Din l-iskeda informattiva tispjega kif l-UE tappoġġja l-qasam tal-edukazzjoni billi tippreżenta l-oqsfa ta’ politika u l-programmi ewlenin li jippermettu l-kooperazzjoni Ewropea f’dan il-qasam. L-objettivi ewlenin tal-politika tal-edukazzjoni tal-UE jinkludu li tiġi mħeġġa l-mobbiltà tal-istudenti u l-għalliema, jitrawwem ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi u l-perjodi ta’ studju, kif ukoll li tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja.

Il-bażi legali

L-edukazzjoni kienet rikonoxxuta formalment bħala qasam ta’ kompetenza tal-UE fit-Trattat ta’ Maastricht tal-1992. L-Artikoli li ġejjin tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddeskrivu l-kompetenzi tagħha:

  • l-Artikolu 6 jgħid li “L-Unjoni għandha kompetenza li tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri. Fil-livell Ewropew, l-oqsma ta’ dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu: […] l-edukazzjoni, il-formazzjoni vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport”;
  • l-Artikolu 9 jista’ jiġi deskritt bħala “klawżola soċjali” orizzontali, u jgħid li: “Fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”;
  • l-Artikolu 165(1) jipprevedi li: “L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għalkollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom”;
  • l-Artikolu 165(2) jiddikkjara li: “L-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun immirata lejn:
    • l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni [...];
    • l-inkoraġġiment tal-mobbiltà fost l-istudenti u l-għalliema, fost l-oħrajn billi tinkoraġġixxi r-rikonoxximent akkademiku ta’ diplomi u perjodi ta’ studju;
    • il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi; l-iżvilupp ta’ skambji ta’ informazzjoni u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi ta’ edukazzjoni fl-Istati Membri;
    • l-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta’ edukazzjoni mill-bogħod [...]”;
    • l-Artikolu 166 jippermetti lill-UE timplimenta politika ta’ taħriġ vokazzjonali biex tappoġġja u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri. Jagħti l-kompitu lill-UE biex tiffaċilita l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u biex tħeġġeġ il-mobbiltà tal-edukaturi u tat-trainees, b’mod partikolari taż-żgħażagħ;
    • ¾ l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jgħid: “Kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni”.

      L-objettivi

      A. Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

      Fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, adottata fit-30 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni ddeskriviet approċċ biex ittejjeb il-livell tal-edukazzjoni u dak tat-taħriġ taċ-ċittadini Ewropej u tiżviluppa s-sens ta’ appartenenza tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni hija bbażata fuq sitt dimensjonijiet: il-kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ; l-inklużjoni; it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali; l-għalliema u l-ħarrieġa; l-edukazzjoni għolja; u d-dimensjoni ġeopolitika. Fi Frar 2021, il-Kunsill adotta riżoluzzjoni dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) u stabbilixxa lista ta’ objettivi li għandhom jinkisbu fis-snin li ġejjin:

      • il-proporzjon ta’ żgħażagħ ta’ 15-il sena b’kisbiet baxxi fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza għandu jkun anqas minn 15% sal-2030 (il-proporzjon fl-2022: 26.25% għall-qari, 29.5% għall-matematika u 24.2% għax-xjenza);
      • il-proporzjon ta’ studenti fit-tmien sena skolastika b’kisbiet baxxi fil-litteriżmu fil-kompjuter u fl-informazzjoni għandu jkun anqas minn 15% sal-2030 (il-proporzjon fl-2023: 43%);
      • mill-anqas 96% tat-tfal bejn l-età ta’ tliet snin u l-età ta’ meta t-tfal jibdew l-edukazzjoni primarja obbligatorja għandhom jipparteċipaw fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal sal-2030 (ir-rata ta’ parteċipazzjoni fl-2023: 94.6%);
      • il-proporzjon ta’ studenti li jitilqu mill-edukazzjoni u t-taħriġ għandu jkun anqas minn 9% sal-2030 (il-proporzjon fl-2024: 9.3%);
      • il-proporzjon ta’ persuni ta’ bejn il-25 u l-34 sena b’edukazzjoni terzjarja għandu jkun mill-anqas 45% (il-proporzjon fl-2024: 44.1%);
      • il-proporzjon ta’ gradwati reċenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li jibbenefikaw minn esponiment għal tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol matul l-istudji tagħhom għandu jkun mill-anqas 60% sal-2025 (il-proporzjon fl-2023: 65.6%);
      • il-proporzjon tal-adulti fl-età ta’ bejn il-25 u l-64 sena li jkunu pparteċipaw fit-tagħlim matul it-12-il xahar preċedenti għandu jkun mill-anqas 47% sal-2025 (il-proporzjon fl-2022: 46.6%).
      • F’Lulju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat evalwazzjoni interim tal-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għall-2021-2030 u sabet li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar prijoritajiet kondiviżi, inkluż il-progress fil-mobbiltà fl-edukazzjoni għolja, fl-edukazzjoni inklużiva u diġitali u fl-inizjattiva “Universitajiet Ewropej”, ġabet riżultati pożittivi bikrija. Madankollu, identifikat ukoll sfidi u rrakkomandat titjib, bħal pereżempju li jiġu ċċarati l-prijoritajiet strateġiċi, jissaħħu r-rabtiet bejn setturi differenti tal-edukazzjoni, jittejjeb il-monitoraġġ, u jissaħħu s-sinerġiji ma’ oqsma Ewropej oħra, bħar-riċerka.

        B. Il-Proċess ta’ Bolonja

        Minbarra l-inizjattivi proprji tal-Istati Membri, l-UE tappoġġja b’mod attiv il-prijoritajiet tal-Proċess ta’ Bolonja li, sa mill-bidu tiegħu fl-1999, ħadem favur sistemi aktar komparabbli, kompatibbli u koerenti ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa u fir-reġjuni ġirien, li wasslu biex tinħoloq iż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (EHEA), bid-Dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali ta’ Budapest-Vjenna ta’ Marzu 2010. Sal-lum, 49 pajjiż huma membri tal-EHEA.

        C. L-aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja

        Fl-2017, il-Kummissjoni ppubblikat l-aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja. Tiffoka fuq erba’ oqsma ta’ prijorità:

        • li l-iżvilupp tal-ħiliet fl-edukazzjoni għolja jiġi allinjat mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;
        • li l-edukazzjoni għolja ssir aktar aċċessibbli u aktar inklużiva, u tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà f’dan ir-rigward;
        • li tingħata spinta lill-kapaċità tal-innovazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja;
        • li jiżdiedu l-effettività u l-effiċjenza tal-edukazzjoni għolja.
        • Il-kisbiet

          A. Erasmus+

          Erasmus+ huwa l-programm tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport għall-2021-2027. L-objettivi ġenerali tal-programm Erasmus+ huma dawn li ġejjin:

          • li jappoġġja l-iżvilupp edukattiv, professjonali u personali permezz tat-tagħlim tul il-ħajja;
          • li jikkontribwixxi b’dan il-mod għal tkabbir sostenibbli, impjiegi ta’ kwalità, koeżjoni soċjali, innovazzjoni, sens aktar b’saħħtu ta’ identità tal-UE u ċittadinanza attiva;
          • li jibni ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u jiffaċilita l-kooperazzjoni strateġika Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż fl-aġendi settorjali sottostanti;
          • li javvanza l-kooperazzjoni fil-politika taż-żgħażagħ skont l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027;
          • li jiżviluppa d-dimensjoni Ewropea fl-isports.
          • Il-programm qed iwettaq dawn l-għanijiet permezz ta’ qafas ta’ azzjonijiet ewlenin:

            • azzjoni ewlenija 1: il-mobbiltà edukattiva tal-individwi;
            • azzjoni ewlenija 2: il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-iskambju tal-aħjar prattiki;
            • azzjoni ewlenija 3: l-appoġġ għar-riforma politika.
            • Fi ħdan l-arkitettura ġenerali ta’ Erasmus+, l-edukazzjoni għolja tassumi rwol ċentrali, b’minimu allokat ta’ 34.6% tal-baġit totali tagħha. Erasmus+ ma jappoġġjax biss il-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal fl-edukazzjoni għolja, iżda jiffinanzja wkoll il-lawrji ta’ Master Konġunt tal-Erasmus Mundus.

              Is-sena 2018 rat it-tnedija tal-inizjattiva “Universitajiet Ewropej”, li tappoġġja l-ħolqien ta’ networks ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja madwar l-Istati Membri, bl-għan li tiġi żviluppata kooperazzjoni strutturali, strateġika u sostenibbli fit-tul bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Permezz ta’ dawn l-alleanzi, l-istudenti jistgħu jiksbu l-lawrji tagħhom billi jikkombinaw l-istudji f’diversi pajjiżi Ewropej. Issa hemm 73 alleanza tal-Universitajiet Ewropej f’36 pajjiż.

              Fit-22 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni adottat qafas ġdid ta’ miżuri ta’ inklużjoni għall-programmi Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021-2027. Dan il-qafas għandu l-għan li jiffaċilita l-aċċess għal persuni b’anqas opportunitajiet u li jneħħi l-ostakli li jistgħu jipprevjenu l-aċċess. Jappoġġja l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li jixtiequ jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà edukattiva għall-istudenti u l-persunal. Il-kooperazzjoni hija wkoll fundamentali għall-qafas il-ġdid u tinkludi sħubijiet fuq skala żgħira, li jwessgħu l-aċċess għall-programm.

              F’Lulju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat l-evalwazzjoni interim tagħha tal-programm Erasmus+ għall-2021-2027 u l-evalwazzjoni finali tal-programm Erasmus+ għall-2014-2020. Sal-2023, aktar minn 1.6 miljun parteċipant u aktar minn 77,000 organizzazzjoni kienu ħadu sehem fil-programm. Il-prijoritajiet trażversali tiegħu – b’mod partikolari l-inklużjoni u d-diversità, it-trasformazzjoni diġitali, u t-tranżizzjoni ekoloġika – qed ikunu effettivi, bi kważi terz tal-vjaġġi li jsiru bl-użu ta’ għażliet ta’ vvjaġġar aktar ekoloġiċi u b’ħafna parteċipanti li jirrapportaw żieda fil-ħiliet diġitali u fis-sensibilizzazzjoni ambjentali.

              B’mod parallel, il-proposta għal regolament Erasmus+ għall-2028-2034 tistabbilixxi baġit propost ta’ madwar EUR 40.8 biljun.

              B. L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie

              L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA) jappoġġjaw il-mobbiltà u t-taħriġ tar-riċerkaturi. Dawn huma parti minn Orizzont Ewropa (2021-2027), il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE u huma strutturati abbażi ta’ ħames subazzjonijiet. Fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, l-MSCA saru l-programm ewlieni tal-UE għat-taħriġ fid-dottorat. Il-programm Orizzont Ewropa jalloka baġit ta’ madwar EUR 6.6 biljun lill-MSCA.

              C. Il-kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja

              F’April 2022, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar strateġija Ewropea li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għall-futur tal-Ewropa u rakkomandazzjoni dwar il-bini ta’ konnessjonijiet għal kooperazzjoni effettiva Ewropea fl-edukazzjoni għolja. Dawn kellhom l-għan li jgħinu lill-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni għolja jsawru l-kontributi tagħhom lejn ekonomiji sostenibbli u reżiljenti u li jintensifikaw u jespandu l-kooperazzjoni tranżnazzjonali.

              F’Marzu 2024, il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ proposti ambizzjużi għas-settur tal-edukazzjoni għolja tal-Ewropa, bi pjan ta’ azzjoni tagħha għal kooperazjoni tranżnazzjonali aktar profonda u usa’ bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Dan il-pakkett ġie segwit għall-ewwel darba minn Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2024 dwar karrieri attraenti u sostenibbli fl-edukazzjoni għolja, li tiddeskrivi modi biex jittejbu l-kundizzjonijiet għall-persunal akkademiku u biex tissaħħaħ l-edukazzjoni għolja u r-rwol tagħha fis-soċjetà. Imbagħad, fit-12 ta’ Mejju 2025, il-Kunsill ippubblika rakkomandazzjoni u riżoluzzjoni komplementari. Ir-rakkomandazzjoni tiddefinixxi kriterji Ewropej komuni u arranġamenti kif tiġi assigurata l-kwalità għal programmi konġunti, filwaqt li r-riżoluzzjoni tistabbilixxi approċċ gradwali għall-introduzzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ tikketta tal-kwalità, bl-għan li tinforma deċiżjoni politika futura dwar il-ħolqien ta’ lawrja Ewropea konġunta.

              D. L-Unjoni tal-Ħiliet

              Fit-18 ta’ April 2018, il-Parlament u l-Kunsill adottaw id-Deċiżjoni (UE) 2018/646 dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass).

              F’Marzu 2025, il-Kummissjoni nediet l-Unjoni tal-Ħiliet, qafas strateġiku li għandu l-għan li jgħammar lin-nies fl-UE bil-ħiliet meħtieġa għall-ekonomija ekoloġika, diġitali u kompetittiva. L-inizjattiva tenfasizza l-ħiliet bażiċi (il-qari, il-matematika, ix-xjenza u l-ħiliet diġitali), l-edukazzjoni fi STEM (ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika), it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tul il-ħajja (inklużi l-mikrokredenzjali), il-portabbiltà tal-ħiliet u l-kwalifiki fl-Istati Membri kollha, l-attraenza u ż-żamma tat-talent, u l-ħidma lejn lawrja Ewropea/isem Ewropew u diploma/isem tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ġodda. Toħloq għodod ta’ governanza ġodda (Osservatorju Ewropew tal-Informazzjoni dwar il-Ħiliet u Bord ta’ Livell Għoli Ewropew dwar il-Ħiliet) u tfittex li, sal-2030, tilħaq diversi miri, bħat-tnaqqis fil-proporzjon ta’ persuni li ma għandhomx ħiliet suffiċjenti fil-litteriżmu, fil-matematika, fix-xjenza u fil-ħiliet diġitali għal taħt il-15%.

              Mill-2019, Erasmus+ iffinanzja 69 proġett ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali, li:

              • jiżviluppaw kurrikuli modulari u mikrokredenzjali allinjati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;
              • isaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja u l-industrija;
              • jintegraw il-ħiliet ekoloġiċi u diġitali fil-programmi ta’ taħriġ;
              • joħolqu metodi ta’ tagħlim innovattivi, minn għodod li jaħdmu bl-IA għal tagħlim ibbażat fuq l-isfidi.
              • E. Kisbiet oħra

                Fl-2020, il-Kummissjoni nediet il-Premju Ewropew għat-Tagħlim Innovattiv, li għandu l-għan li jirrikonoxxi l-ħidma tal-għalliema (u l-iskejjel tagħhom) li jagħtu kontribut eċċezzjonali għall-professjoni. Fl-okkażjoni tal-ħames anniversarju tiegħu, ġew introdotti żewġ kategoriji ġodda: it-Tikketta Ewropea għal-Lingwi u l-edukazzjoni għall-adulti. Din l-inizjattiva orjentata lejn l-għalliema hija kkomplementata minn oħrajn taħt Erasmus+:

                • l-Akkademji tal-Għalliema, li joħolqu sħubijiet Ewropej u jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni tal-għalliema u l-fornituri tat-taħriġ biex jappoġġjaw lill-għalliema fil-bidu tal-karriera tagħhom u biex isaħħu l-iżvilupp professjonali tagħhom;
                • l-eTwinning, li hija komunità online ta’ skejjel li toffri lill-għalliema u lill-istudenti madwar l-Ewropa pjattaforma sikura u bla ħlas biex jikkollaboraw fuq proġetti, jiddiskutu fi gruppi u jiżviluppaw il-ħiliet.
                • Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

                  Il-Parlament għandu influwenza dejjem akbar fuq it-tfassil tal-politika Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni.

                  A. Erasmus+

                  F’Mejju 2021, il-Parlament u l-Kunsill adottaw ir-regolament li jistabbilixxi l-programm Erasmus+ għall-perjodu 2021-2027 (ir-Regolament (UE) 2021/817). B’baġit ta’ EUR 26.6 biljun (meta mqabbel ma’ EUR 14.7 biljun fil-perjodu preċedenti), il-programm attwali għandu l-għan li jiżgura opportunitajiet indaqs billi jtejjeb l-aċċess għall-gruppi żvantaġġati.

                  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ inklużjoni fi ħdan Erasmus+ 2014-2020, adottata fit-23 ta’ Ġunju 2022, ikkonkludiet li filwaqt li l-inklużjoni kienet kisbet importanza u kienet qed tiġi indirizzata b’mod aktar komprensiv u mmirat milli fi programmi preċedenti, baqgħu jippersistu sfidi u nuqqasijiet konsiderevoli. Dan ikkonferma l-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lill-miżuri ta’ inklużjoni fil-programm Erasmus+ 2021-2027, li l-bażi legali tiegħu identifikat b’mod ċar l-“inklużjoni” bħala wieħed mill-objettivi ewlenin tal-programm.

                  F’Jannar 2024, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm Erasmus+ attwali (2021-2027) bħala parti mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm. Il-Parlament enfasizza l-fatt li l-Erasmus+ għadu programm ta’ suċċess kbir, appella għal aktar finanzjament u miżuri ta’ simplifikazzjoni biex jittejjeb l-aċċess għall-istudenti b’anqas opportunitajiet u ħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-komponenti ekoloġiċi u diġitali tal-programm, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027.

                  B. Oqsma speċifiċi oħra

                  Il-Parlament jieħu interess qawwi biex jiġu indirizzati u promossi oqsma speċifiċi tal-edukazzjoni, kif muri mill-eżempji li ġejjin.

                  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar it-tfassil tal-politika tal-edukazzjoni diġitali tistabbilixxi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027) – Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali”. F’Marzu 2023, is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) ippubblika briefing dwar il-progress tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, u dan jeżamina mill-ġdid l-implimentazzjoni tiegħu. Enfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-lakuni persistenti fil-ħiliet, fl-infrastruttura u fl-inklużjoni diġitali biex jiġi żgurat l-impatt effettiv u ekwu tagħhom madwar l-UE.

                  Il-Parlament imexxi l-programmi edukattivi Skola Ambaxxatriċi tal-Parlament Ewropew u Euroscola biex iżid is-sensibilizzazzjoni dwar id-demokrazija u l-valuri Ewropej. Fis-6 ta’ April 2022, il-Parlament adotta r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ edukazzjoni ċivika. Ir-riżoluzzjoni tesprimi tħassib dwar l-iżbilanċi f’termini ta’ għarfien ċiviku medju fost l-Istati Membri u fi ħdanhom, u tagħmel diversi rakkomandazzjonijiet biex dan jiġi indirizzat.

                  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni enfasizzat il-ħtieġa ta’ approċċ olistiku u sforzi konġunti, u saħqet fuq l-importanza li titrawwem Żona Ewropea tal-Edukazzjoni minn perspettiva edukattiva biex jiġu pprovduti aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar għaċ-ċittadini Ewropej biex jistudjaw, jitħarrġu u jaħdmu barra minn pajjiżhom. Fid-19 ta’ Mejju 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-istabbiliment taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, li fiha jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex jiġi żviluppat approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali, il-kontijiet ta’ tagħlim individwali u tagħlim għal sostenibbiltà ambjentali, li kollha dehru fost l-objettivi biex tinkiseb Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025.

                  Il-Parlament adotta wkoll, fil-11 ta’ Settembru 2025, riżoluzzjoni li tistabbilixxi l-viżjoni tiegħu għall-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej, u tipprovdi gwida dwar l-iżvilupp futur u l-governanza tagħhom, u r-rwol tagħhom biex jitrawmu l-eċċellenza akkademika, il-mobbiltà u l-identità Ewropea.

                  C. Proposti għar-reviżjoni tat-Trattati

                  Fit-22 ta’ Novembru 2023, il-Parlament adotta r-riżoluzzjoni tiegħu dwar proposti tal-Parlament Ewropew għar-reviżjoni tat-Trattati. Fil-qasam tal-edukazzjoni, talab lill-UE tiżviluppa objettivi u standards komuni għal edukazzjoni li tippromwovi l-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt, kif ukoll il-litteriżmu diġitali u ekonomiku. Il-Parlament talab ukoll lill-UE tippromwovi l-kooperazzjoni u l-koerenza bejn is-sistemi tal-istabbilimenti edukattivi filwaqt li tiggarantixxi t-tradizzjonijiet kulturali u d-diversità reġjonali. Talab ukoll lill-UE tiżviluppa standards komuni dwar it-taħriġ vokazzjonali biex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema. Ippropona li l-UE taħdem biex tipproteġi u tippromwovi l-aċċess għal edukazzjoni mingħajr ħlas u universali, il-libertà akkademika istituzzjonali u individwali, u d-drittijiet tal-bniedem.

                  Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għaċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza u l-Kultura. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni.

                   

                  Léanne Emma Clara COSTES / Anastasia MITRONATSIOU