Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa: Ħarsa ġenerali lejn il-proposti finali
Kif għandha tidher l-UE fl-2050? Kif taraha ħajtek fl-2050? Dawn huma biss ftit mill-mistoqsijiet li ċ-ċittadini Ewropej li qed jieħdu sehem fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ntalbu jwieġbu waqt is-sessjoni inawgurali tal-panels taċ-ċittadini Ewropej fi Strażburgu f'Settembru 2021. It-tiswir ta' viżjoni tal-futur tal-Ewropa kien il-kompitu tal-parteċipanti kollha fil-Konferenza, kemm jekk kienu atturi istituzzjonali, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, sħab soċjali jew ċittadini magħżula b'mod każwali msejħa biex jipparteċipaw fi proċess demokratiku Ewropew. Il-Konferenza, wara li damet biex tibda u minkejja li ġiet organizzata f'nofs pandemija dinjija, setgħet tilħaq l-għan tagħha, billi tipprovdi proposti konkreti, fattibbli, kultant viżjonarji, li juru d-direzzjoni li fiha l-UE għandha tiżviluppa fil-futur. Id-49 proposta, artikolati f'madwar 326 miżura speċifika, joffru stampa ta' dak li ċ-ċittadini u l-atturi istituzzjonali jqisu bħala azzjonijiet adatti biex l-Ewropa tieħu sabiex tilqa' l-isfidi tal-lum u ta' għada. Wara perjodu ta' riflessjoni, dawn il-miżuri jridu jiġu implimentati jekk il-Konferenza trid issir proċess kredibbli u mhux biss wirja ta' xewqat u retorika astratta. It-tliet istituzzjonijiet tal-UE – il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – esprimew il-fehmiet tagħhom dwar is-segwitu possibbli u appellaw għal riformi profondi. Il-fażi attwali, wara l-konklużjoni tal-Konferenza, hija għalhekk mument politiku delikat. Issa jeħtieġ li jiġi deċiż liema riformi se jitwettqu fl-ambitu tal-qafas leġiżlattiv attwali u liema se jeħtieġu "fażi kostitwenti", jiġifieri Konvenzjoni biex jiġu riveduti t-Trattati tal-UE kif previst fl-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Irrispettivament minn dan, il-Konferenza ċertament xeħtet dawl fuq il-kwistjonijiet ewlenin u l-ideat taċ-ċittadini, fatt li diffiċilment jista' jiġi injorat mill-istituzzjonijiet tal-UE.
Briefing
Anness 1