Id-dħul tal-Unjoni
Din l-iskeda informattiva tispjega kif jiġi ffinanzjat il-baġit tal-UE. Id-dħul annwali, fil-biċċa l-kbira derivat mir-riżorsi proprji u ssupplimentat minn dħul ieħor, irid ikopri kompletament in-nefqa annwali, peress li defiċit baġitarju mhuwiex permess. Is-sistema tar-riżorsi proprji hija deċiża fil-Kunsill b’unanimità, wara li titqies l-opinjoni tal-Parlament, u teħtieġ ir-ratifika ta’ kull Stat Membru. Riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji ġiet proposta mill-Kummissjoni fl-2025.
Il-bażi legali
- L-Artikoli 311 u 322(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 106a u 171 tat-Trattat li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika;
- Id-deċiżjoni dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053);
- Ir-Regolament li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolament (UE, Euratom) 2021/768);
- Ir-Regolament dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014), emendat aktar tard bir-Regolament dwar it-titjib tal-prevedibbiltà għall-Istati Membri u dwar il-kjarifika tal-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim meta jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u l-ING (ir-Regolament (UE, Euratom) 2022/615);
- Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ir-Regolament (UE, Euratom) 2021/769);
- Ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat, dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex titqiegħed għad-dispożizzjoni dik ir-riżorsa proprja, fuq il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti, u fuq ċerti aspetti tar-riżorsa proprja bbażata fuq id dħul nazzjonali gross (ir-Regolament (UE, Euratom) 2021/770).
L-objettiv
Biex l-UE jkollha awtonomija finanzjarja fil-limiti tad-dixxiplina baġitarja.
L-operat
Id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji tal-21 ta’ April 1970 ipprovdiet lill-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) ir-riżorsi proprji tagħha stess. F’konformità mad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020, il-livell tar-riżorsi proprji li jistgħu jiġu mobilizzati kull sena bħalissa huwa limitat għal massimu ta’ 1.4% tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-UE. Peress li l-infiq globali ma jistax jeċċedi d-dħul totali, in-nefqa hija ristretta wkoll b’dan il-limitu massimu taħt il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) attwali 2021-2027 (ara 1.4.3).
Il-kompożizzjoni tad-dħul
A. Ir-riżorsi proprji
Ir-Riżorsi proprji “tradizzjonali” (ToR) jikkonsistu l-aktar f’dazji doganali fuq l-importazzjonijiet, u ilhom jinġabru mill-1970. Il-perċentwal li jista’ jinżamm mill-Istati Membri biex ikopri l-kostijiet tal-ġbir huwa 25%. Ir-riżorsi proprji “tradizzjonali” normalment jirrappreżentaw madwar 10-15% tad-dħul tar-riżorsi proprji[1].
Ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT tikkonsisti fi trasferiment ta’ perċentwal tal-istima tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) miġbura mill-Istati Membri lejn l-Unjoni. Għalkemm prevista fid-Deċiżjoni tal-1970, din ir-riżorsa ġiet applikata biss meta s-sistemi tal-VAT tal-Istati Membri ġew armonizzati fl-1979. Ir-riżorsa tal-VAT issa tirrappreżenta wkoll madwar 10% tad-dħul tar-riżorsi proprji.
Ir-riżorsa proprja tal-“plastik” ġiet introdotta fl-1 ta’ Jannar 2021 permezz tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji tal-2020. Hija kontribuzzjoni nazzjonali (trasferiment dirett mill-baġits tal-Istati Membri) abbażi tal-kwantità ta’ skart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat, b’rata ta’ ġbir ta’ EUR 0.80 għal kull kilogramma. Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri b’introjtu nazzjonali gross per capita taħt il-medja tal-UE jitnaqqsu b’somma f’daqqa annwali li tikkorrispondi għal 3.8 kilogrammi ta’ skart tal-plastik per capita. Id-dħul minn din ir-riżorsa jipprovdi madwar 3-4% tad-dħul mir-riżorsi proprji.
Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING tikkonsisti f’imposta ta’ perċentwal uniformi fuq l-ING tal-Istati Membri stipulat fil-proċedura baġitarja ta’ kull sena, u kienet inħolqot permezz tad-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (id-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom tal-24 ta’ Ġunju 1988). Oriġinarjament kellha tinġabar biss jekk ir-riżorsi proprji l-oħra ma jkunux koprew in-nefqa kollha, iżda issa tiffinanzja l-parti l-kbira tal-baġit tal-UE. Ir-riżorsa bbażata fuq l-ING ittriplikat mill-aħħar tas-snin disgħin, u issa tirrappreżenta madwar 60-70% tad-dħul tar-riżorsi proprji.
B. Dħul ieħor u l-bilanċ riportat mis-sena preċedenti
Dħul ieħor jinkludi t-taxxi mħallsa mill-persunal tal-UE fuq is-salarji tagħhom, il-kontribuzzjonijiet minn pajjiżi li mhumiex fl-UE għal programmi tal-UE, il-pagamenti ta’ imgħax u l-multi mħallsa minn kumpaniji li jiksru l-liġijiet tal-UE. F’każ ta’ surplus, il-bilanċ minn kull sena finanzjarja jiddaħħal fil-baġit għas-sena ta’ wara bħala dħul. Dħul ieħor, bilanċi u aġġustamenti tekniċi oħra ġeneralment jammontaw għal madwar 2-8% tad-dħul totali.
Is-self huwa wkoll inkluż taħt “dħul ieħor”, u bħalissa jammonta għal 25-30% tal-baġit. Il-baġit tal-UE ma jistax ikun f’sitwazzjoni ta’ defiċit, u l-finanzjament tan-nefqa tiegħu permezz tas-self mhuwiex permess. Madankollu, sabiex jiġu ffinanzjati l-għotjiet u s-self ipprovduti mill-istrument ta’ rkupru Next Generation EU (NGEU), il-Kummissjoni ġiet awtorizzata, fuq bażi eċċezzjonali u temporanja, tissellef sa EUR 750 biljun (fi prezzijiet tal-2018) mis-swieq kapitali. Is-self nett ġdid għandu jiġi fi tmiemu lejn l-aħħar tal-2026, u wara dan ikunu permessi biss operazzjonijiet ta’ rifinanzjament.
C. Mekkaniżmi ta’ korrezzjoni
Is-sistema tar-riżorsi proprji ntużat ukoll biex tikkoreġi l-iżbilanċi baġitarji bejn il-kontribuzzjonijiet netti tal-Istati Membri. Għalkemm ir-“rifużjoni tar-Renju Unit” introdotta fl-1984 ma għadhiex tapplika, korrezzjonijiet b’somma f’daqqa jkomplu jnaqqsu l-kontribuzzjonijiet magħmula mid-Danimarka, mill-Ġermanja, min-Netherlands, mill-Awstrija u mill-Iżvezja matul il-perjodu 2021-2027.
Lejn ir-riforma tar-riżorsi proprji tal-UE
It-Trattat ta’ Liżbona afferma li l-baġit għandu jkun iffinanzjat kollu kemm hu minn riżorsi proprji, u żamm is-setgħa tal-Kunsill li, wara konsultazzjoni mal-Parlament, jadotta unanimament deċiżjoni dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni[2], sabiex jiġu stabbiliti kategoriji ġodda ta’ riżorsi proprji u jitneħħew dawk eżistenti. Stabbilixxa wkoll li l-Kunsill jista’ jadotta biss il-miżuri ta’ implimentazzjoni għal dawn id-deċiżjonijiet bl-approvazzjoni tal-Parlament, u b’hekk saħħaħ il-pożizzjoni tal-Parlament fil-proċess.
Abbażi tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta’ Liżbona, il-Parlament talab ripetutament biex issir riforma approfondita tas-sistema tar-riżorsi proprji f’għadd ta’ pożizzjonijiet u riżoluzzjonijiet f’dawn l-aħħar snin[3]. Bil-ħsieb li jinkiseb baġit tal-UE aktar stabbli li jkun imfassal biex jappoġġja l-objettivi tal-politika tal-UE, il-Parlament esprima l-ħtieġa ta’ basket ambizzjuż u bbilanċjat ta’ riżorsi proprji ġodda tal-UE li jkun ġust, sempliċi, trasparenti u fiskalment newtrali għaċ-ċittadini. Il-Parlament insista wkoll fuq riformi biex il-ġbir tad-dħul jiġi simplifikat aktar, ikun aktar trasparenti u aktar demokratiku, biex jitnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-ING u biex jiġu eliminati gradwalment il-forom kollha ta’ rifużjoni.
F’Jannar 2017, il-grupp ta’ livell għoli “Monti” ppreżenta r-rapport finali tiegħu dwar l-iffinanzjar futur tal-UE b’rakkomandazzjonijiet dwar modi aktar trasparenti, sempliċi, ġusti u demokratikament responsabbli biex jiġi ffinanzjat il-baġit tal-UE. Huwa kkonkluda li l-baġit tal-UE kien jeħtieġ riforma, kemm mill-aspett tad-dħul kif ukoll minn dak tan-nefqa, sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-isfidi attwali u sabiex jinkisbu riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini tal-UE.
Abbażi ta’ dan ir-rapport u d-dokument ta’ riflessjoni sussegwenti dwar il-futur tal-finanzi tal-UE, fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni għamlet proposta għall-modernizzazzjoni tal-baġit biex tintroduċi basket ta’ riżorsi proprji ġodda[4], li ma ġietx adottata.
Tentattivi reċenti għar-riforma tad-dħul tal-UE
Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta’ Lulju 2020, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern qablu dwar il-QFP 2021-27, l-istrument Next Generation EU (NGEU), billi jżidu l-limitu massimu għall-pagamenti u r-riżorsa proprja ġdida bbażata fuq skart tal-plastik mhux riċiklat li kellha tiġi applikata minn Jannar 2021.
L-NGEU kien ibbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-Riżorsi Proprji tat-28 ta’ Mejju 2020, li tissellef sa EUR 750 biljun billi toħroġ bonds fis-swieq internazzjonali f’isem l-UE b’perjodi ta’ maturità ta’ bejn 3 snin u 30 sena, sabiex tiġġieled kontra l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19. Sabiex issostni l-obbligazzjonijiet imġarrba mill-UE biex eventwalment tħallas lura l-finanzjament tas-suq li jinġabar, il-Kummissjoni pproponiet li, eċċezzjonalment u temporanjament, tgħolli l-limitu massimu tar-riżorsi proprji b’0.6% tal-ING tal-UE aktar miż-żieda permanenti proposta minn 1.2% għal 1.4% tal-ING b’kunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku l-ġdid.
B’risposta għal dan, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 Lulju 2020, il-Parlament saħaq li l-ħolqien ta’ riżorsi proprji ġodda addizzjonali biss jista’ jgħin biex jitħallas lura d-dejn tal-UE li rriżulta mis-self relatat mal-NGEU, filwaqt li jiġi salvat il-baġit tal-UE u tittaffa l-pressjoni fiskali fuq it-teżori nazzjonali u ċ-ċittadini tal-UE. Il-pożizzjoni tal-Parlament tas-16 ta’ Settembru 2020 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji, adottata skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni tenniet is-sejħiet għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda abbażi ta’ pjan direzzjonali.
Fl-10 ta’ Novembru 2020, in-negozjaturi tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni laħqu ftehim politiku fuq il-QFP, ir-riżorsi proprji u ċerti aspetti li jikkonċernaw il-governanza tal-istrument ta’ rkupru. Bħala riżultat, anness ġdid għall-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba stabbilixxa pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda matul il-perjodu 2021-2027 biex jiġi kopert il-ħlas lura tad-dejn tal-NGEU.
Id-Deċiżjoni l-ġdida dwar ir-Riżorsi Proprji ġiet adottata fl-14 ta’ Diċembru 2020 u mbagħad ġiet ratifikata mill-Istati Membri kollha sal-31 ta’ Mejju 2021, u ilha tapplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021.
Sussegwentement, żewġ proposti tal-Kummissjoni ġew ippubblikati fit-22 ta’ Diċembru 2021 u fl-20 ta’ Ġunju 2023[5]. Dawn kienu jinkludu riżorsi proprji bbażati fuq il-kwoti tad-dħul mis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) irkantati, l-introjtu ġġenerat mill-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM), u riżorsa proprja statistika temporanja fuq il-profitti tal-kumpaniji (li għandha tiġi sostitwita b’riżorsa proprja ġenwina bbażata fuq it-tassazzjoni korporattiva).
Fin-nuqqas ta’ approvazzjoni tal-basket min-naħa tal-Kunsill, fis-16 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat proposta ġdida dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE. Dan jinkludi r-riżorsi proprji ġodda proposti preċedentement ta’ 75% tal-introjtu tas-CBAM u 30% tad-dħul tal-ETS1 (filwaqt li jiġi eskluż l-ETS2). Hija tistabbilixxi riżorsi proprji ġodda bbażati fuq skart elettroniku mhux miġbur (EUR 2 għal kull kg), dazji tas-sisa fuq it-tabakk u prodotti relatati (15% fuq id-dazju tas-sisa minimu), u kontribuzzjoni annwali ta’ somma f’daqqa ta’ kumpaniji kbar li joperaw fl-UE (sa 0.1% tal-fatturat nett tagħhom). Il-proposta tinkludi wkoll aġġustamenti għar-riżorsi proprji eżistenti, bħat-tnaqqis tal-kostijiet tal-ġbir għar-riżorsi proprji tradizzjonali (minn 25% għal 10%), u emendi għar-riżorsa proprja tal-plastik (żieda fir-rata għal EUR 1 għal kull kg b’aġġustament ulterjuri għall-inflazzjoni). Tiċċara wkoll li t-tariffi mill-kummerċ elettroniku jappartjenu għat-ToR, u tabolixxi l-eżenzjonijiet għal pakketti ta’ valur baxx. Fl-aħħar nett, tissuġġerixxi li ma jitkomplewx l-aġġustamenti kollha, inklużi r-rifużjonijiet tal-introjtu nazzjonali gross ta’ somma f’daqqa, limitu massimu tal-bażi tal-VAT, u tnaqqis għar-riżorsa proprja tal-plastik.
Il-pakkett propost huwa mistenni li jiġġenera 40% tal-baġit annwali attwali: madwar 6% jiġu mill-ETS, 1% mis-CBAM, 10% mill-iskart elettroniku, 7.5% mit-tabakk, 4.5% mir-riżorsa proprja korporattiva u 10% oħra minn aġġustamenti għar-riżorsi proprji eżistenti.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni dwar il-basket tal-2021 ta’ riżorsi proprji ġodda, il-Parlament approva b’mod ġenerali l-proposta biex is-sistema tar-riżorsi proprji tiġi emendata, b’xi emendi. Il-Parlament adotta wkoll riżoluzzjoni fl-10 ta’ Mejju 2023 intitolata “bidu ġdid għall-finanzi tal-UE, bidu ġdid għall-Ewropa”, li tħeġġeġ lill-Kunsill jadotta l-basket u li tissuġġerixxi riżorsi proprji ġodda addizzjonali. Aktar tard, fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Novembru 2023 dwar l-emendi proposti għas-sistema tar-riżorsi proprji, il-Parlament approva l-proposta għat-tieni pakkett b’xi emendi.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2025 dwar baġit imġedded fit-tul, il-Parlament għal darb’oħra stieden “lill-Kunsill jadotta riżorsi proprji ġodda bħala kwistjoni ta’ urġenza” u saħaq li riżorsi proprji ġenwini ġodda, lil hinn mill-FII, huma essenzjanli.
Il-Parlament bħalissa qed jikkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2025. Fir-rapport interim tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-QFP tas-16 ta’ Lulju 2025, adottat fil-21 ta’ April 2026, il-Parlament esprima l-appoġġ ġenerali tiegħu għall-approċċ tal-Kummissjoni dwar riżorsi proprji ġodda u self konġunt, filwaqt li ssuġġerixxa wkoll riżorsi proprji ġodda addizzjonali għall-kunsiderazzjoni: imposta diġitali, imposta fuq is-servizzi tal-logħob tal-azzard u tal-imħatri online, l-estensjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri u imposta bbażata fuq qligħ kapitali mill-kriptoassi.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mill-Unità tal-Appoġġ Baġitarju tal-Parlament Ewropew. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Baġits.
Andras Schwarcz