1);
  • il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni; dawn il-prinċipji, żviluppati prinċipalment permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), jiffurmaw parti mil-liġi primarja;
  • il-liġi sekondarja: din hija bbażata fuq it-Trattati u tinkludi atti legali adottati mill-istituzzjonijiet tal-UE. Din tkun valida biss jekk tkun konsistenti ma’ sorsi superjuri tal-liġi tal-Unjoni.
  • L-objettivi

    Il-liġi tal-UE toħloq ordni legali li tippermetti lill-Unjoni tikseb l-objettivi stipulati fit-Trattati. Dan l-ordni legali jistabbilixxi s-sorsi, il-ġerarkija u l-effetti tal-liġi tal-Unjoni.

    Il-ġerarkija tal-liġi tal-Unjoni Ewropea

    L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-istat tad-dritt u stabbiliet sistema sħiħa ta’ rimedji u proċeduri legali mfassla biex il-QĠUE tkun tista’ tirrieżamina l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-UE (l-Artikolu 263 tat-TFUE). It-Trattati u l-prinċipji ġenerali huma fil-quċċata tal-ġerarkija u huma kkunsidrati liġi primarja. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona fil-1 ta’ Diċembru 2009, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali wkoll ingħatat l-istess valur.

    Il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni Ewropea huma subordinati għal-liġi primarja. Fil-livell li jmiss fil-ġerarkija hemm il-leġiżlazzjoni sekondarja u din valida biss jekk tkun konformi mal-atti u mal-ftehimiet li jieħdu preċedenza fuqha. Il-prinċipju tas-supremazija tal-liġi tal-UE huwa pilastru fundamentali tal-ordinament legali tal-UE u għandu l-għan li jiżgura l-unità u l-konsistenza tal-liġi tal-UE. Fil-kawżi storiċi van Gend en Loos vs Nederlandse Administratie der Belastingen u Costa vs ENEL, il-QĠUE żviluppat il-prinċipji fundamentali tal-effett dirett u s-supremazija tal-liġi tal-UE, li aktar tard ġew ikkonfermati fil-ġurisprudenza sussegwenti.

    Is-sorsi u l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE

    A. Il-liġi primarja tal-Unjoni Ewropea

    Il-liġi primarja tikkonsisti prinċipalment mit-Trattati, il-Karta u l-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni (ara 1.1.1, 1.1.2, 1.1.3, 1.1.4, 1.1.5 u 4.1.2).

    B. Il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni Ewropea

    1. Il-qafas ġenerali

    L-atti legali tal-Unjoni huma elenkati fl-Artikolu 288 tat-TFUE. Dawn huma r-regolamenti, id-direttivi, id-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet. L-istituzzjonijiet tal-UE ma jistgħux jadottaw tali atti legali ħlief jekk ikunu awtorizzati biex jagħmlu dan mit-Trattati.

    Il-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni huma rregolati mill-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, kif stabbilit fl-Artikolu 5(1) tat-TUE. It-TFUE jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni, billi jaqsamhom fi tliet kategoriji: kompetenzi esklużivi (l-Artikolu 3), kompetenzi kondiviżi (l-Artikolu 4) u kompetenzi ta’ appoġġ (l-Artikolu 6), li bihom l-UE tadotta miżuri li jappoġġjaw jew jikkomplementaw il-politiki tal-Istati Membri. Il-lista ta’ oqsma li jaqgħu taħt dawn it-tliet tipi ta’ kompetenzi hija stabbilita fl-Artikoli 3, 4 u 6 tat-TFUE. Fin-nuqqas tas-setgħat meħtieġa sabiex jintlaħaq wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati, l-istituzzjonijiet jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 352 tat-TFUE, u għalhekk jadottaw id-“dispożizzjonijiet xierqa”.

    L-istituzzjonijiet jadottaw biss dawk l-istrumenti legali elenkati fl-Artikolu 288 tat-TFUE. L-uniċi eċċezzjonijiet jikkonċernaw il-politika estera, ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, li jibqgħu soġġetti għall-proċeduri intergovernattivi (ara 1.2.4). F’dan il-qasam, l-istrateġiji komuni, l-azzjonijiet komuni u l-pożizzjonijiet komuni huma sostitwiti mil-“linji gwida ġenerali” u mid-“deċiżjonijiet li jiddefinixxu” l-azzjonijiet u l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Unjoni u l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet (l-Artikolu 25 tat-TUE).

    Barra minn hekk, hemm diversi forom ta’ azzjoni, bħal rakkomandazzjonijiet, komunikazzjonijiet u atti dwar l-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-istituzzjonijiet (inklużi ftehimiet interistituzzjonali). Id-deżinjazzjoni, l-istruttura u l-effetti legali tagħhom jirriżultaw minn diversi dispożizzjonijiet fit-Trattati jew fir-regoli adottati skont it-Trattati.

    2. Il-ġerarkija tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE

    L-Artikoli 289, 290 u 291 tat-TFUE jistabbilixxu ġerarkija tal-leġiżlazzjoni sekondarja bejn l-atti leġiżlattivi, l-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni. L-atti leġiżlattivi huma atti legali li huma adottati permezz ta’ proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali.

    L-atti delegati huma atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ dawn l-atti tista’ tiġi delegata lill-Kummissjoni mill-koleġiżlaturi (il-Parlament u l-Kunsill). L-att leġiżlattiv jiddefinixxi l-objettivi, il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul tad-delega tas-setgħa, kif ukoll, fejn xieraq, kwalunkwe proċedura ta’ urġenza. Barra minn hekk, il-koleġiżlaturi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għalihom hija soġġetta d-delega, li jistgħu jkunu d-dritt li tiġi revokata d-delega jew id-dritt ta’ oġġezzjoni.

    L-atti ta’ implimentazzjoni ġeneralment huma adottati mill-Kummissjoni, li hija kompetenti biex tagħmel dan f’każijiet li fihom atti legalment vinkolanti jeħtieġu kundizzjonijiet uniformi ta’ implimentazzjoni. L-atti ta’ implimentazzjoni huma adottati mill-Kunsill f’każijiet speċifiċi biss ġustifikati b’mod xieraq u fl-oqsma tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni. Meta att bażiku jiġi adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Parlament jew il-Kunsill jistgħu fi kwalunkwe mument jindikaw lill-Kummissjoni li, fl-opinjoni tagħhom, l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni jeċċedi s-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fl-att bażiku. F’dan il-każ, il-Kummissjoni jeħtiġilha tirrevedi l-abbozz ta’ att ikkonċernat.

    3. It-tipi ta’ leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE

    a. Ir-regolamenti

    Ir-regolamenti huma ta’ applikazzjoni ġenerali, vinkolanti fl-intier tagħhom u applikabbli direttament. Dawn għandhom ikunu osservati bis-sħiħ minn dawk li għalihom japplikaw ir-regolamenti (individwi privati, Stati Membri, istituzzjonijiet tal-UE). Ir-regolamenti japplikaw direttament fl-Istati Membri kollha malli jidħlu fis-seħħ (fid-data stipulata jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea) u m’hemmx bżonn li jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali.

    Ir-regolamenti huma mfassla biex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha. Ir-regolamenti b’hekk irendu inapplikabbli l-liġijiet nazzjonali li ma jkunux kompatibbli mad-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolamenti.

    b. Id-direttivi

    Id-direttivi huma vinkolanti, fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb, għal kwalunkwe Stat Membru jew għall-Istati Membri kollha li lilhom huma indirizzati , iżda jħallu l-għażla tal-forma u tal-metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Il-leġiżlaturi nazzjonali jeħtiġilhom jadottaw att ta’ traspożizzjoni jew “miżura ta’ implimentazzjoni nazzjonali” biex jittrasponu d-direttivi jew jadattaw il-liġi nazzjonali mal-objettivi tagħhom. Iċ-ċittadini individwali ma jingħatawlhomx drittijiet u ma jkunux marbuta mill-att legali qabel ma jiġi adottat l-att ta’ traspożizzjoni. L-Istati Membri jingħataw ċerta diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-direttivi, sabiex iqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi. It-traspożizzjoni trid issir fi żmien l-iskadenza stabbilita mid-direttiva. Fit-traspożizzjoni tad-direttivi, l-Istati Membri jiggarantixxu l-effikaċja tal-liġi tal-UE, f’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-TUE.

    Fil-prinċipju, id-direttivi ma japplikawx direttament. Madankollu, il-QĠUE ddeċidiet li ċerti dispożizzjonijiet ta’ direttiva jistgħu, b’mod eċċezzjonali, ikollhom effett dirett fuq Stat Membru anki jekk dan tal-aħħar ikun għadu ma adottax l-att ta’ traspożizzjoni fil-każijiet fejn: (a) id-direttiva ma tkunx ġiet trasposta fil-liġi nazzjonali jew tkun ġiet trasposta ħażin; (b) id-dispożizzjonijiet tad-direttiva jkunu mingħajr kundizzjonijiet u ċari u preċiżi biżżejjed; u (c) id-dispożizzjonijiet tad-direttiva jagħtu drittijiet lil individwi.

    Jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati, l-individwi jistgħu jinvokaw id-dispożizzjoni kkonċernata fil-konfront tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi. Anki meta d-dispożizzjoni ma tagħti l-ebda dritt lill-individwu, u jkunu ġew issodisfati biss l-ewwel u t-tieni kundizzjonijiet, l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma obbligati jqisu d-direttiva mhux trasposta. Id-deċiżjoni msemmija hawn hija bbażata fuq il-prinċipji tal-effikaċja, il-prevenzjoni ta’ ksur tat-Trattati u l-protezzjoni legali. Min-naħa l-oħra, l-individwu jista’ ma joqgħodx fuq l-effett dirett ta’ direttiva mhux trasposta fil-konfront ta’ individwi oħra; din ir-regola tikkonferma n-nuqqas ta’ effett dirett orizzontali (Faccini Dori vs Recreb Srl, Kawża C-91/92, punt 25).

    Skont il-ġurisprudenza tal-QĠUE (Francovich, il-kawżi magħquda C-6/90 u C-9/90), ċittadin individwali għandu d-dritt jitlob kumpens minn Stat Membru li ma jkunx konformi mal-liġi tal-Unjoni. Dan hu possibbli, fil-każ ta’ direttiva mhux trasposta jew li tkun ġiet trasposta ħażin, meta: (a) id-direttiva tkun intenzjonata li tagħti drittijiet lill-individwi; (b) il-kontenut tad-drittijiet ikun jista’ jiġi identifikat abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva; u (c) ikun hemm rabta ta’ kawżalità bejn il-ksur tal-obbligu li tiġi trasposta d-direttiva u t-telf u d-dannu mġarrba mill-persuni li tkun saritilhom il-ħsara. Ir-responsabbiltà tal-Istat Membru tista’ tiġi stabbilita mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi ppruvat xi nuqqas min-naħa tal-Istat Membru.

    c. Id-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet

    Id-deċiżjonijiet huma vinkolanti fl-intier tagħhom. Meta deċiżjoni tindika d-destinatarji (Stati Membri, persuni fiżiċi jew ġuridiċi), din torbot lil dawn biss, u tindirizza sitwazzjonijiet speċifiċi għal dawk l-Istati Membri jew persuni. Individwu ma jistax jinvoka d-drittijiet mogħtija minn deċiżjoni li tkun indirizzata lil Stat Membru sakemm dan tal-aħħar ma jkunx adotta att ta’ traspożizzjoni. Id-deċiżjonijiet jistgħu japplikaw direttament fuq l-istess linji tad-direttivi.

    Ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet ma joħolqu l-ebda dritt jew obbligu għad-destinatarji tagħhom, iżda jistgħu jipprovdu gwida dwar l-interpretazzjoni u l-kontenut tal-liġi tal-Unjoni.

    Peress li r-rikorsi imressqa kontra l-Istati Membri skont l-Artikolu 263 tat-TFUE jridu jikkonċernaw atti li ġew adottati mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-UE, il-QĠUE ma għandha l-ebda ġuriżdizzjoni fuq deċiżjonijiet meħuda kollettivament mir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jaġixxu fil-kapaċità governattiva tagħhom. Fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Lulju 2022 dwar ir-rilokazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali deċiżjoni kienet miżura mhux vinkolanti ta’ kooperazzjoni politika u ma setgħetx tillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Il-Qorti ċċarat ukoll li l-Artikolu 341 tat-TFUE japplika għas-sedi tal-istituzzjonijiet tal-UE, mhux għall-korpi, għall-uffiċċji jew għall-aġenziji.

    4. Il-kompetenzi, il-proċeduri, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-atti legali

    a. Il-kompetenza leġiżlattiva, id-dritt ta’ inizjattiva u l-proċeduri leġiżlattivi (ara 1.3.2, 1.3.6, 1.3.8 u 1.2.3),

    Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jieħdu sehem fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’diversi livelli, skont il-bażi legali individwali. Il-Parlament jista’ jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposti leġiżlattivi lilu u lill-Kunsill.

    b. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    Skont il-liġi primarja, l-UE għandha biss setgħat ta’ implimentazzjoni limitati, peress li l-liġi tal-UE hija ġeneralment infurzata mill-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Artikolu 291(1) tat-TFUE jżid li “l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha tal-liġi nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti”. Meta jkun hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, il-Kummissjoni teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha (l-Artikolu 291(2) tat-TFUE).

    c. L-għażla tat-tip ta’ att legali

    F’ħafna każijiet, it-Trattati jistabbilixxu t-tip tal-att legali li għandu jiġi adottat. Madankollu, f’ħafna każijiet oħra, ma jiġi speċifikat l-ebda tip ta’ att legali. F’dawn il-każijiet, l-Artikolu 296(1) tat-TFUE jgħid li l-istituzzjonijiet għandhom jiddeċiedu każ b’każ, “skont il-proċeduri applikabbli, u skont il-prinċipju tal-proporzjonalità”.

    C. Il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali

    It-Trattati jagħmlu ftit li xejn referenzi għall-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. Dawn il-prinċipji ġew prinċipalment żviluppati fil-ġurisprudenza tal-QĠUE (iċ-ċertezza legali, il-bilanċ istituzzjonali, l-aspettattivi leġittimi, eċċ.), li hija wkoll il-bażi għar-rikonoxximent tad-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali fil-liġi tal-Unjoni. Dawn il-prinċipji issa jinsabu minquxa fl-Artikolu 6(3) tat-TUE, li jirreferi għad-drittijiet fundamentali kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara 4.1.2).

    D. Il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE skont l-Artikoli 216 u 217 tat-TFUE

    L-Unjoni tista’, fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha, tikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi mhux tal-UE jew organizzazzjonijiet internazzjonali (l-Artikolu 216(1) tat-TFUE). Dawn il-ftehimiet huma vinkolanti għall-Unjoni u għall-Istati Membri u jagħmlu parti integrali mil-liġi tal-Unjoni (l-Artikolu 216(2) tat-TFUE). Skont l-Artikolu 217 tat-TFUE, l-UE tista’ wkoll tikkonkludi ftehimiet li jistabbilixxu assoċjazzjoni li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjoni komuni u proċeduri speċjali.

    Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ġie konkluż f’konformità ma’ din id-dispożizzjoni. Fit-28 ta’ April 2021, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit skont l-Artikolu 218(6a) tat-TFUE.

    Skont il-ġurisprudenza tal-QĠUE, il-liġi internazzjonali tieħu preċedenza fuq il-liġi sekondarja tal-UE. Bis-saħħa tal-Artikolu 216(2) tat-TFUE, il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, jorbtu lill-istituzzjonijiet tagħha u, konsegwentement, dawn jirbħu fuq l-atti tal-Unjoni.

    E. It-tfassil aħjar tal-liġijiet u l-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-UE

    Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ikopri l-programmazzjoni annwali u pluriennali u l-aspetti kollha taċ-ċiklu ta’ politika. Jistabbilixxi wkoll id-diversi impenji tal-istituzzjonijiet li jwasslu leġiżlazzjoni tal-UE ta’ kwalità għolja li tkun effiċjenti, effettiva, sempliċi u ċara, u li tevita regolamentazzjoni żejda u piżijiet bla bżonn għall-individwi, l-awtoritajiet pubbliċi u n-negozji, speċjalment l-SMEs.

    Madankollu, riċerka reċenti kkummissjonata mill-Parlament tindika li l-involviment ta’ riċerka indipendenti jeħtieġ li jkun: (1) imtejjeb fl-istadju tal-formulazzjoni u l-ippjanar tal-istrateġiji tal-UE, inkluż billi jitqassar id-dewmien għall-introduzzjoni tar-riformi leġiżlattivi; (2) applikat bl-istess mod għall-inizjattivi leġiżlattivi kollha (eż. eċċezzjonijiet għal fajls urġenti jnaqqsu l-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-UE f’oqsma importanti); u (3) applikat bl-istess mod għall-evalwazzjonijiet tal-effetti tal-liġi tal-UE, li bħalissa ma għandhomx valutazzjonijiet kruċjali tal-effetti kwantifikati minħabba nuqqas ta’ ġbir ta’ data.

    Barra minn hekk, riċerka reċenti mwettqa għall-Parlament tissuġġerixxi li l-istruttura u l-lingwaġġ kumplessi żżejjed tal-leġiżlazzjoni tal-UE joħolqu ostakli għaċ-ċittadini tal-UE biex jifhmu d-drittijiet tagħhom u dan jagħmel l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE aktar diffiċli. Esperti mill-Parlament u mill-Istati Membri jenfasizzaw il-ħtieġa li tiġi riformata l-leġiżlazzjoni tal-UE biex din issir aktar aċċessibbli u ċċentrata fuq iċ-ċittadin.

    Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

    Skont l-Artikolu 14(1) tat-TUE: “Il-Parlament Ewropew għandu, flimkien mal-Kunsill, jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi (permezz tal-“proċedura leġiżlattiva ordinarja”) u baġitarji (permezz ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali skont l-Artikolu 314 tat-TFUE)”. Il-Parlament qed jimmira li jissimplifika l-proċess leġiżlattiv, itejjeb il-kwalità tal-abbozzar ta’ testi legali u jiżgura li jiġu imposti penali aktar effettivi fuq dawk l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.

    Il-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni jippreżenta l-prijoritajiet politiċi ewlenin tal-Kummissjoni u jidentifika azzjonijiet konkreti, kemm leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi, li jimplimentaw dawn il-prijoritajiet. Il-Parlament għandu rwol awtentiku fil-ħolqien ta’ liġijiet ġodda, peress li jeżamina l-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni u jindika liema liġijiet jixtieq li jiġu introdotti.

    Fl-2004, il-Parlament ħoloq ħames dipartimenti tematiċi li jipprovdu għarfien espert indipendenti ta’ livell għoli, analiżi u pariri dwar il-politika fuq talba tal-kumitati u ta’ korpi parlamentari oħra. Din ir-riċerka indipendenti – li tgħaqqad lill-Membri tal-PE, lid-dinja akkademika u liċ-ċittadini – għandha takkumpanja kull inizjattiva leġiżlattiva, mill-ippjanar tagħha sal-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tagħha u tikkontribwixxi għall-kwalità għolja tal-leġiżlazzjoni u l-interpretazzjoni tagħha[1].

    Wara li kisbet personalità legali, l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehimiet internazzjonali (l-Artikoli 216 u 217 tat-TFUE). Kwalunkwe ftehim konkluż fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni kif ukoll fl-oqsma kollha li l-politiki tagħhom jidħlu fl-ambitu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja jirrikjedi l-approvazzjoni tal-Parlament (l-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE). Pereżempju, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu fit-28 ta’ April 2021 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit. F’okkażjonijiet oħra, il-Parlament wera li mhux se joqgħod lura milli juża l-veto tiegħu jekk ikollu tħassib serju. Pereżempju, huwa rrifjuta l-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni fl-2012.

    F’Lulju 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni bi tweġiba għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Regolamentazzjoni Aħjar: Ningħaqdu flimkien biex nagħmlu liġijiet aħjar”.

    F’April 2026, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-2023, l-2024 u l-2025. Ir-riżoluzzjoni tiddikjara li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tiġi abbozzata b’mod ċar, razzjonali u teknikament trasponibbli, li jippermetti lill-Istati Membri, liċ-ċittadini u lin-negozji jifhmu, japplikaw u jinvokaw id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE.

    Ir-riċerka kkummissjonata mid-dipartimenti tematiċi tal-Parlament tindika ħtieġa għal riforma li tippromwovi tfassil aħjar tal-liġijiet u regolamentazzjoni fl-UE[2] u, b’mod partikolari, biex jiġi evitat it-treġġigħ lura fl-istandards tar-regolamentazzjoni[3]. Ir-riċerka tindika wkoll li l-leġiżlazzjoni tal-UE tista’ tibbenefika minn riforma tal-abbozzar u tal-istruttura tagħha, sabiex jiġu indikati l-benefiċċji tagħha b’mod aktar ċar u jiġi ffaċilitat l-użu diġitali tal-leġiżlazzjoni miċ-ċittadini tal-UE[4]. Studju reċenti dwar il-Liġi u l-ICT jirrakkomanda d-diġitalizzazzjoni progressiva tas-sistema legali tal-UE, inklużi s-sorsi tagħha[5].

    Din l-iskeda informattiva tħejjiet mid-Dipartiment Tematiku għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali (IUST). Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.

     

    [1]Maciejewski M., “Role of the European Parliament in promoting the use of independent expertise in the legislative process”, (Ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-promozzjoni tal-użu ta’ għarfien espert indipendenti fil-proċess leġiżlattiv), Dipartiment Tematiku għall-Politika Ekonomika, Xjentifika u tal-Kwalità tal-Ħajja, Parlament Ewropew, Diċembru 2018.
    [2]Jones, S. et al., “Better regulation in the EU” (Regolamentazzjoni aħjar fl-UE), Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Parlament Ewropew, Ottubru 2023.
    [3]Marcus J.S. et al., “Reporting obligations” (Obbligi ta’ rappurtar), Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Parlament Ewropew, Ġunju 2025.
    [4]Xanthaki H., The ‘one in, one out’ principle.A real better lawmaking tool?”, (Il-prinċipju “one in, one out”. Għodda reali aħjar għat-tfassil tal-liġijiet?), Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Parlament Ewropew, Ottubru 2023.
    [5]Maciejewski M., Law and ICT, (Il-liġi u l-ICT), Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Parlament Ewropew, April 2024.

    JEREMY JULIAN OKORN / Mariusz Maciejewski