Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Din l-iskeda informattiva tispjega kif it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddefinixxi l-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-bosta oqsma ta’ politika fejn japplika u kif tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tiegħu. F’oqsma fejn l-Unjoni ma għandhiex kompetenza esklużiva, tista’ taġixxi meta tkun kapaċi turi li l-objettivi tal-azzjoni proposta ma jintlaħqux b’mod effiċjenti fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, iżda jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Din l-iskeda informattiva tiddeskrivi wkoll ir-rwol tal-Parlament biex jiddefendi l-prinċipju tas-sussidjarjetà permezz tal-eżami tal-proposti leġiżlattivi.

Il-bażi legali

L-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità.

L-objettivi

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma jiddeterminax l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri, li hija stabbilita mill-Artikoli 3 sa 6 tat-TFUE. Is-sussidjarjetà tirregola l-kundizzjonijiet li taħthom l-Unjoni tista’ taġixxi f’oqsma fejn ma għandha l-ebda kompetenza esklużiva. F’tali oqsma, l-Artikolu 5(3) tat-TUE jipprevedi li l-Unjoni tista’ taġixxi meta tkun kapaċi turi li l-objettivi segwiti ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, iżda jistgħu – minħabba “l-iskala jew l-effetti” – jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni (test tal-valur miżjud).

Il-kisbiet

A. L-oriġini u l-istorja tas-sussidjarjetà fl-UE

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà ġie minqux formalment fit-TUE, iffirmat fl-1992: it-TUE inkluda referenza għall-prinċipju fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE). L-Att Uniku Ewropew, iffirmat fl-1986, kien diġà introduċa l-kriterju tas-sussidjarjetà fil-politika ambjentali, iżda mingħajr ma sejjaħlu hekk b’mod espliċitu. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Frar 1995 (T-29/92), iddeċidiet li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-TUE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma kienx prinċipju ġenerali tal-liġi li fir-rigward tiegħu kellha tiġi kkontrollata l-legalità tal-azzjoni Komunitarja.

Mingħajr ma bidel il-formulazzjoni tar-referenza għall-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-Artikolu 5, it-tieni paragrafu, innumerat mill-ġdid, tat-TKE, it-Trattat ta’ Amsterdam, iffirmat fl-1997, daħħal bħala anness fit-TKE Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità (minn hawn ’il quddiem il-“Protokoll tal-1997”). L-approċċ globali għall-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, preċedentement maqbul fil-Kunsill Ewropew ta’ Edinburgu tal-1992, b’hekk sar legalment vinkolanti u suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju permezz tal-protokoll dwar is-sussidjarjetà.

It-Trattat ta’ Liżbona li jemenda t-TUE u t-TKE, iffirmat fl-2007, introduċa l-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-Artikolu 5(3) tat-TUE u ħassar id-dispożizzjoni korrispondenti tat-TKE filwaqt li uża l-istess formulazzjoni tagħha. Żied ukoll referenza espliċita għad-dimensjoni reġjonali u lokali tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Liżbona ssostitwixxa l-protokoll tal-1997 bil-Protokoll Nru 2 il-ġdid, u d-differenza prinċipali tikkonċerna r-rwol il-ġdid tal-parlamenti nazzjonali biex jiżguraw il-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà (ara 1.3.5).

B. Definizzjoni

Meta jiġi applikat fil-kuntest tal-UE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà jservi biex jirregola l-eżerċizzju tas-setgħat mhux esklużivi tal-Unjoni. Dan jeskludi l-intervent tal-Unjoni f’każ li kwistjoni tkun tista’ tiġi ttrattata b’mod effettiv mill-Istati Membri fil-livell ċentrali, reġjonali jew lokali. L-Unjoni għandha l-leġittimità li teżerċita s-setgħat tagħha biss meta l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jilħqu l-objettivi ta’ azzjoni prevista b’mod sodisfaċenti u meta l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tista’ ġġib valur miżjud.

Skont l-Artikolu 5(3) tat-TUE, hemm tliet prekundizzjonijiet għall-intervent tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà:

  • il-qasam ikkonċernat ma jaqax fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (jiġifieri kompetenza mhux esklużiva);
  • l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri (jiġifieri ħtieġa);
  • l-azzjoni tista’ għalhekk titwettaq aħjar, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħha, permezz ta’ intervent mill-Unjoni (jiġifieri valur miżjud).
  • Il-prinċipju tal-proporzjonalità (l-Artikolu 5(4) tat-TUE) jikkomplementa s-sussidjarjetà: anke f’oqsma fejn l-Unjoni hija intitolata li taġixxi, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tagħha ma jridux imorru oltre dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati. Bħas-sussidjarjetà, il-proporzjonalità trid tiġi osservata matul il-proċess leġiżlattiv kollu, u ż-żewġ prinċipji jagħtu lok għall-istess obbligu li jiġu ddikjarati r-raġunijiet fil-memoranda ta’ spjegazzjoni għall-proposti leġiżlattivi.

    C. Il-kamp ta’ applikazzjoni

    1. Fejn tapplika s-sussidjarjetà: il-kompetenzi tal-UE

    L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva f’oqsma bħall-unjoni doganali, ir-regoli tal-kompetizzjoni, l-euro, il-politika kummerċjali u l-ftehimiet internazzjonali (l-Artikoli 3 u 4 tat-TFUE). Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika għall-oqsma ta’ politika l-oħra kollha, jiġifieri:

    • il-“kompetenzi kondiviżi (konkorrenti)” stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tat-TFUE, li fihom l-azzjoni tal-UE tipprevali fuq dik tal-Istati Membri;
    • il-“kompetenzi kondiviżi” ġenwinament elenkati fl-Artikoli 4(3) u 4(4) tat-TFUE, f’oqsma fejn l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-UE ma jipprevalix fuq dak tal-Istati Membri: ir-riċerka, l-ispazju, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja;
    • il-“kompetenzi ta’ koordinazzjoni” (politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali: l-Artikolu 5 tat-TFUE);
    • il-“kompetenzi ta’ appoġġ u komplementari” (is-saħħa, l-industrija, il-kultura, l-edukazzjoni u t-turiżmu: l-Artikolu 6 tat-TFUE).
    • Minn dawn kollha, l-aktar sinifikanti fil-prattika huma l-kompetenzi kondiviżi li fihom tipprevali l-azzjoni tal-UE, stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tat-TFUE. Dawn jinkludu l-oqsma prinċipali li ġejjin:

      • is-suq intern;
      • il-politika soċjali kif definita fit-TFUE;
      • il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;
      • l-agrikoltura u s-sajd (eskluża l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar);
      • l-ambjent;
      • il-protezzjoni tal-konsumatur;
      • it-trasport;
      • in-networks trans-Ewropej;
      • l-enerġija;
      • l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja;
      • l-interessi komuni ta’ sigurtà fis-saħħa pubblika.
      • Il-prevalenza tal-UE tfisser li l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw dawn il-kompetenzi biss “sal-punt fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat (il-kompetenza) tagħha” (l-Artikolu 2(2) tat-TFUE) u jistgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom mill-ġdid jekk l-Unjoni tieqaf teżerċita l-kompetenza tagħha. Il-prevalenza tista’ tkun sħiħa jew parzjali: meta l-Unjoni taġixxi b’mod eżawrjenti, il-kompetenza ssir de facto esklużiva; meta taġixxi biss parzjalment, l-Istati Membri jżommu kompetenza konkorrenti sal-punt mhux kopert mill-azzjoni tal-UE.

        2. Fejn tapplika s-sussidjarjetà: l-istituzzjonijiet tal-UE

        Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jikkonċerna l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u għandu importanza prattika b’mod speċjali fir-rigward tal-proċeduri leġiżlattivi. It-Trattat ta’ Liżbona saħħaħ ir-rwol kemm tal-parlamenti nazzjonali kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jirrigwarda r-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dan daħħal mhux biss referenza espliċita għad-dimensjoni subnazzjonali tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda saħħaħ ukoll ir-rwol tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u fetaħ il-possibbiltà, li tħalliet għad-diskrezzjoni tal-parlamenti nazzjonali, għall-parlamenti reġjonali li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom setgħat leġiżlattivi li jinvolvu ruħhom fil-mekkaniżmu ta’ “twissija bikrija”.

        D. L-iskrutinju tal-parlamenti nazzjonali

        Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 12(b) tat-TUE, il-parlamenti nazzjonali jimmonitorjaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà skont il-proċedura prevista fil-Protokoll Nru 2. Skont il-mekkaniżmu ta’ “twissija bikrija”, kwalunkwe parlament nazzjonali jew kwalunkwe kamra ta’ parlament nazzjonali għandhom perjodu ta’ tmien ġimgħat, mid-data li fiha jintbagħtilhom abbozz ta’ att leġiżlattiv, biex jibagħtu lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni opinjoni motivata bir-raġunijiet li għalihom iqisu li l-abbozz inkwistjoni ma josservax il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Meta opinjonijiet motivati joriġinaw minn tal-anqas terz tal-voti allokati lill-parlamenti nazzjonali (vot wieħed għal kull kamra fil-każ tal-parlamenti bikamerali u żewġ voti fil-każ tal-parlamenti b’kamra waħda), l-abbozz irid jiġi rieżaminat (“karta safra”). L-istituzzjoni li minnha jkun ġej l-abbozz ta’ att leġiżlattiv tista’ tiddeċiedi li jew iżżomm l-abbozz, jew temendah, jew inkella tirtirah, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni li tieħu. Fir-rigward ta’ abbozzi ta’ atti relatati mal-kooperazzjoni tal-pulizija jew il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, dan il-limitu huwa aktar baxx (kwart tal-voti). Meta, fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, minn tal-anqas maġġoranza sempliċi tal-voti allokati lill-parlamenti nazzjonali tikkontesta l-konformità ta’ proposta leġiżlattiva mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-Kummissjoni tiddeċiedi li żżomm il-proposta tagħha, il-kwistjoni tintbagħat lura lil-leġiżlatur (il-Parlament u l-Kunsill), li jagħti d-deċiżjoni tiegħu fl-ewwel qari. Jekk il-leġiżlatur iqis li l-proposta leġiżlattiva mhijiex kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jista’ jirrifjutaha b’maġġoranza ta’ 55% tal-membri tal-Kunsill jew b’maġġoranza tal-voti li jintefgħu fil-Parlament Ewropew (“karta oranġjo”).

        Sal-lum, il-proċedura tal-“karta safra” ġiet attivata tliet darbiet, filwaqt li l-proċedura tal-“karta oranġjo” qatt ma ntużat. L-ewwel proċedura tal-karta s-safra (Mejju 2012) kienet tikkonċerna l-proposta Monti II għal regolament dwar id-drittijiet ta’ azzjoni kollettiva. B’kollox, 12-il kamra tal-parlamenti nazzjonali, li jammontaw għal 19-il vot (il-limitu huwa ta’ 18), sabuha inkonsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. It-tieni karta safra (Ottubru 2013) tqajmet kontra l-proposta għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Wara li rrieżaminat l-opinjonijiet motivati minn 14-il kamra fi 11-il Stat Membru, il-Kummissjoni żammet il-proposta tagħha, bl-argument li kienet kompatibbli mas-sussidjarjetà. It-tielet karta safra (Mejju 2016) ikkontestat il-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema. Il-Kummissjoni reġgħet żammet il-proposta tagħha, filwaqt li nnotat li l-istazzjonar tal-ħaddiema kien, mid-definizzjoni tiegħu stess, kwistjoni transnazzjonali.

        Il-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea (COSAC) isservi bħala pjattaforma utli għall-parlamenti nazzjonali biex jaqsmu l-informazzjoni relatata mal-kontroll tas-sussidjarjetà. Barra minn hekk, in-Network għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà miżmum mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE. Il-membri ta’ dan in-network jinkludu parlamenti reġjonali u gvernijiet b’setgħat leġiżlattivi, awtoritajiet lokali u reġjonali mingħajr setgħat leġiżlattivi u assoċjazzjonijiet tal-gvern lokali fl-UE. Huwa miftuħ ukoll għad-delegazzjonijiet nazzjonali tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-kmamar tal-parlamenti nazzjonali.

        E. L-iżviluppi istituzzjonali reċenti

        F’Novembru 2017, il-Kummissjoni waqqfet Task Force dwar is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u li jsir inqas b’mod iktar effiċjenti, li ppreżenta r-rapport tiegħu f’Lulju 2018. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni ppubblikat “pakkett tas-sussidjarjetà” f’Ottubru 2018, li jintroduċi tabella għall-valutazzjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fil-valutazzjonijiet tal-impatt, l-evalwazzjonijiet u l-memoranda ta’ spjegazzjoni.

        Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kienu ċentrali għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (mid-9 ta’ Mejju 2021 sad-9 ta’ Mejju 2022), li pproduċiet 49 proposta li fihom 326 miżura relatati ma’ prijoritajiet u sfidi ewlenin għall-Ewropa, inkluża l-kwistjoni tad-demokrazija. Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-reviżjoni tat-Trattati (22 ta’ Novembru 2023) u r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-parlamenti nazzjonali (17 ta’ Jannar 2024) appellaw għat-tisħiħ tar-rieżami tas-sussidjarjetà mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-estensjoni tal-perjodu ta’ tmien ġimgħat għall-parlamenti nazzjonali għal tnax-il ġimgħa, l-inkorporazzjoni tal-opinjonijiet tal-parlamenti reġjonali fl-opinjonijiet motivati nazzjonali, u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ “karta ħadra” li jippermetti lill-parlamenti nazzjonali jissuġġerixxu inizjattivi leġiżlattivi.

        Wara l-Konferenza, il-kunċett ta’ “sussidjarjetà attiva” kiseb prominenza. Dan il-kunċett huwa approċċ proattiv li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet tal-UE jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali minn kmieni fiċ-ċiklu ta’ politika sabiex, aktar milli sempliċiment jivvalutaw il-konformità wara l-fatt, jinfurmaw it-tfassil tal-leġiżlazzjoni f’konformità mal-istruttura ta’ governanza f’diversi livelli tal-Unjoni. Il-11-il Konferenza dwar is-Sussidjarjetà fl-2024 iffokat fuq “Regolamentazzjoni aħjar u sussidjarjetà attiva: għodod essenzjali għal UE li tagħti riżultati”. Fir-rapport annwali tagħha tal-2024, il-Kummissjoni affermat mill-ġdid li s-sussidjarjetà attiva u l-involviment sħiħ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jibqgħu prijoritajiet ewlenin għall-mandat 2024-2029. Il-Parlament tenna din l-enfasi fir-rapport tiegħu tal-2026 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, li jkopri l-2023 u l-2024.

        F. L-istħarriġ ġudizzjarju

        Ir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jista’ jiġi kkontrollat a posteriori (wara l-adozzjoni tal-att leġiżlattiv) permezz ta’ rikors ġuriżdizzjonali mressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif iddikjarat fil-protokoll. Madankollu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-84/94 u fil-Kawża C-233/94, il-Qorti kkonstatat li r-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà kien waħda mill-kundizzjonijiet koperti mir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għall-atti tal-Unjoni, skont l-Artikolu 296 tat-TFUE. Dan ir-rekwiżit ikun issodisfat meta jkun ċar li r-rispett tal-prinċipju joħroġ mill-premessi. F’sentenza storika aktar reċenti (il-Kawża C-547/14, Philip Morris, il-punt 218) fl-2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet li għandha tivverifika “jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni setax jikkunsidra, fuq il-bażi ta’ elementi dettaljati, li l-għan tal-azzjoni proposta setax jintlaħaq aħjar fuq livell tal-Unjoni”. Rigward is-salvagwardji proċedurali u, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tas-sussidjarjetà, il-Qorti fakkret li r-rispett ta’ dak l-obbligu “għandu jiġi evalwat mhux biss b’referenza għall-kliem tal-att ikkontestat, iżda wkoll għall-kuntest tiegħu u għaċ-ċirkustanzi tal-każ” (il-punt 225).

        Dokument ta’ ħidma tal-Parlament dwar il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità ppubblikat fl-2021 josserva li “l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ħassret miżura għall-ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà” u jissuġġerixxi li “għandha tiġi stabbilita kamra indipendenti tas-sussidjarjetà, magħmula minn presidenti tal-qrati kostituzzjonali nazzjonali, sabiex jingħeleb dan il-preġudizzju politiku u tittejjeb il-kwalità tar-rieżamijiet tal-leġiżlazzjoni”.

        L-Istati Membri jistgħu jressqu rikorsi ta’ annullament quddiem il-Qorti kontra att leġiżlattiv għal ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà f’isem il-parlament nazzjonali tagħhom jew kamra tiegħu, skont is-sistema legali tagħhom. L-istess rikorsi jistgħu jsiru mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni kontra tali atti leġiżlattivi jekk it-TFUE jipprevedi li dan jeħtieġlu jiġi kkonsultat. Reċentement, ir-rapport Draghi dwar il-kompetittività tal-UE argumenta li, minkejja tali setgħat importanti, dawn l-atturi ħafna drabi ma kkontestawx il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni. Ir-rapport huwa favur li ssir inkjesta madwar l-UE kollha li teżamina r-raġunijiet għal tali approċċ min-naħa tal-parlamenti nazzjonali.

        F’Awwissu 2024, tressqet l-ewwel azzjoni minn parlament nazzjonali għal ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà skont il-Protokoll Nru 2 kontra r-Regolament (UE) 2024/1351 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni (il-Kawża C-553/24, imressqa mill-Assemblea Nazzjonali Franċiża). Din l-azzjoni storika, mibdija minn 60 deputat biss minn 577 skont l-Artikolu 88-6 tal-Kostituzzjoni Franċiża, turi li l-kontroll tas-sussidjarjetà sar aċċessibbli għall-minoranzi parlamentari f’ċerti parlamenti nazzjonali, u b’hekk potenzjalment isaħħaħ is-sorveljanza demokratika u l-infurzar tas-sussidjarjetà kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew.

        Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

        Il-Parlament ta bidu għall-kunċett tas-sussidjarjetà u, fl-14 ta’ Frar 1984, meta kien qed jiġi adottat l-abbozz tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ippropona dispożizzjoni li permezz tagħha kull darba li t-Trattat jattribwixxi lill-Unjoni kompetenza li tkun konkorrenti mal-kompetenzi tal-Istati Membri, l-azzjoni tal-Istati Membri tiġi eżerċitata sakemm l-Unjoni ma tkunx adottat xi att leġiżlattiv. Barra minn hekk, il-proposta tinsisti fuq il-fatt li l-Unjoni għandha tintervjeni biss biex tassumi kompiti li jistgħu jsiru b’mod aktar effiċjenti b’mod konġunt milli kieku jsiru mill-Istati individwali li jaġixxu b’mod separat.

        Il-Parlament tenna dawn il-proposti f’bosta riżoluzzjonijiet (pereżempju, ir-riżoluzzjonijiet tat-23 ta’ Novembru u l-14 ta’ Diċembru 1989, tat-12 ta’ Lulju u l-21 ta’ Novembru 1990, u tat-18 ta’ Mejju 1995), li fihom fakkar fl-impenn tiegħu favur il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

        A. Il-ftehimiet interistituzzjonali

        Il-Parlament adotta għadd ta’ miżuri biex jaqdi r-rwol tiegħu skont it-Trattati fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Skont l-Artikolu 43 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu “waqt l-eżami ta’ proposta għal att leġiżlattiv, il-Parlament għandu jagħti attenzjoni partikulari jekk dik il-proposta tosservax il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità”. Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali huwa l-kumitat parlamentari b’responsabbiltà orizzontali għall-monitoraġġ tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. F’dan ir-rigward, huwa regolarment iħejji rapport dwar ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

        Fil-25 ta’ Ottubru 1993, il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni ffirmaw ftehim interistituzzjonali dwar il-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li wera b’mod ċar ir-rieda tat-tliet istituzzjonijiet li jimxu ’l quddiem b’mod deċiż f’dan il-qasam. B’dan il-mod huma ntrabtu li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dan il-ftehim, permezz ta’ proċeduri li jirregolaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiddefinixxi l-modalitajiet għall-eżerċizzju tal-kompetenzi li t-Trattati jagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’tali mod li l-objettivi previsti minnhom ikunu jistgħu jintlaħqu. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tqis il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u li turi li dan ġie osservat. L-istess jgħodd għall-Parlament u għall-Kunsill fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilhom.

        Skont il-ftehim interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (li jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Diċembru 2003 u l-Approċċ Interistituzzjonali Komuni għal Valutazzjonijiet tal-Impatt ta’ Novembru 2005), il-Kummissjoni jeħtiġilha tispjega fil-memoranda ta’ spjegazzjoni tagħha kif il-miżuri proposti huma ġġustifikati fid-dawl tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u jeħtiġilha tqis dan il-prinċipju fil-valutazzjonijiet tal-impatt li twettaq. Barra minn hekk, fil-konklużjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (adottat fit-28 ta’ April 2026 u li jissostitwixxi l-ftehim tal-2010 kif emendat fl-2018), il-Parlament u l-Kummissjoni qablu li jikkooperaw fil-qasam tar-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali u dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità. Bħala parti minn din il-kooperazzjoni, meta jintlaħqu l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 2, il-Kummissjoni tippreżenta traduzzjonijiet tal-opinjonijiet motivati kollha mill-parlamenti nazzjonali flimkien mal-pożizzjoni tagħha stess.

        B. Ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew

        Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Mejju 1997 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet 1997, il-Parlament kien diġà għamilha ċara li, fl-opinjoni tiegħu, il-prinċipju tas-sussidjarjetà kien prinċipju ġuridiku vinkolanti, iżda fakkar li l-implimentazzjoni tiegħu ma għandhiex tkun ta’ ostaklu biex l-UE teżerċita l-kompetenzi esklużivi tagħha, u lanqas ma għandha tintuża bħala pretest biex l-acquis communautaire (issa l-acquis tal-UE) jiġi ddubitat. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ April 2003 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet 2000, il-Parlament żied jgħid li s-soluzzjoni tat-tilwim preferibbilment għandha tinstab fil-livell politiku, filwaqt li ħa nota tal-proposti magħmula fil-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa rigward l-istabbiliment, min-naħa tal-parlamenti nazzjonali, ta’ mekkaniżmu ta’ “twissija bikrija” fil-qasam tas-sussidjarjetà. Dan il-mekkaniżmu effettivament ġie inkorporat fit-Trattat ta’ Liżbona (ara hawn fuq u 1.3.5).

        Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2012 dwar it-18-il rapport dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, il-Parlament laqa’ l-involviment aktar mill-qrib tal-parlamenti nazzjonali fl-iskrutinju tal-proposti leġiżlattivi fid-dawl tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u ssuġerixxa li għandu jiġi investigat kwalunkwe mezz biex jitneħħew l-ostakli li jxekklu l-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà.

        Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018 dwar ir-rapporti annwali 2015-2016 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, il-Parlament ħa nota taż-żieda qawwija fl-għadd ta’ opinjonijiet motivati mressqa mill-parlamenti nazzjonali, li turi involviment jikber min-naħa tagħhom fil-proċess deċiżjonali tal-Unjoni. Laqa’ wkoll l-interess tal-parlamenti nazzjonali fl-adozzjoni ta’ rwol aktar proattiv permezz tal-użu ta’ proċedura tal-“karta ħadra”. F’dan ir-rigward, irrakkomanda li jsir użu sħiħ mill-għodod eżistenti li jippermettu lill-parlamenti nazzjonali jipparteċipaw fil-proċess leġiżlattiv mingħajr ma jinħolqu strutturi istituzzjonali u amministrattivi ġodda.

        Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Frar 2019 dwar il-futur tal-Ewropa, il-Parlament enfasizza r-rwol fundamentali tal-awtoritajiet lokali u, b’mod partikolari, tal-parlamenti reġjonali b’setgħat leġiżlattivi. Ħa nota wkoll tar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u li jsir inqas b’mod iktar effiċjenti, iżda indika li ħafna minnhom, b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali u l-ħtieġa li tiġi riformata s-sistema ta’ twissija bikrija, kienu diġà ġew enfasizzati mill-Parlament.

        Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar l-idoneità regolatorja tal-UE u s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, il-Parlament indika li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw u jużaw madwar 70% tal-leġiżlazzjoni tal-UE u stieden lill-Kummissjoni tinvolvihom aħjar fil-proċessi ta’ konsultazzjoni tagħha u tintegra “mudell ta’ grilja” biex tivvaluta l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità matul il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-Parlament enfasizza wkoll li l-istruttura attwali tal-proċedura għall-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà twassal biex il-parlamenti nazzjonali jiddedikaw ammonti eċċessivi ta’ ħin għal valutazzjonijiet tekniċi u ġuridiċi bi skadenzi qosra, u dan jikkomplika l-għan li ssir diskussjoni politika aktar profonda dwar il-politika Ewropea.

        Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2023 dwar l-idoneità regolatorja u s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tal-UE, il-Parlament innota ż-żieda sinifikanti fl-opinjonijiet motivati mill-parlamenti nazzjonali (minn 9 fl-2020 għal 34 fl-2022) filwaqt li afferma mill-ġdid li l-ebda “karta oranġjo” qatt ma ntużat mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona. Appella għal involviment aktar bikri tal-parlamenti nazzjonali fil-proċedura leġiżlattiva u għal spjegazzjonijiet aktar dettaljati tal-Kummissjoni biex ikunu jistgħu jsiru valutazzjonijiet sodi tas-sussidjarjetà. Il-Parlament ħeġġeġ ukoll lill-Kunsill iżid it-trasparenza billi jippubblika aktar dokumenti, b’mod partikolari l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri, u b’hekk isaħħaħ l-iskrutinju parlamentari.

        Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2024 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, il-Parlament irrikonoxxa t-talba tal-parlamenti nazzjonali biex jiġi estiż il-perjodu ta’ tmien ġimgħat għall-ħruġ ta’ opinjonijiet motivati u appella għall-introduzzjoni ta’ perjodu ta’ tnax-il ġimgħa fil-qafas tar-reviżjoni li jmiss tat-Trattat. Il-Parlament issuġġerixxa wkoll li tiġi stabbilita proċedura ta’ “karta ħadra” li permezz tagħha mill-anqas terz tal-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jitolbu li l-Kummissjoni jew il-Parlament jippreżentaw proposti leġiżlattivi, u b’hekk jinfluwenzaw b’mod pożittiv id-dibattitu Ewropew.

        Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali.

         

        Christophe BEAUDOUIN / Mariusz Maciejewski