Din l-iskeda informattiva tispjega r-rwol tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, ir-responsabbiltà primarja għall-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali hija f’idejn l-Istati Membri, filwaqt li <strong>l-Unjoni Ewropea għandha rwol ta’ appoġġ</strong>. Madankollu, xi sfidi huma komuni fl-Istati Membri kollha, inkluża t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, kif ukoll in-nuqqas ta’ ħiliet u l-ispariġġ fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol, u għalhekk dawn jitolbu reazzjonijiet konġunti.

Il-bażi legali

  • It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); L-Artikolu 9 jiddikjara li, meta timplimenta l-politiki, l-UE jeħtiġilha tqis ċerti fatturi, bħall-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ edukazzjoni u taħriġ; L-Artikolu 166 jistabbilixxi l-obbligi tal-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politika tagħha dwar it-taħriġ vokazzjonali, li għandha tappoġġja lill-Istati Membri u tirrispetta r-responsabbiltà tagħhom għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali.
  • L-Artikolu 14(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jsostni li kulħadd għandu d-dritt li jkollu aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u kontinwu.
  • L-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali

    L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) iħejju lill-persuni għax-xogħol u jiżviluppaw il-ħiliet taċ-ċittadini biex ikunu jistgħu jibqgħu impjegabbli u jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-ekonomija. Ir-responsabbiltà għall-VET hija primarjament f’idejn l-Istati Membri, filwaqt li l-UE għandha rwol ta’ appoġġ. It-taħriġ vokazzjonali ġie identifikat bħala qasam ta’ azzjoni Komunitarja fit-Trattat ta’ Ruma fl-1957 u l-edukazzjoni ġiet rikonoxxuta formalment bħala qasam ta’ kompetenza tal-UE fit-Trattat ta’ Maastricht fl-1992. Skont l-Artikolu 166 tat-TFUE, l-azzjoni tal-UE dwar it-taħriġ vokazzjonali għandu jkollha l-għan li:

    • tiffaċilita l-adattament għat-tibdil industrijali, b’mod partikolari permezz ta’ taħriġ vokazzjonali u taħriġ vokazzjonali mill-ġdid;
    • ittejjeb it-taħriġ vokazzjonali inizjali u kontinwu sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni u r-reintegrazzjoni vokazzjonali fis-suq tax-xogħol;
    • tiffaċilita l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u tinkoraġġixxi l-mobbiltà tal-istrutturi, tat-trainees u taż-żgħażagħ.
    • tistimula l-kooperazzjoni dwar it-taħriġ bejn istituzzjonijiet edukattivi jew ta’ taħriġ u l-impriżi;
    • tiżviluppa skambji ta’ informazzjoni u ta’ esperjenza fuq kwistjonijiet komuni fis-sistemi ta’ taħriġ tal-Istati Membri.
    • Il-kisbiet u l-iżviluppi

      A. L-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni tal-UE

      Filwaqt li l-kompetenza tal-UE fil-VET hija limitata, bosta strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni tal-UE għandhom l-għan itejbu l-forniment tal-VET u l-ħiliet fl-UE. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR), adottat fl-2017, jistabbilixxi 20 prinċipju ewlieni biex jiggwidaw il-konverġenza mġedda fl-isfera tal-impjiegi u f’dik soċjali. L-ewwel prinċipju jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi “sabiex iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġja b’suċċess tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol”. Il-pjan ta’ azzjoni tal-EPSR tal-2021 jistabbilixxi inizjattivi konkreti biex l-EPSR jinbidel f’realtà u jipproponi miri ewlenin għall-UE sal-2030, inkluża l-parteċipazzjoni ta’ mill-anqas 60% tal-adulti kollha fit-taħriġ kull sena. Il-ministri għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali tal-UE ppreżentaw il-miri nazzjonali relatati tagħhom fis-16 ta’ Ġunju 2022.

      Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni hija l-viżjoni kondiviża tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni Ewropea għall-futur tas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-oqsma ta’ prijorità tagħha għall-kooperazzjoni jinkludu l-VET, bil-għan li jiżdied l-esponiment tal-gradwati tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għal tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u tiżdied il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim.

      Il-pjan ta’ azzjoni għall-edukazzjoni diġitali 2021-2027, adottat fl-2020, jistabbilixxi żewġ prijoritajiet strateġiċi u 14-il azzjoni lejn edukazzjoni diġitali ta’ kwalità għolja, inklużiva u aċċessibbli fl-UE. Għandu l-għan jappoġġja l-adattament tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri għall-era diġitali u jżid il-parteċipazzjoni fit-taħriġ tal-ħiliet diġitali. Il-programm ta’ politika dwar id-Deċennju Diġitali jiggwida t-trasformazzjoni diġitali tal-UE, b’miri u objettivi konkreti għall-2030 f’erba’ oqsma ewlenin, inkluża popolazzjoni b’ħiliet diġitali u professjonisti diġitali b’ħiliet għolja, b’mira ta’ 20 miljun speċjalista tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, b’konverġenza bejn il-ġeneri, u li mill-anqas 80% tal-popolazzjoni jkollha ħiliet diġitali bażiċi.

      L-aħħar Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, adottata fl-2020, li tibni fuq l-aġenda preċedenti tal-2016, fiha 12-il azzjoni relatati mal-ħiliet għall-impjiegi, sabiex jiġi żgurat li d-dritt għat-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja jsir realtà fl-Ewropa kollha. In-“Nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet fl-UE:pjan ta’ azzjoni” tal-Kummissjoni, adottat fl-2024, jibni fuq miżuri ta’ politika u finanzjament diġà stabbiliti fil-livell tal-UE, bħall-Patt għall-Ħiliet. Bħala segwitu għas-Summit tas-Sħab Soċjali ta’ Val Duchesse ta’ Jannar 2024, il-pjan jistabbilixxi azzjonijiet f’ħames oqsma li għandhom jiġu implimentati fil-livelli tal-UE, nazzjonali u tas-sħab soċjali, inkluż l-għoti ta’ appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet, it-taħriġ u l-edukazzjoni.

      L-Unjoni tal-Ħiliet, adottata fl-2025, hija strateġija globali bil-fergħat ewlenin li ġejjin:

      • tibni ħiliet għal impjiegi u ħajja ta’ kwalità permezz ta’ pedament edukattiv b’saħħtu, b’approċċ inklużiv ta’ tagħlim tul il-ħajja;
      • ittejjeb il-ħiliet u tagħti ħiliet ġodda lil forza tax-xogħol aġli li taħkem it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, b’mod partikolari dawk b’ħiliet ta’ livell baxx u medju;
      • tiċċirkola l-ħiliet bil-moviment liberu tal-persuni madwar l-UE;
      • tattira, tiżviluppa u żżomm it-talent.
      • Ir-riżultati ewlenin ta’ din l-istrateġija jinkludu:

        • strateġija Ewropea għall-VET [2026];
        • il-pilotaġġ ta’ garanzija tal-ħiliet għall-ħaddiema [2025];
        • it-twaqqif ta’ akkademji għall-ħiliet tal-UE mmirati, wara rieżami ta’ dawk attwali [2026];
        • inizjattiva dwar it-trasferibbiltà tal-ħiliet [2026];
        • il-pilotaġġ ta’ diploma Ewropea tal-VET [2025-2026].
        • pjan ta’ azzjoni għall-ħiliet bażiċi;
        • pjan strateġiku għall-edukazzjoni STEM.
        • Biex tappoġġja l-iżvilupp tal-istrateġija Ewropea li jmiss għall-VET, il-Kummissjoni nediet sejħa għal evidenza filwaqt li stiednet kontribut mill-partijiet ikkonċernati, inklużi n-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi, il-fornituri tal-VET u s-sħab soċjali. Il-kontribuzzjonijiet sottomessi bħalissa qed jiġu rieżaminati.

          B. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill

          Filwaqt li jirrispettaw il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-VET, ir-rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti tal-Kunsill jistabbilixxu approċċ u prinċipji komuni għal sistema tal-VET ta’ kwalità u li tibqa’ valida fil-futur. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2020 dwar il-VET tispeċifika l-prinċipji ewlenin biex jiġi żgurat li l-VET tkun aġli, tadatta malajr għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tipprovdi opportunitajiet ta’ tagħlim ta’ kwalità għall-gruppi tal-etajiet kollha. Din tissostitwixxi żewġ rakkomandazzjonijiet, li jmorru lura għall-2009, dwar qafas ta’ referenza Ewropew għall-assigurazzjoni tal-kwalità għall-VET (EQAVET) u dwar is-sistema Ewropea ta’ krediti għall-VET (ECVET). Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2020 dwar il-VET tinkludi qafas aġġornat tal-EQAVET b’indikaturi tal-kwalità u deskritturi biex jappoġġjaw lill-Istati Membri ħalli jtejbu l-kwalità tas-sistemi tal-VET tagħhom. Ir-rakkomandazzjoni tistieden ukoll lill-Kummissjoni “tesplora l-kunċett u l-użu tal-mikrokredenzjali”. Mikrokredenzjali huma rekord tar-riżultati tat-tagħlim miksuba wara volum żgħir ta’ tagħlim. Dawn ma jissostitwixxux il-kwalifiki tradizzjonali, iżda jippermettu akkwist immirat u flessibbli ta’ ħiliet biex jiġu ssodisfati ħtiġijiet ġodda u emerġenti. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali, adottata f’Ġunju 2022, tfittex li tiffaċilita l-użu tal-mikrokredenzjali. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar kontijiet individwali tal-apprendiment għandha l-għan li tappoġġja l-inizjattivi tal-Istati Membri biex aktar adulti fl-età tax-xogħol ikunu jistgħu jipparteċipaw fit-taħriġ u jnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet. 

          Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati (persuna li tlesti kwalunkwe livell ta’ edukazzjoni għolja jew VET), adottata f’Novembru 2017, tfittex li tippermetti lil dawk li jfasslu l-politika u lill-partijiet ikkonċernati jtejbu l-impjegabbiltà tal-gradwati, jindirizzaw id-diskrepanzi fil-ħiliet u n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u jiżguraw l-inklużjoni soċjali, kif ukoll li jiffaċilitaw għażliet infurmati dwar perkorsi potenzjali ta’ karriera għal studenti futuri. Il-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati huwa sors ewlieni ta’ informazzjoni li jikkontribwixxi għas-sistemi ta’ governanza tal-ħiliet. Fil-konklużjonijiet tagħhom ta’ Diċembru 2024, il-ministri tal-UE appellaw għal titjib u tiġdid tal-ħiliet aktar b’saħħithom, u għal opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja biex jiġi ffaċilitat l-adattament għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu.

          C. Il-kooperazzjoni u l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni

          Fil-Proċess ta’ Copenhagen, mibdi fl-2002, l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi kandidati tal-UE, il-pajjiżi mhux tal-UE fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u s-sħab soċjali Ewropej jikkooperaw biex itejbu l-prestazzjoni, il-kwalità u l-attraenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Din il-kooperazzjoni ġiet żviluppata matul is-snin permezz ta’ sensiela ta’ dikjarazzjonijiet. Id-Dikjarazzjoni attwali ta’ Herning, adottata formalment fit-12 ta’ Settembru 2025, tibni fuq id-Dikjarazzjoni preċedenti ta’ Osnabrück (2020) bħala l-qafas ta’ gwida għall-kooperazzjoni tal-VET fl-Ewropa għall-perjodu 2026-2030.

          Id-dikjarazzjoni tistabbilixxi viżjoni mġedda għall-VET madwar l-Ewropa, imsejsa fuq erba’ pilastri ewlenin:

          • l-attraenza u l-inklużività – li jagħmlu l-VET għażla aktar attraenti għaż-żgħażagħ u għall-adulti, u li jiżguraw aċċess għal kulħadd, inklużi l-gruppi sottorappreżentati jew żvantaġġati;
          • ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol – l-allinjament tas-sistemi tal-VET aktar mill-qrib mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, l-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħiliet u t-tħejjija tal-istudenti għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali;
          • il-mobbiltà, il-kooperazzjoni u d-dimensjoni transfruntiera – it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali, il-mobbiltà tal-istudenti u l-użu ta’ għodod komuni tal-UE għat-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki;
          • il-kwalità, l-innovazzjoni u r-reżiljenza – it-tisħiħ tal-ambjenti tat-tagħlim, l-appoġġ għat-tagħlim tul il-ħajja, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji emerġenti b’mod responsabbli (eż. l-intelliġenza artifiċjali) u r-rispons għat-tibdil demografiku.
          • Id-dikjarazzjoni hija appoġġjata mill-assoċjazzjonijiet tal-fornituri tal-VET fil-livell Ewropew u mir-rappreżentanti tal-istudenti tal-VET. Fl-2022, il-pajjiżi li pparteċipaw fil-Proċess ta’ Copenhagen ippreżentaw il-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali (NIPs) tagħhom għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-VET u/jew id-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück. Il-monitoraġġ tal-NIPs jitwettaq miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), żewġ aġenziji tal-UE fil-qasam tal-VET, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea. Fil-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-2024 dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet, il-Kummissjoni impenjat ruħha li taħdem mal-Istati Membri u mas-sħab soċjali biex tadotta dikjarazzjoni ġdida dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-2025 biex tkompli l-Proċess ta’ Copenhagen.

            L-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, maħluqa fl-2013, hija pjattaforma ta’ kooperazzjoni għall-partijiet ikkonċernati biex ittejjeb il-kwalità, id-disponibbiltà u l-attraenza tal-apprendistati u tinkoraġġixxi l-mobbiltà tal-apprendisti fl-UE, kif ukoll f’pajjiżi fl-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u fil-pajjiżi kandidati tal-UE, permezz ta’ impenji nazzjonali u wegħdiet volontarji mill-partijiet ikkonċernati.

            F’forma oħra ta’ kooperazzjoni, l-Alleanzi tal-Blueprint, introdotti fl-2016 u ffinanzjati minn Erasmus+, il-partijiet ikkonċernati jaħdmu flimkien fi sħubijiet speċifiċi għas-settur biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji li jindirizzaw id-diskrepanzi fil-ħiliet f’dawn is-setturi. Huma jiżviluppaw profili okkupazzjonali, programmi vokazzjonali u kwalifiki, ifasslu pjan ta’ azzjoni fit-tul u jippromwovu l-użu ta’ għodod relatati tal-UE. Taħt Erasmus+ 2021-2027, din l-inizjattiva tkompli permezz tal-Alleanzi għall-Innovazzjoni (Lott 2: Alleanzi għall-kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet).

            Il-Patt għall-Ħiliet, imniedi fl-2020 bħala waħda mill-azzjonijiet ewlenin tal-aġenda għall-ħiliet għall-Ewropa, jappoġġja lill-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati bit-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Fl-istrateġija tal-Unjoni tal-Ħiliet, il-Kummissjoni talbet li l-patt jissaħħaħ biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tal-inizjattivi u jittejbu r-rabtiet bejniethom, bħall-akkademji tal-UE għall-ħiliet, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali (CoVEs) u l-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej. Appellat ukoll lill-membri tal-patt biex jirduppjaw, mill-anqas, l-impenji tagħhom biex itejbu l-ħiliet ta’ 25 miljun ħaddiem sal-2030. Is-CoVEs, iffinanzjati minn Erasmus+, ilaqqgħu flimkien is-sħab lokali biex jiżviluppaw ekosistemi tal-ħiliet, jikkontribwixxu għall-iżvilupp reġjonali, ekonomiku u soċjali, l-innovazzjoni u l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.

            Il-Komunità tal-prattikanti Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandha l-għan issaħħaħ il-komunità tal-VET madwar l-UE, billi tgħin lill-prattikanti bħall-għalliema, il-ħarrieġa u t-tuturi fil-kumpaniji jiġu infurmati dwar inizjattivi ta’ politika fil-livell Ewropew u jikkooperaw bejniethom, b’enfasi fuq it-tagħlim online, il-ħiliet ekoloġiċi, l-inklużjoni soċjali u l-mobbiltà tal-istudenti.

            Is-sena Ewropea tal-Ħiliet (Mejju 2023 sa Mejju 2024) kellha l-għan tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet, tippromwovi mentalità ta’ tiġdid u titjib tal-ħiliet u tgħin lin-nies jiksbu l-ħiliet it-tajba għal impjiegi ta’ kwalità. Madwar l-Ewropa saru aktar minn 2,000 avveniment dwar l-iżvilupp tal-ħiliet, li kkontribwew għal livell għoli ta’ sensibilizzazzjoni dwar temi relatati mal-ħiliet.

            D. L-aġenziji tal-UE

            Is-Cedefop hija waħda minn aktar minn 30 aġenzija deċentralizzata tal-UE. Imwaqqfa fl-1975 u bbażata fil-Greċja mill-1995, hija tappoġġja l-promozzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-VET, tal-ħiliet u tal-kwalifiki fl-UE. Hija ttejjeb u xxerred l-għarfien, tipprovdi evidenza u servizzi bbażati fuq ir-riċerka għat-tfassil tal-politika, u tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-għarfien fost l-atturi tal-UE u dawk nazzjonali. Żviluppat approċċi għall-UE kollha biex wieħed jifhem id-domanda u l-provvista tal-ħiliet attwali, u jantiċipa dawk futuri.

            L-ETF, aġenzija deċentralizzata oħra tal-UE, imwaqqfa fl-1994 u bbażata f’Turin, tassisti lil 29 pajjiż sieħeb (fix-Xlokk tal-Ewropa u fit-Turkija, fl-Ewropa tal-Lvant, fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Mediterran u fl-Asja Ċentrali) biex jirriformaw u jtejbu s-sistemi tal-VET u tas-suq tax-xogħol tagħhom.

            E. Il-finanzjament

            L-UE tappoġġja l-VET prinċipalment b’finanzjament taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) 3.6.2 u Erasmus+. Fl-ewwel snin, sal-1970, il-FSE rrimborża lill-Istati Membri 50% tal-ispejjeż tat-taħriġ vokazzjonali u tal-allokazzjonijiet ta’ risistemazzjoni għall-ħaddiema milquta mir-ristrutturar ekonomiku. Matul dan il-perjodu, għen aktar minn żewġ miljun persuna. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-kompiti u r-regoli operazzjonali tiegħu ġew riveduti u l-istrumenti komplementari tal-UE ġew integrati. B’riżultat ta’ dan, l-FSE+ sar l-istrument ewlieni tal-UE għall-investiment fin-nies. Il-baġit totali għall-FSE+ fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali 2021-2027 jammonta għal kważi EUR 99.3 biljun. L-objettivi speċifiċi tal-FSE+ jinkludu:

            • li jittejbu l-kwalità, l-inklużività, l-effikaċja u r-rilevanza fis-suq tax-xogħol tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż billi jiġi vvalidat it-tagħlim mhux formali u informali;
            • li jiġi promoss l-aċċess ugwali għal edukazzjoni u taħriġ inklużivi u ta’ kwalità u tiġi promossa t-tlestija tagħhom, b’mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati, inkluż li jiġu ffaċilitati l-mobbiltà għat-tagħlim għal kulħadd u l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà;
            • li jiġi promoss it-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari opportunitajiet flessibbli ta’ titjib u tiġdid tal-ħiliet għal kulħadd, filwaqt li jitqiesu l-ħiliet intraprenditorjali u diġitali, jiġu antiċipati aħjar il-bidliet u l-ħtiġijiet il-ġodda fil-ħiliet abbażi tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet tal-karrieri u tiġi promossa l-mobbiltà professjonali.
            • L-Istati Membri b’sehem medju għoli ta’ żgħażagħ (ta’ bejn il-15 u d-29 sena) li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), huma meħtieġa jonfqu 12.5% tar-riżorsi tagħhom tal-FSE+ b’ġestjoni kondiviża biex jappoġġjaw l-impjieg taż-żgħażagħ, il-VET, it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, il-perkorsi għar-reintegrazzjoni fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ u l-edukazzjoni li tagħti ċans ieħor, b’mod partikolari fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ skemi skont il-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

              Il-programm Erasmus+ għandu baġit ta’ EUR 26.6 biljun għall-perjodu 2021-2027 (meta mqabbel ma’ EUR 14.7-il biljun fil-perjodu preċedenti). Huwa jappoġġja, permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, l-iżvilupp edukattiv, professjonali u personali tal-persuni fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, u jippromwovi l-mobbiltà għat-tagħlim. L-edizzjoni attwali tfittex li żżid il-firxa tagħha biex tilħaq lill-persuni b’diżabbiltà, lil dawk bi sfondi ekonomiċi żvantaġġati u/jew diffikultajiet edukattivi, kif ukoll lil dawk li jgħixu f’żoni rurali u remoti. Kull sena, aktar minn 130,000 student u apprendist tal-VET, kif ukoll 20,000 membru tal-persunal tal-VET jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ mobbiltà ta’ Erasmus+. Il-programm jiffinanzja wkoll iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali, l-Alleanzi għall-Innovazzjoni, is-sħubijiet ta’ kooperazzjoni, il-proġetti ta’ bini tal-kapaċitajiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE, u proġetti li jħarsu ’l quddiem fil-qasam tal-VET. Fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni 2024-2029, il-President tal-Kummissjoni impenjat ruħha sabiex Erasmus+ jissaħħaħ, inkluż għat-taħriġ vokazzjonali, u jiżdied l-għadd ta’ persuni li jibbenefikaw mill-programm.

              Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

              Il-Parlament dejjem semma’ leħnu dwar il-ħtieġa li jittejbu s-sistema tal-VET u l-provvista tal-ħiliet, u l-ħtieġa li jiġu adattati għas-suq tax-xogħol li qed jinbidel. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2020 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-VET, il-Parlament appella għall-modernizzazzjoni tal-politiki tal-VET, għal aktar riżorsi għad-diġitalizzazzjoni tal-programmi tal-VET, u biex it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol ikun fost il-prijoritajiet tal-programm Erasmus+. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar it-tfassil tal-politika tal-edukazzjoni diġitali, huwa fakkar fir-rwol vitali tal-VET u tal-edukazzjoni għall-adulti biex jagħtu opportunitajiet ta’ tiġdid u titjib tal-ħiliet permezz ta’ approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja. Huwa stieden ukoll lill-Kummissjoni tadotta approċċ olistiku għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim għall-adulti, li jinkludi tagħlim formali, mhux formali u informali u li jippermetti lill-istudenti jiksbu firxa varjata ta’ ħiliet li huma importanti għat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. Barra minn hekk, appella għal soluzzjonijiet xierqa u finanzjament xieraq biex jinkisbu r-riżultati. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2022 dwar l-istabbiliment taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, il-Parlament laqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex jiġi żviluppat approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali, il-kontijiet individwali tat-tagħlim u t-tagħlim għas-sostenibbiltà ambjentali.

              Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2023 dwar il-proposti tal-Parlament Ewropew għall-emendar tat-Trattati, il-Parlament appella lill-UE biex tiżviluppa standards komuni dwar it-taħriġ vokazzjonali biex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema. Fl-istess sena, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar it-trawwim u l-adattament tat-taħriġ vokazzjonali, il-Parlament saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu pprovduti l-VET lill-adulti f’livell individwali u li jsir investiment fl-infrastruttura, fit-taħriġ tal-għalliema, u fl-assigurazzjoni tal-kwalità tat-tal-VET kontinwi. Huwa stieden ukoll lill-Istati Membri biex jiżviluppaw kurrikuli ffukati fuq l-okkupazzjonijiet li jridu jadattaw għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Barra minn hekk, huwa ssottolinja l-importanza li jiżdied l-appoġġ għall-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM) u l-VET, u enfasizza r-rwol ewlieni tas-sħab soċjali fir-rigward tal-VET. Huwa stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu lejn konverġenza akbar bejn is-sistemi nazzjonali tal-VET u indika li sistemi effiċjenti tal-VET jeħtieġu l-iżvilupp ta’ strateġiji sistematiċi u riżorsi adegwati, allinjati mal-istrateġiji tal-ħiliet. Enfasizza wkoll l-importanza tal-VET għall-persuni b’diżabbiltà u b’diffikultajiet fit-tagħlim. Saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu pprovduti opportunitajiet tal-VET għal kulħadd, b’mod partikolari għan-NEETs, il-persuni li jitilqu kmieni mill-iskola, il-ħaddiema akbar fl-età, l-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet, u l-persuni li qed ifittxu impjieg, kif ukoll persuni minn żoni remoti u rurali u persuni li jappartjenu għal gruppi emarġinati.

              Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2024 dwar l-implimentazzjoni tal-programm Erasmus+, il-Parlament laqa’ s-CoVEs li għadhom kif ġew stabbiliti, u appella għal approċċ edukattiv olistiku f’dawn iċ-ċentri u biex dawn isiru l-mutur wara l-iżvilupp ta’ kwalifiki, kurrikuli u diplomi Ewropej konġunti tal-VET. Huwa rrakkomanda r-rikonoxximent tal-VET bħala perkors ta’ valur ugwali għall-istudji akkademiċi. Barra minn hekk, ġibed l-attenzjoni għall-ostakli li fadal għal mobbiltà bla xkiel tal-VET, bħal politiki li huma frammentati bejn il-livelli nazzjonali u tal-UE. Stieden lill-Istati Membri jiżviluppaw sinerġiji bejn Erasmus+ u programmi oħra ta’ finanzjament biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tat-tagħlim. Saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu aċċellerati s-sinerġiji bejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, il-pjan ta’ azzjoni għall-edukazzjoni diġitali u l-aġenda għall-ħiliet għall-Ewropa biex titfassal politika tal-edukazzjoni diġitali.

              Fi Frar 2025, il-Membri tal-Parlament Ewropew iddiskutew mal-Kummissjoni u l-Kunsill kif jadattaw l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għas-suq tax-xogħol li qed jinbidel, u f’Marzu 2025, kellhom skambju ta’ fehmiet dwar l-inizjattiva tal-Unjoni tal-Ħiliet. Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Ġunju 2025 dwar il-Patt għal Industrija Nadifa, il-Parlament issottolinja li s-suċċess tat-tranżizzjoni industrijali nadifa kien jiddependi fuq forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati u appoġġja l-użu rapidu ta’ ċentri ta’ eċċellenza vokazzjonali biex jappoġġjaw it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid immirati tal-ħaddiema.

              Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għat-Trasport, l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

               

              AMELIE SOPHIE HOLST