L-effiċjenza enerġetika hija prijorità strateġika għall-Unjoni tal-Enerġija, li hija mibnija fuq il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”. Il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika huma rikonoxxuti bħala mezz biex tinkiseb provvista enerġetika sostenibbli, jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, jitnaqqsu l-kontijiet ta’ importazzjoni u tkun promossa l-kompetittività Ewropea. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika evolviet b’mod sinifikanti fl-aħħar 15-il sena. Fl-2023, il-koleġiżlaturi żiedu l-mira tal-effiċjenza enerġetika, jiġifieri l-mira għat-tnaqqis tal-konsum finali tal-enerġija tal-UE, għal 11.7 % sal-2030.

Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-kisbiet

A. Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija

1. Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija: lejn l-2020

Id-Direttiva oriġinali dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (id-Direttiva (2012/27/UE)), li daħlet fis-seħħ f’Diċembru 2012, tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu miri nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza fl-enerġija li jiżguraw li l-UE tilħaq il-mira ewlenija tagħha li tnaqqas il-konsum tal-enerġija b’20 % sal-2020. F’termini assoluti, il-konsum tal-enerġija tal-UE sal-2020 ma kellux ikun aktar minn 1 474 u 1 078 miljun tunnellata tal-ekwivalenti taż-żejt (Mtoe) għall-enerġija primarja u finali rispettivament. L-Istati Membri kienu liberi li jagħmlu dawn ir-rekwiżiti minimi aktar stretti filwaqt li stinkaw biex jiffrankaw l-enerġija. Id-direttiva introduċiet ukoll sett ta’ miżuri vinkolanti biex jgħinu lill-Istati Membri jiksbu din il-mira u stabbiliet regoli legalment vinkolanti għall-utenti finali u l-fornituri tal-enerġija. L-Istati Membri kienu meħtieġa jippubblikaw il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom għall-effiċjenza fl-enerġija fuq tliet snin.

2. Id-Direttiva riveduta dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija: lejn l-2030

F’Novembru 2018, bħala parti mill-pakkett dwar “enerġija nadifa għall-Ewropej kollha”, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, li żżid il-miri tal-UE għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija primarja u finali għal 32.5% sal-2030, meta mqabbla mal-previżjonijiet dwar il-konsum tal-enerġija għall-2030 li saru fl-2007. F’termini assoluti, il-konsum tal-enerġija tal-UE sal-2030 ma kellux ikun aktar minn 1 128 u 846 Mtoe għall-enerġija primarja u finali rispettivament. Id-direttiva obbligat ukoll l-Istati Membri li jistabbilixxu miżuri biex inaqqsu l-konsum annwali tagħhom tal-enerġija b’medja ta’ 4.4 % sal-2030. F’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999, l-Istati Membri kellhom jipproponu miri nazzjonali għall-enerġija u jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali ta’ 10 snin għall-enerġija u l-klima (NECPs) għall-perjodu 2021–2030. Kull sentejn jeħtiġilhom ukoll jippreżentaw rapporti ta’ progress li jiġu mmonitorjati u vvalutati mill-Kummissjoni, li tista’ tieħu miżuri fil-livell tal-UE biex tiżgura l-konsistenza tagħhom mal-miri ġenerali tal-UE. Id-direttiva l-ġdida daħlet fis-seħħ f’Diċembru 2018 u ġiet trasposta mill-Istati Membri fil-liġi nazzjonali sal-25 ta’ Ġunju 2020.

F’Lulju 2021, bħala parti mil-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55%”, il-Kummissjoni pproponiet l-ewwel reviżjoni għad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika biex tallinja l-miri dwar l-effiċjenza enerġetika tagħha mal-ambizzjoni klimatika l-ġdida tal-UE u inkorporat fil-leġiżlazzjoni l-prinċipju l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel bħala pilastru tal-Unjoni tal-Enerġija. F’konformità ma’ dan il-prinċipju, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li s-soluzzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika, inklużi r-riżorsi min-naħa tad-domanda u l-flessibbiltajiet tas-sistema, jiġu vvalutati fid-deċiżjonijiet ta’ ppjanar, ta’ politika u ta’ investiment maġġuri. Il-Kummissjoni pproponiet li tiżdied il-mira annwali vinkolanti tal-UE tal-effiċjenza enerġetika għal mill-inqas 9% sal-2030, imkejla skont il-previżjonijiet aġġornati għall-2030 li saru fl-2020 (ekwivalenti għall-miri tal-effiċjenza enerġetika għall-konsum tal-enerġija finali u primarja għal 39% u 36% sal-2030 rispettivament, imkejla skont il-previżjonijiet preċedenti li saru fl-2007). F’termini assoluti, il-konsum tal-enerġija tal-UE sal-2030 skont il-proposta ma jkunx aktar minn 1 023 u 787 Mtoe għall-enerġija primarja u finali rispettivament sal-2030.

Il-proposta talbet lill-Istati Membri jistabbilixxu miri nazzjonali indikattivi għat-tnaqqis tal-enerġija, ipprovdiet formula lill-Istati Membri biex jikkalkulaw il-kontributi tagħhom, introduċiet mekkaniżmi awtomatiċi mtejba li jikkumpensaw id-diskrepanzi u rdoppjat l-obbligu tal-Istati Membri li jiksbu ffrankar tal-enerġija annwali ġdid li jikkorrispondi għal 1.5% tal-konsum tal-enerġija finali bejn l-2024 u l-2030. Hija introduċiet ukoll rekwiżiti eżemplari għall-bini pubbliku, bħal mira annwali għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija ta’ 1.7% għas-settur pubbliku u mira ta’ rinnovazzjoni ta’ mill-inqas 3% tal-erja totali ta’ art tal-bini tal-amministrazzjoni pubblika. Ipproponiet ukoll li jittaffa l-faqar enerġetiku billi tingħata prijorità lill-klijenti vulnerabbli u introduċiet obbligi ta’ awditjar u rekwiżiti ta’ kompetenza teknika, speċjalment għall-konsumaturi l-kbar tal-enerġija.

F’Mejju 2022, bħala parti mill-pjan REPowerEU tagħha insegwitu tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-Kummissjoni pproponiet it-tieni reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, li tkompli żżid il-mira vinkolanti tal-effiċjenza enerġetika minn 9 % għal 13 %. F’termini assoluti, il-konsum tal-enerġija tal-UE sal-2030 skont il-proposta ma jkunx aktar minn 1 980 u 750 Mtoe għall-enerġija primarja u finali rispettivament sal-2030.

Il-proposta tat dettalji dwar bidliet fl-imġiba fuq terminu qasir biex titnaqqas id-domanda għall-gass u ż-żejt b’5% u ħeġġet lill-Istati Membri biex jibdew kampanji ta’ komunikazzjoni speċifiċi mmirati lejn l-unitajiet domestiċi u l-industrija u biex jużaw miżuri fiskali favur l-iffrankar tal-enerġija, bħal rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq sistemi tat-tisħin, iżolazzjoni tal-bini u tagħmir u prodotti effiċjenti fl-enerġija. Hija stabbiliet ukoll miżuri ta’ kontinġenza f’każ ta’ interruzzjoni serja fil-provvista u ħabbret gwida dwar il-kriterji ta’ prijoritizzazzjoni għall-klijenti u l-faċilitazzjoni ta’ pjan ikkoordinat tal-UE għat-tnaqqis tad-domanda. Bejn Lulju u Diċembru 2022, id-direttiva ġiet ikkomplementata bl-introduzzjoni ta’ miri ġodda għat-tnaqqis tad-domanda fis-suq intern tal-enerġija (2.1.9), inkluża mira volontarja għat-tnaqqis tal-gass ta’ 15% (jew 45 biljun metru Kubu) bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, mira volontarja ta’ tnaqqis gross tal-elettriku ta’ 10% bejn Diċembru 2022 u Marzu 2023 u mira obbligatorja ta’ tnaqqis tal-elettriku ta’ 5% matul is-sigħat l-aktar intensivi.

#Id-Direttiva l-ġdida dwar l-Effiċjenza Enerġetika (id-Direttiva (UE) 2023/1791), li ilha fis-seħħ mill-10 ta’ Ottubru 2023, tistabbilixxi l-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-UE, jiġifieri t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija primarja u finali fil-livell tal-UE, għal 11.7 % sal-2030, meta mqabbel mal-previżjonijiet tal-2030 dwar il-konsum tal-enerġija li saru fl-2020. F’termini assoluti, il-konsum tal-enerġija tal-UE sal-2030 mhux ser ikun aktar minn 992.5 u 763 Mtoe għall-enerġija primarja u finali rispettivament sal-2030. Kull Stat Membru se jistabbilixxi kontribut nazzjonali indikattiv għall-effiċjenza enerġetika bbażat fuq il-konsum finali tal-enerġija biex ilħaq il-mira vinkolanti tal-konsum finali tal-enerġija tal-Unjoni. L-Istati Membri ser jiksbu b’mod kumulattiv iffrankar tal-enerġija fl-użu finali sal-2030 ekwivalenti għal iffrankar annwali ġdid ta’ mill-inqas 0.8 % tal-konsum finali tal-enerġija sal-31 ta’ Diċembru 2023, 1.3 % mill-1 ta’ Jannar 2024, 1.5 % mill-1 ta’ Jannar 2026 u 1.9 % mill-1 ta’ Jannar 2028. Id-Direttiva introduċiet l-obbligu għas-settur pubbliku li jkollu rwol eżemplari: il-korpi pubbliċi tal-UE jridu jnaqqsu l-konsum finali totali tal-enerġija tagħhom b’mill-inqas 1.9 % kull sena meta mqabbel mal-2021, u jridu jirrinnovaw mill-inqas 3 % tal-erja totali tal-art tal-bini msaħħan u/jew imkessaħ tagħhom kull sena. Hija stabbiliet ukoll obbligi ta’ rapportar għaċ-ċentri tad-data, punti uniċi ta’ servizz intiżi għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, unitajiet domestiċi u korpi pubbliċi, u obbligi għall-ippjanar tat-tisħin u t-tkessiħ f’muniċipalitajiet b’popolazzjoni ta’ aktar minn 45 000.

B. Qafas ġenerali

1. Ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

a. Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija

Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (id-Direttiva 2010/31/UE), emendata fl-2018, hija maħsuba biex tiżgura li kull Stat Membru jkollu stokk tal-bini effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u dekarbonizzat sal-2050. Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija tintroduċi strateġiji obbligatorji ta’ rinnovazzjoni fit-tul għall-Istati Membri biex jiġu appoġġjati r-rinnovazzjoni tal-istokk nazzjonali ta’ bini pubbliku u privat fi stokk ta’ bini effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u dekarbonizzat sal-2050. Din taċċellera wkoll it-trasformazzjoni ta’ bini eżistenti f’“bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero” sal-2050, filwaqt li l-bini ġdid kollu huwa meħtieġ li jkun bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero mill-2021 ’il quddiem, u tappoġġja l-modernizzazzjoni tal-bini kollu b’teknoloġiji intelliġenti.

Fil-15 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija biex tallinjaha mal-ambizzjonijiet tagħha li tkun newtrali għall-klima sal-2050. Ir-reviżjoni tistabbilixxi l-viżjoni u tiddeskrivi l-għodod biex jinkiseb stokk tal-bini b’emissjonijiet żero sal-2050, tintroduċi definizzjoni ġdida ta’ bini b’emissjonijiet żero u tirfina d-definizzjonijiet eżistenti, bħal “bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero” u “rinnovazzjoni profonda”. Din tissostitwixxi l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul bi pjanijiet nazzjonali ta’ rinnovazzjoni tal-bini, li huma aktar operazzjonali u soġġetti għal monitoraġġ aħjar, li għandhom jiġu ppreżentati sat-30 ta’ Ġunju 2024. Hija żżid l-istandards minimi tal-enerġija billi tirrikjedi li l-bini l-ġdid kollu tal-UE jkun b’emissjonijiet żero mill-2030 u l-bini pubbliku ġdid kollu mill-2027, il-bini mhux residenzjali kollu fil-klassi G tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jiġi rinnovat għal mill-inqas il-klassi F sal-2027 u l-klassi E sal-2030, u l-bini residenzjali kollu jilħaq mill-inqas il-klassi F sal-2030 u l-klassi E sal-2033. Ir-reviżjoni tiżgura standards nazzjonali komparabbli għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija sal-2025, tintroduċi passaporti volontarji ta’ rinnovazzjoni sal-2024 u indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza sal-2026 u tipprovdi appoġġ finanzjarju biex jittaffa l-faqar enerġetiku.

Fit-18 ta’ Mejju 2022, wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna u f’konformità mal-pjan REPowerEU, il-Kummissjoni emendat id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija billi saħħet l-appoġġ għall-enerġija solari fil-bini, inkluż installazzjoni obbligatorja magħżula introdotta gradwalment tal-enerġija solari fuq il-bjut (inizjattiva għall-bjut solari) u miżuri ta’ tnaqqis fid-domanda għall-enerġija.

b. L-istrateġija tal-mewġa ta’ rinnovazzjoni

F’Ottubru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat l-istrateġija ġdida mewġa ta’ rinnovazzjoni biex tagħti spinta lir-rinnovazzjoni, li għandha l-għan li tal-inqas tirdoppja r-rati ta’ rinnovazzjoni matul l-10 snin li ġejjin u tiżgura li r-rinnovazzjonijiet iwasslu għal effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi. L-inizjattiva tal-mewġa ta’ rinnovazzjoni tibni fuq miżuri maqbula fl-ambitu tal-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha”, b’mod partikolari r-rekwiżit għal kull Stat Membru li jippubblika strateġija ta’ rinnovazzjoni tal-bini fit-tul, u l-aspetti relatati mal-bini tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima ta’ kull Stat Membru tal-UE.

2. Il-koġenerazzjoni

Fil-qafas tal-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija, il-Kummissjoni nediet strateġija tal-UE dwar it-tisħin u t-tkessiħ fl-2016 biex issaħħaħ l-effiċjenza enerġetika tal-bini u ttejjeb ir-rabtiet bejn is-sistemi tal-elettriku u s-sistemi tat-tisħin distrettwali, u dan iżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, u jħeġġeġ l-użu mill-ġdid tas-sħana u l-kesħa mormija ġġenerati mill-industrija. Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi għal din l-istrateġija huma inklużi fil-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha”.

Ir-reviżjoni tal-2018 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika obbligat l-Istati Membri li jivvalutaw u jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-potenzjal għal koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja u t-tisħin u t-tkessiħ distrettwali fit-territorju tagħhom u li jwettqu analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji abbażi tal-kundizzjonijiet klimatiċi, il-fattibbiltà ekonomika u l-adegwatezza teknika (b’xi eżenzjonijiet).

Ir-reviżjoni proposta mill-Kummissjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija f’Lulju 2021 introduċiet ippjanar u segwitu aktar stretti ta’ valutazzjonijiet komprensivi, definizzjonijiet riveduti ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti u kriterji addizzjonali għal emissjonijiet speċifiċi f’koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja (270g CO2/kWh). F’Mejju 2022, emenda dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija introduċiet obbligi fuq l-Istati Membri biex jippromwovu l-użu ta’ installazzjonijiet solari fuq il-bini.

3. L-effiċjenza enerġetika tal-prodotti

L-UE introduċiet diversi miżuri li jikkonċernaw l-effiċjenza enerġetika tal-prodotti, inklużi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (id-Direttiva 2009/125/KE) u l-istabbiliment ta’ qafas għat-tikkettar tal-enerġija (ir-Regolament (UE) 2017/1369). Il-qafas il-ġdid għat-tikkettar tal-effiċjenza enerġetika tal-prodotti jelimina l-klassifikazzjonijiet A+, A++ jew A+++ u jerġa’ lura għal skala A-G aktar sempliċi. Bejn l-2021 u 2023, il-Kummissjoni adottat deiversi regolamenti dwar l-ekodisinn u t-tikkettar enerġetiku fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal tipi differenti ta’ prodotti.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament talab kontinwament miri aktar ambizzjużi għall-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll regolamenti aktar stretti.

Fis-17 ta’ Jannar 2018, il-Parlament adotta emendi fl-ewwel qari fejn talab mira minima ta’ 35% tal-effiċjenza enerġetika fl-UE sal-2030, ogħla mit-30% propost mill-Kummissjoni.

Fil-15 ta’ Jannar 2020, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew li titlob li d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika tal-Bini jiġu riveduti f’konformità mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-UE. Fis-17 ta’ Settembru 2020, il-Parlament adotta riżoluzzjoni favur il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini tal-UE, u talab lill-Kummissjoni tiżviluppa miżuri konsistenti biex tistimula rinnovazzjoni aktar rapida u aktar profonda tal-bini. 

Fl-14 ta’ Settembru 2022, il-Parlament adotta emenda dwar il-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-effiċjenza enerġetika proposta mill-Kummissjoni bħala parti mill-pjan REPowerEU tagħha, għal mill-inqas 13% tal-konsum tal-enerġija finali sal-2030, meta mqabbel mal-projezzjonijiet tal-2020. Dan huwa ekwivalenti għal-limiti tal-konsum tal-enerġija finali u primarja ta’ 740 Mtoe u 960 Mtoe rispettivament.

Fl-14 ta’ Marzu 2023, il-Parlament Ewropew iddefinixxa l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar il-ħtieġa li bini residenzjali jikseb mill-inqas il-klassi E tar-rendiment fl-użu tal-enerġija sal-2030 u l-klassi D sal-2033 (għall-kuntrarju ta’ F u E skont il-proposta tal-Kummissjoni) u dwar miżuri ta’ appoġġ kontra l-faqar enerġetiku. Bini mhux residenzjali u pubbliku jkollu jikseb l-istess klassijiet sal-2027 u l-2030 rispettivament. Sett limitat ta’ eżenzjonijiet japplika għal bini speċjali (monumenti, bini tekniku, użu temporanju ta’ bini jew knejjes, postijiet ta’ qima, eċċ.) u għal akkomodazzjoni soċjali pubblika fejn ir-rinnovazzjonijiet iwasslu għal żidiet fil-kera li ma jistgħux jiġu kkumpensati minn iffrankar fuq il-kontijiet tal-enerġija, u għotjiet u sussidji mmirati għandhom ikunu disponibbli għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli. Il-Parlament u l-Kunsill bħalissa jinsabu f’negozjati interistituzzjonali.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija.

 

Matteo Ciucci