Din l-iskeda informattiva tispjega r-rwol ta’ appoġġ tal-UE fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ. L-iskeda informattiva tintroduċi l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019–2027 u t-tliet pilastri tagħha – L-Involviment, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa – segwiti permezz ta’ programmi ewlenin bħall-Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Tiddeskrivi wkoll ir-rwol tal-Parlament Ewropew fit-tfassil tal-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, is-sikurezza online għall-minorenni u l-mekkaniżmi li jagħtu vuċi diretta liż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika tal-UE.

Il-bażi legali

L-Artikoli 6, 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huma l-bażi legali tal-azzjoni tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ.

  • L-Artikolu 6 tat-TFUE jistipula li “L-Unjoni għandha kompetenza li tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri. Fil-livell Ewropew, l-oqsma ta’ dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu: ... l-edukazzjoni, il-formazzjoni vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport”.
  • L-Artikolu 165 tat-TFUE jipprevedi azzjoni tal-UE sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ skambji fost iż-żgħażagħ u skambji bejn il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, u sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa.
  • L-Artikolu 166 tat-TFUE jippermetti lill-UE timplimenta politika ta’ formazzjoni vokazzjonali biex tappoġġja u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri.
  • Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprevedi l-protezzjoni taż-żgħażagħ.

    • L-Artikolu 24 tal-Karta jirrikonoxxi d-drittijiet tat-tfal, inkluż id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura, kif ukoll id-dritt li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament fi kwistjonijiet li jaffettwawhom.
    • L-Artikolu 32 jistabbilixxi l-projbizzjoni tal-impjieg tat-tfal u l-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol.
    • L-objettivi

      Iż-żgħażagħ jikkostitwixxu qasam tal-politika nazzjonali. Għalhekk, l-azzjoni tal-UE għandha l-għan li tappoġġja u tikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri. L-istrateġija attwali tal-UE għaż-Żgħażagħ tistabbilixxi lista ta’ objettivi li għandhom jintlaħqu matul il-perjodu 2019–2027 biex:

      • jippermettu liż-żgħażagħ ifasslu ħajjithom stess, jingħataw l-appoġġ għall-iżvilupp personali tagħhom u jibnu r-reżiljenza tagħhom. L-UE tikkontribwixxi għal dan l-objettiv permezz tal-programmi ewlenin tagħha, li għandhom l-għan li jipprovdu liż-żgħażagħ b’aċċess għall-mobbiltà għal opportunitajiet ta’ volontarjat u ta’ apprendiment li jrawmu l-awtonomija u jistabbilixxu l-pedamenti għall-apprendiment tul il-ħajja.
      • iħeġġu u jgħammru liż-żgħażagħ bir-riżorsi meħtieġa biex isiru ċittadini attivi. L-UE tippromwovi l-involviment ċiviku u l-parteċipazzjoni demokratika fost iż-żgħażagħ, b’mod partikolari permezz ta’ mekkaniżmi li jippromwovu d-djalogu, l-apprendiment mhux formali u inizjattivi mmexxija miż-żgħażagħ fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew. L-UE ħadet passi biex tilħaq dan l-objettiv, pereżempju, billi appoġġjat l-iżvilupp tal-11-il Għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ permezz tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ.
      • itejbu l-politiki li għandhom impatt fuq iż-żgħażagħ, b’mod partikolari f’termini ta’ impjiegi, edukazzjoni, saħħa u inklużjoni soċjali. L-UE tagħmel dan billi tippromwovi approċċ transsettorjali u tintegra l-kwistjonijiet taż-żgħażagħ fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha.
      • jgħinu biex jinqered il-faqar fost iż-żgħażagħ u l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni u jippromwovu l-inklużjoni soċjali. Permezz tal-programmi ta’ finanzjament tagħha, l-UE tappoġġja lill-Istati Membri fl-adozzjoni ta’ approċċ komprensiv li għandu jinkludi, pereżempju, appoġġ għall-impjiegi, l-edukazzjoni inklużiva, u azzjonijiet immirati għaż-żgħażagħ b’anqas opportunitajiet, sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fis-soċjetà.
      • Il-kisbiet

        A. Il-Qafas Strateġiku

        L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 hija bbażata fuq riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-2018 bl-istess isem. L-istrateġija tiffoka fuq it-tliet oqsma ewlenin li ġejjin:

        • l-involviment: billi titrawwem il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja ċivika u demokratika, primarjament permezz tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, li jippermetti skambji strutturati bejn iż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha;
        • il-konnessjoni: billi ż-żgħażagħ jingħaqdu madwar l-UE u lil hinn minnha permezz tal-volontarjat, il-mobbiltà tal-apprendiment, u esperjenzi li jippromwovu s-solidarjetà u l-fehim interkulturali, prinċipalment permezz tal-parteċipazzjoni fil-programmi ewlenin Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà;
        • l-għoti tas-setgħa: billi jiġi appoġġjat l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ permezz tal-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ kif stabbilit fl-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ.
        • F’Ġunju 2021, bħala parti minn din l-istrateġija, il-Kummissjoni ħatret l-ewwel Koordinatur taż-Żgħażagħ tal-UE li r-rwol tiegħu huwa dak li jsaħħaħ il-kooperazzjoni transsettorjali fi ħdan il-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ tal-President, imniedi mill-Kummissjoni f’Lulju 2025, jagħti liż-żgħażagħ rwol dirett fl-għoti ta’ pariri dwar inizjattivi ewlenin tal-UE, inklużi l-azzjoni klimatika, it-trasformazzjoni diġitali u l-inklużjoni soċjali.

          B. Il-finanzjament tal-UE għall-programmi taż-żgħażagħ

          1. Erasmus+

          Erasmus+ huwa l-programm ewlieni ta’ finanzjament tal-UE li jappoġġja l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, u joffri liż-żgħażagħ l-opportunità li jistudjaw, jitħarrġu u jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom. Għall-perjodu 2021-2027, 10.3% tal-baġit ta’ Erasmus+ – li jammonta għal aktar minn EUR 2.5 biljun – huwa allokat għal azzjonijiet relatati maż-żgħażagħ.

          L-inizjattiva DiscoverEU saret parti integrali mill-fergħa taż-żgħażagħ tal-Erasmus+ fl-2021. Din l-inizjattiva toffri liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena l-opportunità li jesploraw l-Ewropa għal massimu ta’ xahar, u b’hekk jiġi promoss l-apprendiment permezz tal-ivvjaġġar u l-iskambju interkulturali. Għall-2021-2027, l-inizjattiva hija appoġġjata minn baġit iddedikat ta’ EUR 700 miljun.

          2. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

          Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, li tnieda f’Ottubru 2018, huwa inizjattiva ddedikata għall-promozzjoni tas-solidarjetà, il-volontarjat u l-involviment ċiviku fost iż-żgħażagħ. Dan jagħti liż-żgħażagħ l-opportunità li jipparteċipaw fi proġetti bbażati fil-komunità madwar l-Ewropa, filwaqt li jindirizza l-isfidi soċjali bħall-inklużjoni, l-azzjoni klimatika u l-għajnuna umanitarja. Għall-perjodu 2021-2027, hemm disponibbli baġit ta’ EUR 1 biljun, u dan se jappoġġja kemm proġetti individwali ta’ volontarjat kif ukoll dawk ta’ solidarjetà mibdija minn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jew minn gruppi informali.

          C. Inizjattivi oħra tal-UE

          1. L-Iskema ta’ Garanzija msaħħa għaż-Żgħażagħ

          L-Iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, li nħolqot fl-2013, hija skema li tiżgura li ż-żgħażagħ jirċievu offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jsiru qegħda jew minn meta jitilqu mill-edukazzjoni formali. Fid-dawl tas-suċċess tagħha, din l-iskema ssaħħet fl-2020 abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bit-titolu “Pont għall-Impjiegi - It-Tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ”.

          2. Iż-żgħażagħ u l-media

          It-teknoloġiji online jistgħu jkunu mod tajjeb ħafna biex it-tfal u ż-żgħażagħ jibbenefikaw mill-apprendiment diġitali u jipparteċipaw fid-dibattitu pubbliku. Madankollu, it-tfal huma partikolarment vulnerabbli għall-ħsara potenzjali tat-teknoloġiji moderni. Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva tiżgura li l-minorenni jiġu protetti minn kontenut li jista’ jkun ta’ ħsara għall-iżvilupp tagħhom, kemm jekk offrut minn xandara tradizzjonali kif ukoll minn servizzi fuq talba (ara l-iskeda informattiva 4.3.2 dwar il-politika awdjoviżiva u tal-media).

          3. Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ

          Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ huwa sit web li jgħin liż-żgħażagħ minn madwar l-Ewropa kollha jiskopru l-ħafna opportunitajiet li toffri l-UE f’diversi oqsma ta’ interess bħall-volontarjat, ix-xogħol, l-apprendiment, il-kultura u l-kreattività.

          4. Il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ

          Kull sentejn, il-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament, torganizza l-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, li għandha l-għan li tiċċelebra attivitajiet taż-żgħażagħ fil-pajjiżi kollha li jipparteċipaw fil-programm Erasmus+ kif ukoll li tippreżenta l-opportunitajiet differenti ta’ mobbiltà disponibbli għaż-żgħażagħ fl-UE.

          5. Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022

          Fit-22 ta’ Diċembru 2021, il-Parlament u l-Kunsill adottaw id-Deċiżjoni (UE) 2021/2316 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022). L-objettiv ġenerali kien li tingħata spinta lill-isforzi tal-UE, tal-Istati Membri, u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, flimkien mal-atturi tas-soċjetà ċivili, biex jagħtu s-setgħa, jonoraw, jappoġġjaw u jinvolvu ruħhom maż-żgħażagħ, inklużi dawk b’anqas opportunitajiet. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2022 dwar il-wirt tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, il-Parlament insista li l-perspettivi taż-żgħażagħ għandhom jiġu integrati fl-oqsma kollha ta’ politika, u l-parteċipazzjoni tagħhom għandha tkompli tkun prijorità fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. F’Jannar 2024, il-Kummissjoni nediet il-“verifika taż-żgħażagħ”, għodda mfassla biex tiżgura b’mod sistematiku li l-effetti tal-politiki tal-UE fuq iż-żgħażagħ jiġu kkunsidrati bir-reqqa.

          6. Il-Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ

          Il-Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħhija inizjattiva maħluqa fl-2009 mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Kull sena, belt Ewropea tintgħażel biex tkun il-Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ u tingħata l-opportunità li tenfasizza inizjattivi innovattivi mnedija miż-żgħażagħ u għalihom.

          7. Il-Kompetizzjoni “Youth4Regions”

          Il-kompetizzjoni Youth4Regions hija maħsuba għal ġurnalisti żgħażagħ interessati fil-politika reġjonali tal-UE. Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni jistgħu jirċievu taħriġ dwar kwistjonijiet Ewropej u mentoraġġ minn ġurnalisti stabbiliti, kif ukoll ikollhom l-opportunità li jieħdu sehem fi vjaġġi għall-istampa fi Stati Membri organizzati mill-Kummissjoni.

          8. Il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ

          Fl-4 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà kkomunikaw Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ għall-2022-2027, u dan għandu l-għan li jinvolvi żgħażagħ madwar id-dinja fl-azzjoni esterna tal-UE. Fit-28 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet tiegħu dwar il-pjan biex jappoġġja l-involviment taż-żgħażagħ madwar id-dinja fit-tfassil tal-politika billi jagħti spinta lill-parteċipazzjoni u l-involviment tagħhom f’fora internazzjonali u jalloka r-riżorsi meħtieġa, b’enfasi fuq il-protezzjoni tal-attivisti żgħażagħ, l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ, is-saħħa u l-mobbiltà tagħhom.

          9. Il-politiki dwar il-ħarsien tat-tfal

          Fil-15 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni bit-titolu “Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal”, li tafferma mill-ġdid l-impenn tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u tal-Istati Membri għall-promozzjoni, il-ħarsien u t-twettiq tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, u biex dan l-impenn jissarraf f’azzjonijiet tanġibbli. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Parlament ħatar koordinatur dwar id-drittijiet tat-tfal biex jiżgura l-inklużjoni tagħhom fil-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE. Fost il-prijoritajiet hemm:

          • is-sikurezza tal-ġugarelli;
          • it-titjib tas-sikurezza tal-logħob vidjo;
          • internet aktar sikur għat-tfal u l-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal online;
          • drawwiet ta’ dieta tajba għas-saħħa fl-iskola;
          • il-Garanzija Ewropea għat-Tfal biex jiġi żgurat l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni;
          • il-qerda tat-tħaddim tat-tfal;
          • il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin;
          • is-saħħa mentali u emozzjonali tat-tfal.
          • Fl-2016, il-Parlament u l-Kunsill adottaw direttiva dwar il-garanziji proċedurali għat-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, bil-għan li jiġi żgurat li t-tfal ikunu jistgħu jifhmu u jsegwu l-proċedimenti legali, jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal proċess ġust u jibbenefikaw minn miżuri li jipprevjenu r-reċidività u jappoġġjaw l-integrazzjoni soċjali tagħhom.

            Id-drittijiet tat-tfal u l-prevenzjoni tal-vjolenza kontrihom u kontra gruppi vulnerabbli oħra huma wkoll appoġġjati fl-ambitu tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri għall-2021-2027.

            Fl-24 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni bit-titolu “Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal”, li tistabbilixxi l-ambizzjoni tal-UE li tiżgura l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-iżvilupp u l-benesseri tat-tfal, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha.

            L-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE dwar il-protezzjoni tat-tfal hija appoġġjata minn mekkaniżmi bħall-Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Pjattaforma tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal u n-Network tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal, kif ukoll għadd ta’ strumenti ta’ finanzjament użati biex jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tat-tfal.

            Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

            Il-Parlament jappoġġja inizjattivi li jħeġġu liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fi proġetti Ewropej. Flimkien mal-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta’ Aachen, il-Parlament nieda l-Premju Ewropew Karlu Manju għaż-Żgħażagħ fl-2008, li jingħata kull sena għal proġetti li jippromwovu l-fehim fil-livell Ewropew u internazzjonali. Il-Parlament imexxi wkoll il-programmi edukattivi Skola Ambaxxatriċi u Euroscola biex jgħin fit-titjib tal-għarfien dwar id-demokrazija u l-valuri tal-UE fost iż-żgħażagħ.

            Bil-għan li jistimola ċ-ċittadinanza attiva u jinvolvi liż-żgħażagħ fl-attivitajiet tiegħu, fl-2014, il-Parlament ħoloq l-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ (EYE), li jsir kull sentejn fi Strażburgu. Fl-istess spirtu, is-sit web tal-Youth Hub ġie żviluppat bħala pjattaforma biex jgħaqqad liż-żgħażagħ, jiġu kondiviżi l-ideat u juri inizjattivi mmexxija miż-żgħażagħ, filwaqt li joffri spazju għal djalogu kontinwu u jiġu ppreżentati opportunitajiet lil hinn mill-EYE nnifsu.

            Il-Parlament indirizza l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u l-isport, u fl-10 ta’ Frar 2021, adotta riżoluzzjoni li tenfasizza l-isfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ. Fit-13 ta’ Settembru 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-impatt tal-għeluq tal-attivitajiet taż-żgħażagħ minħabba l-COVID-19 fuq it-tfal u ż-żgħażagħ madwar l-UE. Enfasizzat kif is-saħħa mentali u l-benesseri taż-żgħażagħ kienu ddeterjoraw matul il-pandemija u appellat għal approċċ olistiku tal-UE, inklużi investimenti biex titqajjem kuxjenza u l-aċċess għal servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku.

            Fit-18 ta’ Mejju 2021, il-Parlament u l-Kunsill adottaw il-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għall-perjodu 2021-2027. B’baġit iddedikat ta’ aktar minn EUR 1 biljun, madwar 350,000 żagħżugħ u żagħżugħa se jkunu jistgħu jieħdu sehem. Il-Parlament insista li l-programm isir aktar aċċessibbli u inklużiv għaż-żgħażagħ, inklużi dawk b’opportunitajiet limitati.

            Fil-21 ta’ Novembru 2023, fil-valutazzjoni ta’ nofs it-terminu tiegħu tal-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, il-Parlament talab li l-finanzjament tiegħu jiġi rduppjat għaċ-ċiklu li jmiss sabiex tiġi ssodisfata d-domanda għall-parteċipazzjoni. Barra minn hekk, il-Membri tal-PE enfasizzaw il-ħtieġa li titqajjem aktar kuxjenza dwar il-programm, peress li l-viżibbiltà tiegħu baqgħet limitata. Għall-baġit tal-UE għall-2028–2034, il-Kummissjoni pproponiet l-amalgamazzjoni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà ma’ Erasmus+, b’baġit globali propost ta’ madwar EUR 40 biljun.

            Fil-5 ta’ Ottubru 2023, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-istrateġija Ewropea l-ġdida għal internet aħjar għat-tfal (BIK+). Din l-istrateġija tiżgura li t-tfal u ż-żgħażagħ ikunu protetti, rispettati u mogħtija s-setgħa online fid-deċennju diġitali l-ġdid. Il-Parlament enfasizza l-importanza tal-edukazzjoni diġitali għas-sikurezza online u appella għal strateġija Ewropea li tindirizza l-bullying u l-bullying ċibernetiku fl-iskejjel.

            Il-Parlament qed iħejji wkoll rapporti ta’ implimentazzjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, mistennija f’nofs l-2026. Is-sejbiet preliminari jindikaw progress tanġibbli fil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, b’mod partikolari permezz tal-organizzazzjoni ta’ 28 Djalogu ta’ Politika maż-Żgħażagħ, it-tnedija ta’ pjattaforma ta’ involviment online u l-ħolqien ta’ bord konsultattiv għaż-żgħażagħ. Meta wieħed iħares ’il quddiem, koordinazzjoni akbar bejn l-għanijiet taż-żgħażagħ, il-verifiki taż-żgħażagħ u l-politiki speċifiċi għas-settur se jkunu kruċjali, kif se jkunu wkoll l-isforzi biex titwessa’ l-inklużjoni mmirata lejn iż-żgħażagħ minn żoni rurali; iż-żgħażagħ li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni; iż-żgħażagħ li ma jiħdux sehem f’attivitajiet organizzati, bħal organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, klabbs jew attivitajiet ekstrakurrikulari; u ż-żgħażagħ li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEET).

            Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni bħalissa qed jaħdem fuq rapport fuq inizjattiva proprja bit-titolu “L-impatt tal-media soċjali u l-ambjent online fuq iż-żgħażagħ”, mistenni fl-2026.

            Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għaċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza u l-Kultura. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni.

             

            Léanne Emma Clara COSTES / Denise CHIRCOP