Il-politika estera u ta’ sigurtà komuni
Din l-iskeda informattiva tispjega l-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-UE, inklużi l-bażijiet legali, il-prinċipji ewlenin, l-objettivi, id-deċiżuri kruċjali u l-proċeduri tagħha, kif ukoll il-kwistjonijiet prinċipali li qamu dan l-aħħar. Tiddeskrivi wkoll ir-rwol tal-Parlament Ewropew u l-pożizzjonijiet li ħa dan l-aħħar rigward il-PESK, u tiddeskrivi fid-dettall l-involviment tiegħu fil-politika u fir-riżoluzzjonijiet relatati tagħha kif ukoll l-impatt li jħalli fuqhom.
Il-bażi legali
- It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE): l-Artikoli 21-46 jistabbilixxu l-bażi legali konsolidata għall-PESK.
- It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE): l-Artikoli 205-222 u l-Artikoli 346-347 jikkomplementaw it-TUE billi jagħtu bażi għall-azzjoni esterna ġenerali tal-UE.
- tippreserva l-paċi fid-dinja;
- issaħħaħ is-sigurtà internazzjonali u
- tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali kif ukoll id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.
- it-tisħiħ tas-sigurtà u tad-difiża tal-Ewropa;
- l-iżvilupp ta’ approċċ aktar strateġiku għall-viċinat u għas-sħubijiet tagħna; u
- l-iżgurar ta’ politika estera moderna u magħquda.
- L-UE tkompli tiddefendi l-interessi tagħha, ibbażati fuq il-multilateraliżmu u l-valuri komuni. L-impenn tagħha jestendi fuq livell dinji, b’mod partikolari billi tappoġġja lin-NU u tilqa’ għall-isfidi msemmijin hawn fuq.
- L-UE tkompli wkoll taħdem mas-sħab internazzjonali tal-istess fehma billi tespandi n-network tagħha ta’ ftehimiet internazzjonali fil-qasam politiku, kummerċjali, ta’ sigurtà u ta’ difiża, u torganizza summits regolari fuq livell għoli u laqgħat fil-livell ministerjali.
- L-UE tkompli ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha u l-kapaċitajiet ta’ deterrenza tagħha billi tieħu miżuri konkreti biex hija stess issir aktar kapaċi u reżiljenti meta ssib quddiemha firxa wiesgħa ta’ kriżijiet u theddid kontra t-territorju u l-interessi tagħha.
- It-theddida strateġika fit-tul li ħolqot ir-Russja għas-sigurtà Ewropea ddominat l-aġenda tal-politika estera tal-UE kif ukoll l-azzjoni esterna tagħha.
- L-UE tkompli tappoġġja lill-Ukrajna biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha mil-lat politiku, finanzjarju, militari u diplomatiku, fid-dawl tal-possibbiltà ta’ waqfien mill-ġlied jew ta’ taħditiet ta’ paċi.
- Filwaqt li l-kooperazzjoni mal-Istati Uniti tibqa’ pedament tas-sigurtà globali, din madankollu hija suġġetta għal approċċ dejjem aktar tranżazzjonali, u ddeterjorat malajr wara t-theddida għall-integrità territorjali u għas-sovranità tad-Danimarka.
- L-UE għandha wkoll l-għan tiżgura li l-liġi internazzjonali tiġi rispettata, billi tkisser iċ-ċiklu ta’ vjolenza u ttaffi l-kriżijiet umanitarji fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika u fl-Asja.
- joħorġu rapporti u opinjonijiet;
- jipprovdu rakkomandazzjonijiet;
- jaqsmu l-fehmiet mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, mal-presidenzi tal-Kunsill, mal-pajjiżi tal-UE u mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet multilaterali globali u reġjonali (fosthom in-NU), mal-esperti, mal-partijiet ikkonċernati, mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u mal-varji kontropartijiet matul il-missjonijiet.
- tiżviluppa ulterjorment PESK aktar koerenti u li tħares ’il quddiem kif ukoll li tiddefendi l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;
- trawwem il-kooperazzjoni dwar interessi kondiviżi;
- tirrispetta n-newtralità ta’ ċerti pajjiżi tal-UE u tiżgura li l-azzjoni diplomatika ssir skont il-Karta tan-NU;
- tistabbilixxi limiti ċari u pożizzjonijiet mhux negozjabbli; kif ukoll
- iżżid l-impatt u l-estensjoni tal-azzjoni tal-UE.
L-objettivi
Il-PESK hija l-qafas tal-UE biex twettaq l-objettivi u l-prinċipji tal-politika estera komuni. L-objettivi tal-PESK huma li:
Dawn l-objettivi huwa mirfuda minn prinċipji li ispiraw il-ħolqien tal-UE stess: id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà u r-rispett tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u tal-liġi internazzjonali. L-UE tiżviluppa relazzjonijiet u tibni sħubijiet mal-pajjiżi mhux tal-UE u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali jew globali li jaqsmu magħha dawk il-prinċipji.
X’inhi l-PESK?
A. L-evoluzzjoni maż-żmien
Il-PESK ġiet stabbilita fl-1993 bħala l-politika estera u ta’ sigurtà konġunta tal-UE. Maż-żmien evolviet permezz ta’ sensiela ta’ bidliet fit-Trattati, bħat-Trattat ta’ Amsterdam, ta’ Nizza u ta’ Liżbona. Dawn ħolqu gradwalment ir-rwol ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).
B. It-teħid tad-deċiżjonijiet u l-atturi kruċjali
Il-Kunsill Affarijiet Barranin (KAB) huwa l-organu prinċipali li jieħu d-deċiżjonijiet u jiżviluppa u jimplimenta l-PESK taħt il-gwida tal-Kunsill Ewropew. Il-ħidma tal-KAB tinvolvi l-ippjanar strateġiku, it-teħid ta’ deċiżjonijiet legali u l-istabbiliment ta’ sanzjonijiet, fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali u tal-paċi u s-sigurtà. Il-KAB huwa magħmul mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-UE.
Ir-Rappreżentant Għoli jmexxi l-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE, jippresiedi l-KAB, huwa l-kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u tal-Istitut tal-UE għall-Istudji fuq is-Sigurtà u huwa assistit mis-SEAE. Fl-2024, il-President tal-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ missjoni lir-Rappreżentant Għoli li fiha assenjat tliet oqsma prinċipali ta’ responsabbiltà biex tqawwi r-risposta politika tal-UE:
Il-Kunsill iwettaq il-PESK billi jiddefinixxi l-linji gwida ġenerali u jadotta deċiżjonijiet u pożizzjonijiet u l-miżuri ta’ akkumpanjament li jimplimentaw dawn id-deċiżjonijiet. Dawn jistgħu lkoll ikunu ta’ natura ġeografika jew tematika.
Minkejja li, skont it-Trattati, l-użu tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għandu jkun limitat f’ċerti oqsma, id-deċiżjonijiet dwar il-PESK jittieħdu fil-biċċa l-kbira b’unanimità, jiġifieri jeħtieġ li jaqblu l-pajjiżi kollha tal-UE. Il-pajjiżi tal-UE huma marbutin b’solidarjetà lejn xulxin u b’koordinament sistematiku biex iwettqu l-politiki esteri. Jekk il-Kunsill jew il-Kunsill Ewropew ma jkunux jistgħu jilħqu kunsens dwar il-proposti tar-Rappreżentat Għoli, tal-Kummissjoni jew tal-pajjiżi tal-UE, l-adozzjoni tagħhom tista’ tiġi ttardjata jew miċħuda.
C. Il-qafas strateġiku
Abbażi tal-ewwel strateġija Ewropea fil-qasam tas-sigurtà tagħha, adottata fl-2003, l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016 tibqa’ d-dokument strateġiku fundamentali li jiggwida l-politika estera tal-UE. Madankollu, bl-enfasi li tqiegħed fuq is-sigurtà, bl-ambizzjoni tagħha għall-awtonomija strateġika u bil-pragmatiżmu tagħha mirfud mill-prinċipji, l-istrateġija ġabet magħha bidla sinifikanti fl-approċċ.
L-aspetti tas-sigurtà u tad-difiża tal-istrateġija globali ġew ikkomplementati b’mod sostanzjali mill-Boxxla Strateġika tal-UE tal-2022 u mill-White Paper għad-Difiża Ewropea – Prontezza 2030 tal-2025.
Fl-2025, l-UE impenjat ruħha mill-ġdid ukoll favur il-ħarsien tal-multilateraliżmu effettiv u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, b’mod partikolari billi taħdem permezz tan-NU u magħhom.
Fil-bidu tal-2026, wara diversi sfidi ġeopolitiċi għall-politiki estera, ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-UE, l-UE varat reviżjoni estensiva ta’ dan il-qafas, bil-għan li tadotta strateġija Ewropea ġdida fil-qasam tas-sigurtà.
D. L-iżviluppi u l-isfidi fundamentali ta’ dan l-aħħar
L-UE għaddiet minn bidla fil-paradigma f’dawn l-aħħar snin, li laqtet il-politiki estera, ta’ sigurtà u ta’ difiża tagħha. Dan minħabba l-isfidi strateġiċi għas-sigurtà Ewropea, għall-istabbilità u għan-normi globali, li nħolqu prinċipalment mill-invażjoni Russa fuq skala sħiħa tal-2022 tal-Ukrajna, li issa daħlet fil-ħames sena tagħha, u miż-żieda fil-kompetizzjoni ġeopolitika, minn relazzjonijiet trans-Atlantiċi deterjorati, mill-piż ekonomiku li qed jikber taċ-Ċina, mill-erożjoni tal-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli u mill-bosta kriżijiet u kunflitti fid-dinja kollha, b’mod partikolari fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika sub-Saħarjana.
Ir-rapport annwali tal-2025 tar-Rappreżentant Għoli ddeskriva l-kwistjonijiet kruċjali ta’ dan l-aħħar fil-qasam tal-politika estera, u spikkaw b’mod prominenti l-azzjonijiet u l-ġrajjiet li ġejjin.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
A. Is-setgħat u l-istrumenti tal-Parlament fil-qasam tal-politika estera
L-Artikolu 36 tat-TUE jeħtieġ li r-Rappreżentant Għoli jikkonsulta regolarment mal-Parlament dwar l-aspetti prinċipali tal-PESK u l-għażliet magħmula fl-ambitu tagħha, u jinforma lill-Parlament bi kwalunkwe żvilupp fil-politika.
Abbażi tal-Artikolu 36 tat-TUE, darbtejn fis-sena l-Parlament jiddiskuti r-rapporti dwar il-progress fil-qasam tal-PESK u jagħmel mistoqsijiet u rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli.
Id-dritt tal-Parlament li jkun informat u kkonsultat dwar il-PESK u l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) kompla jissaħħaħ permezz tad-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli dwar ir-responsabbiltà politika tal-2010, li ġiet annessa mar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-ħolqien tas-SEAE.
Kaja Kallas, li fil-perjodu 2024-2029 qed taqdi l-funzjoni ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, ikkonfermat li d-dikjarazzjoni tal-2010 tibqa’ valida. Bħala Kummissarju nnominat, Kaja Kallas ħadet diversi impenji politiċi oħra matul is-seduta ta’ smigħ ta’ konferma tagħha fl-2024.
Barra minn hekk, il-Parlament, bħala waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja tal-UE, jeħtieġlu japprova l-baġit annwali tal-PESK, ħlief għan-nefqa militari fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi li taqa’ barra mill-baġit. Ftehim interistituzzjonali (FII) dwar id-dixxiplina baġitarja, li ġie rivedut l-aħħar f’Diċembru 2020, jistabbilixxi l-qafas għall-approvazzjoni annwali u l-istruttura bażika tal-baġit tal-PESK, u l-mekkaniżmi ta’ rapportar. F’Lulju 2025, il-Kummissjoni għamlet proposta għal reviżjoni tal-FII, bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2028-2034, li taġġusta l-FII tal-2020 bi qbil mar-Regolament Finanzjarju tal-UE.
Il-Parlament jiddiskuti regolarment mar-Rappreżentant Għoli u mar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE maħtura għal ċerti reġjuni jew biex jindirizzaw ċerti kwistjonijiet. Il-Parlament regolarment jeżamina bir-reqqa l-operazzjonijiet tas-SEAE u jagħtih suġġerimenti dwar kwistjonijiet ta’ natura strutturali, li jvarjaw mill-bilanċ ġeografiku u l-bilanċ fir-rigward tal-ġeneri tiegħu għall-interazzjoni tiegħu mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u mas-servizzi diplomatiċi tal-pajjiżi tal-UE.
Il-Parlament jiżvolġi wkoll rwol fil-monitoraġġ tan-negozjati u fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali. L-approvazzjoni tal-Parlament hija meħtieġa qabel ma l-Kunsill ikun jista’ jikkonkludi ftehimiet bħal dawn (għal aktar dettalji ara 5.2.1 u 5.2.3).
Il-Parlament jikkoopera wkoll mill-qrib u regolarment mal-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE.
B. L-involviment tal-Parlament fil-PESK
Il-biċċa l-kbira tal-ħidma tal-Parlament fuq il-PESK issir fil-kumitati speċjalizzati, partikolarment fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, u fis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem, u fil-Kumitat għas-Sigurtà u d-Difiża. Dawn il-kumitati jsawru l-PESK billi:
Abbażi tat-Trattati, l-iskrutinju relatat mal-PESK sar ukoll flimkien mal-parlamenti nazzjonali tal-UE fil-Konferenzi Interparlamentari għall-PESK-PSDK darbtejn fis-sena mill-2012. Il-ħidma relatata mal-PESK saret ukoll mid-delegazzjonijiet interparlamentari tal-Parlament fil-laqgħat tagħhom, inklużi dawk mas-sħab li ġejjin mill-pajjiżi mhux tal-UE.
C. L-impatt tal-Parlament fuq il-PESK
Il-Parlament jikkontribwixxi regolarment għall-iżvilupp tal-PESK. Minkejja li għandu rwol formali limitat fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-politika estera, il-Parlament jiġi kkonsultat dwar il-PESK, jeżerċita skrutinju fuqha u jipprovdi kontribut politiku strateġiku. B’dan il-mod, jgħin biex jiżdiedu r-responsabbiltà demokratika u l-leġittimità tal-politika.
Il-Parlament appoġġja l-kunċett tal-PESK mill-bidu tagħha u fittex li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Il-Parlament ta appoġġ qawwi lix-xenarju istituzzjonali li nħoloq wara t-Trattat ta’ Liżbona, u sostna rwol akbar għar-Rappreżentant Għoli, għas-SEAE, għad-delegazzjonijiet tal-UE u għar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE, kif ukoll PESK aktar koerenti u effettiva li tinkludi l-użu ta’ sanzjonijiet. Sostna wkoll l-espansjoni tal-użu tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata minflok l-unanimità, meta possibbli u neċessarju. Insista favur aktar koerenza fost l-istrumenti politiċi u ta’ finanzjament tal-UE għall-politiki esterni, bil-għan li jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-ineffiċjenza. Is-setgħat baġitarji tal-Parlament jistgħu wkoll jiffurmaw l-iskala u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-PESK.
D. Ir-riżoluzzjonijiet reċenti tal-Parlament
Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, adottata fil-21 ta’ Jannar 2026, il-Parlament enfasizza li, biex jibqa’ influwenti fix-xena internazzjonali f’ambjent internazzjonali dejjem aktar instabbli, l-UE jeħtieġ li ssegwi politika barranija determinata, dixxiplinata u soda li taqdi l-objettivi strateġiċi tagħha u tkompli tiddefendi l-interessi tagħha fuq livell dinji. Saħaq ukoll li l-azzjoni esterna tal-UE għandha tkun iggwidata mill-valuri u l-prinċipji. Fir-riżoluzzjoni, il-Parlament stieden lir-Rappreżentant Għoli:
L-aktar riżoluzzjonijiet reċenti tal-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-PSDK (għal aktar dettalji ara 5.1.2), u dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja (għal aktar dettalji ara 5.4.1), u dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE, jistabbilixxu pożizzjonijiet ulterjuri f’dawn l-oqsma.
Fir-rakkomandazzjoni tal-2023 dwar il-funzjonament tas-SEAE u favur UE aktar b’saħħitha fid-dinja, il-Parlament talab li jkun hemm koordinazzjoni strateġika tal-politika estera tal-UE u li d-dimensjoni esterna tal-politiki interni tal-UE tissaħħaħ biex jiġu żgurati l-koerenza, is-sinerġija, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-azzjoni esterna tal-UE. Il-Parlament qal li huwa wkoll favur reviżjonijiet sinifikanti kemm tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-2010 li tistabbilixxi s-SEAE kif ukoll tad-dikjarazzjoni tal-2010 tar-Rappreżentant Għoli dwar ir-responsabbiltà politika. Il-Parlament irrakkomanda diversi drabi l-użu tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għal ċerti oqsma tal-politika estera, bħar-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, ħlief biex jinħolqu missjonijiet jew operazzjonijiet militari b’mandat eżekuttiv. Il-Parlament sostna wkoll l-użu tal-astensjoni kostruttiva bi qbil mal-Artikolu 31(1) tat-TUE.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-eżitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, adottata fl-4 ta’ Mejju 2022, il-Parlament laqa’ u approva r-rapport finali dwar l-attivitajiet fil-konferenza u l-proposti mressqa. Ir-rapport ippropona li titjieb il-kapaċità tal-UE li tieħu deċiżjonijiet effettivi malajr, b’mod partikolari fil-qasam tal-PESK, titkellem b’vuċi waħda u taġixxi bħala attur tassew globali.
Barra minn hekk, il-Parlament talab li tingħata effettivament l-assistenza barranija taħt it-tikketta “Tim Ewropa”, magħmul mill-istituzzjonijiet tal-UE, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-pajjiżi tal-UE u l-organi ta’ finanzjament tal-politika estera tagħhom.
Minbarra dan, il-Parlament enfasizza r-rwol tal-istrateġija Global Gateway bħala kunċett ġeopolitiku strateġiku li jintegra l-politika estera, ekonomika u tal-iżvilupp, u li jżid il-preżenza u l-viżibbiltà tal-UE fid-dinja. F’riżoluzzjoni tal-2026 dwar l-impatti tal-passat u orjentazzjoni futura tal-Global Gateway, il-Parlament tenna l-appoġġ tiegħu favur l-istrateġija. Madankollu, tenna wkoll l-appell preċedenti tiegħu biex l-istrateġija tiġi segwita bħala alternattiva sostenibbli għall-Inizjattiva “Belt and Road” taċ-Ċina.
L-istrateġija Global Gateway tiddependi parzjalment mill-flus tal-istrument Ewropa Globali tal-UE, b’valur ta’ madwar EUR 80 biljun fil-perjodu 2021-2027. Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-istrument Ewropa Globali, il-Parlament laqa’ l-konsolidazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-azzjoni esterna tal-UE fi strument uniku. Madankollu, minkejja li dan għamel l-azzjoni esterna aktar sempliċi u aktar flessibbli u effiċjenti, il-Parlament esprima d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li l-proċess ma kienx akkumpanjat minn biżżejjed responsabbiltà u trasparenza (għal aktar dettalji ara 5.3.1).
Abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill adottaw leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-qafas għall-finanzjament tal-kooperazzjoni u l-għajnuna internazzjonali, u b’appoġġ għall-prijoritajiet tal-politika estera tal-UE, f’komplementarjetà u f’koerenza mal-PESK. Fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għall-perjodu 2028-2034, bħalissa l-Parlament huwa involut fil-kodeċiżjoni mal-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi l-Ewropa Globali. L-Ewropa Globali tkun strument li jgħaqqad varji għodda ta’ finanzjament, bħall-istrument Ewropa Globali attwali, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni u l-faċilitajiet ta’ finanzjament għall-Ukrajna, għall-Moldova u għall-Balkani tal-Punent.
Il-Parlament jikkontribwixxi regolarment għal suġġetti ġeopolitiċi ta’ importanza kruċjali għall-politika estera tal-UE, u dan huwa l-aktar prominenti fir-rigward tar-risposta tal-UE għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Filwaqt li appoġġja l-politika attwali tal-UE, il-Parlament ħeġġeġ lill-UE tagħti risposta aktar b’saħħitha, aktar ikkoordinata u b’aktar ħeffa għall-invażjoni Russa u għat-theddid ibridu kontra l-UE. Il-Parlament talab implimentazzjoni aktar stretta u infurzar aktar b’saħħtu tas-sanzjonijiet eżistenti, u aktar appoġġ militari u ta’ tip ieħor, u appella kemm biex dawk responsabbli jagħtu kont tad-delitti tal-gwerra kif ukoll biex it-tfal Ukreni li ġew deportati jmorru lura lejn pajjiżhom (għal aktar dettalji ara 5.5.6 u 5.6.3).
Kwistjonijiet ewlenin oħra huma koperti mill-iskedi informattivi dwar ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi (ara 5.6.1), l-allinjament tal-pajjiżi kandidati mal-PESK (ara 5.5.1) u s-sħubijiet strateġiċi madwar id-dinja, kif ukoll il-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun usa’ tal-Lvant Nofsani (ara 5.5.8).
Din l-iskeda informattiva titħejja mill-Unità tal-Analiżi u l-Appoġġ tal-Politiki Esterni tal-Parlament Ewropew. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.
Michal Malovec