Din l-iskeda informattiva tispjega l-politika tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika, inklużi l-qafas legali, il-miri primarji u l-liġijiet l-aktar importanti tagħha. Il-politika għandha l-għan tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, tnaqqas il-kontijiet tal-enerġija u ttejjeb is-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili importati. L-iskeda informattiva tenfasizza r-rwol tal-Parlament Ewropew fit-tfassil ta’ din il-politika.

Il-bażi legali

  • L-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-politika tal-enerġija bħala “kompetenza kondiviża” bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. Dan ifisser li l-pajjiżi tal-UE jistgħu jgħaddu liġijiet u jadottaw miżuri legalment vinkolanti jekk dawn ma jkunux saru mill-UE. L-Artikolu jippromwovi l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija, fil-kuntest tas-suq uniku tal-UE u l-ħtieġa ta’ protezzjoni ambjentali.
  • L-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika

    Il-politika tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika tistabbilixxi miri ta’ tnaqqis għall-konsum tal-enerġija tal-UE sal-2030, meta mqabbla mal-projezzjonijiet li saru fl-2020.

    Il-miri huma espressi f’konsum primarju tal-enerġija, li jkejjel id-domanda totali għall-enerġija ta’ pajjiż, u f’konsum finali tal-enerġija, li jirreferi għall-enerġija totali kkunsmata mill-utenti finali (unitajiet domestiċi, industrija, eċċ.). It-tnejn jitkejlu f’miljuni ta’ tunnellati tal-ekwivalenti taż-żejt (Mtoe).

    L-obbligi ewlenin tal-effiċjenza enerġetika jinkludu:

    • tnaqqis ta’ 11.7% fil-konsum finali tal-enerġija tal-UE, b’limitu massimu ta’ 763Mtoe (vinkolanti), b’implikazzjonijiet għall-konsum primarju tal-enerġija, b’limitu massimu ta’ 992.5Mtoe (indikattiv);
    • tnaqqis ta’ 1.9% fil-konsum annwali tal-enerġija tas-settur pubbliku. 
    • Il-pajjiżi tal-UE jridu wkoll: 

      • jirrinnovaw kull sena tal-anqas 3% tal-bini pubbliku akbar minn 250m2;
      • jiksbu ffrankar annwali fil-konsum finali tal-enerġija ta’ 1.5% fl-2026 u fl-2027, li jiżdied għal 1.9% fl-2028, fl-2029 u fl-2030;
      • Il-kisbiet tal-politika tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika

        A. Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika

        Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, adottata fl-2023, hija l-pedament tal-politika tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika. Tistabbilixxi l-mira tal-UE rigward l-effiċjenza enerġetika u tirrikjedi lill-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu miri nazzjonali indikattivi rigward l-effiċjenza enerġetika, abbażi tal-kontributi tal-konsum finali tal-enerġija, biex tintlaħaq il-mira tal-UE.

        Id-direttiva tintroduċi l-obbligu għas-settur pubbliku li jkollu rwol eżemplari: tistabbilixxi miri għall-konsum finali tal-enerġija u għar-rinnovazzjonijiet biex tinkiseb l-effiċjenza enerġetika. Tirrevedi d-definizzjoni ta’ sistemi ta’ tisħin distrettwali effiċjenti u tistabbilixxi rekwiżiti ġodda bl-għan tad-dekarbonizzazzjoni sħiħa tal-provvista tal-enerġija għal dawn is-sistemi sal-2050.

        Id-direttiva tistabbilixxi l-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”, li jiddikjara li s-soluzzjonijiet li jikkonċernaw l-effiċjenza għandhom jitqiesu bħala l-ewwel għażla fid-deċiżjonijiet tal-politika, tal-ippjanar u tal-investiment.

        Testendi wkoll l-obbligi tal-awditjar tal-enerġija għall-kumpaniji kollha li jaqbżu ċertu limitu tal-enerġija u tirrikjedi lill-konsumaturi industrijali kbar jimplimentaw sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija. Issaħħaħ ir-rekwiżiti ta’ kompetenza għall-professjonisti fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika u tagħti mandat lill-pajjiżi tal-UE biex jirrapportaw dwar l-investiment fl-effiċjenza enerġetika. Tipprovdi wkoll appoġġ għall-iżvilupp tal-proġetti f’diversi livelli biex tgħin ħalli jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-UE.

        Fl-aħħar nett, id-direttiva ddaħħal l-obbligu li:

        • iċ-ċentri tad-data jirrapportaw dwar l-effiċjenza enerġetika tagħhom;
        • il-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu punti uniċi ta’ servizz iddedikati biex jipprovdu pariri u assistenza dwar l-effiċjenza enerġetika lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, lill-unitajiet domestiċi u lill-korpi pubbliċi;
        • il-muniċipalitajiet b’aktar minn 45,000 abitant iħejju pjanijiet għat-tisħin u t-tkessiħ.
        • Tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, tiddefinixxi l-faqar enerġetiku fil-livell tal-UE u tintroduċi miżuri biex dan jitnaqqas.

          B. Ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

          1. Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija

          L-approċċ tal-UE għas-sostenibbiltà tal-bini huwa primarjament irregolat mid-Direttiva tal-2024 dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, li tistabbilixxi r-rekwiżit biex l-istokk tal-bini eżistenti tal-UE jiġi ttrasformat fi stokk tal-bini b’emissjonijiet żero sal-2050.

          a. Ir-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija 

          Il-pajjiżi tal-UE jridu:

          • jiddefinixxu r-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-bini u għall-elementi tal-bini;
          • jadottaw metodoloġija għall-kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.
          • b. L-istandards tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għal bini ġdid

            Bini b’emissjonijiet żero jrid jissodisfa standards għoljin ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija, ma jrid jipproduċi ebda emissjoni fuq il-post mill-fjuwils fossili, u jrid ikollu emissjonijiet żero jew ammont baxx ħafna ta’ gassijiet serra.

            Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li:

            • il-bini pubbliku ġdid kollu jkun bini b’emissjonijiet żero mill-2028;
            • il-bini l-ġdid kollu jkun bini b’emissjonijiet żero mill-2030;
            • il-bini kbir ġdid ikollu l-potenzjal ta’ tisħin globali taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tiegħu kkalkulat mill-2026;
            • il-bini ġdid kollu jkollu l-potenzjal ta’ tisħin globali taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu kkalkulat mill-2030.
            • c. L-istandards tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-istokk tal-bini eżistenti

              Il-pajjiżi tal-UE jridu:

              • jistabbilixxu standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-istokk tal-bini mhux residenzjali tagħhom li jwasslu għar-rinnovazzjoni tas-16% u s-26% tal-bini bl-agħar rendiment fl-istokk sal-2030 u l-2033 rispettivament;
              • jistabbilixxu trajettorja biex inaqqsu progressivament l-użu medju tal-enerġija primarja tal-istokk tal-bini residenzjali tagħhom b’16% sal-2030, u b’bejn 20% u 22% sal-2035, meta mqabbel mal-2020, b’enfasi fuq il-bini bl-agħar rendiment tagħhom.
              • Japplikaw eċċezzjonijiet speċifiċi għal bini marbut mar-reliġjon, żgħir, b’konsum baxx ta’ enerġija jew temporanju.

                Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija tirrikjedi li l-bini kollu fl-UE jiġi kklassifikat fi klassijiet tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, li jvarjaw minn A (l-aħjar) sa G (l-agħar). Il-klassi A hija għal bini b’emissjonijiet żero u l-klassi G tingħata lill-bini bl-agħar rendiment fl-istokk tal-bini nazzjonali.

                Peress li l-klassi G tiddependi fuq il-karatteristiċi nazzjonali tal-istokk tal-bini, ma hemm l-ebda armonizzazzjoni tal-klassijiet tal-enerġija madwar il-pajjiżi tal-UE. Bl-istess mod, l-obbligu li jiġi rinnovat il-bini residenzjali huwa bbażat fuq il-bini bl-agħar rendiment fl-istokk tal-bini nazzjonali, pjuttost milli fuq il-bini individwali kollu, u dan jippermetti ċerta flessibbiltà u adattabbiltà għal standards nazzjonali differenti.

                L-akkomodazzjoni soċjali pubblika hija eżenti meta dan it-titjib fl-enerġija jiswa aktar minn dak li jiġi ffrankat jew iżid il-kera lil hinn mill-iffrankar fuq il-kontijiet tal-enerġija.

                Id-direttiva tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jippreżentaw pjanijiet nazzjonali ta’ rinnovazzjoni tal-bini, integrati fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-enerġija u l-klima, li jinkludu:

                • ħarsa ġenerali lejn l-istokk tal-bini nazzjonali għal tipi ta’ bini differenti;
                • pjan direzzjonali b’miri stabbiliti fil-livell nazzjonali għall-2030, l-2040 u l-2050;
                • ħarsa ġenerali lejn il-politiki u l-miżuri ppjanati; u
                • deskrizzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment u s-sorsi ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tagħha.
                • Id-direttiva tirrikjedi lill-pajjiżi tal-UE jinstallaw tagħmir solari progressivament f’bini pubbliku u mhux residenzjali, skont id-daqs tiegħu, u fil-bini residenzjali ġdid kollu sal-2030, jekk teknikament u ekonomikament fattibbli.

                  Twaqqaf is-sussidji għall-bojlers awtonomi li jaħdmu bil-fjuwils fossili mill-2025, tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu faċilitajiet ta’ assistenza teknika, tiddefinixxi eċċezzjonijiet għall-bini agrikolu u ta’ wirt storiku, u tinkludi possibbiltajiet li jsiru eċċezzjonijiet għal bini ta’ mertu arkitettoniku jew storiku speċjali, bini temporanju, knejjes u postijiet oħra ta’ qima.

                  2. L-Istrateġija Mewġa ta’ Rinnovazzjoni

                  L-Istrateġija Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għandha l-għan tirrinnova 35 miljun binja sal-2030 u li tiżgura li r-rinnovazzjonijiet iwasslu għal effiċjenza akbar fl-enerġija u fir-riżorsi.

                  L-istrateġija għandha wkoll l-għan tipproteġi lir-residenti kollha fl-UE li ma jistgħux isaħħnu djarhom b’mod adegwat, billi tiżgura li l-konsumaturi vulnerabbli jkunu jistgħu jaffordjaw servizzi essenzjali tat-tisħin u tal-enerġija. 

                  3. Il-pompi tas-sħana

                  Il-pompi tas-sħana huma apparat li jipprovdi ilma sħun, tisħin u tkessiħ għad-djar u n-negozji. Huma minn tlieta sa ħames darbiet aktar effiċjenti mill-bojlers tal-gass tradizzjonali.

                  Il-pjan REPowerEU, li għandu l-għan jelimina gradwalment l-importazzjonijiet kollha tal-UE tal-gass Russu, jipproponi li tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-UE billi tiġi rduppjata r-rata li biha jiġu installati l-pompi tas-sħana fil-bini u billi titħaffef l-introduzzjoni tal-pompi tas-sħana għan-networks tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali.

                  C. Il-koġenerazzjoni ta’ sħana u enerġija

                  Il-koġenerazzjoni hija l-produzzjoni simultanja ta’ elettriku u sħana utli. Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika għandha l-għan timmassimizza l-effiċjenza tal-impjanti billi tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE:

                  • iwettqu analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji tal-potenzjal tal-użu tal-koġenerazzjoni meta jippjanaw li jibnu jew jirrinnovaw installazzjoni tas-sħana, elettrika jew industrijali, jew network ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali, ta’ aktar minn 20MW ta’ sħana;
                  • għal faċilitajiet diġà eżistenti, jivvalutaw il-potenzjal ta’ tisħin u tkessiħ effiċjenti, inkluża l-koġenerazzjoni, meta jintalbu jagħmlu dan.
                  • D. L-effiċjenza enerġetika tal-prodotti

                    1. Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli 

                    Bħala parti mill-Patt għal Industrija Nadifa, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli għandu l-għan jagħmel l-użu tal-enerġija aktar effiċjenti u jnaqqas il-kostijiet tal-enerġija għall-industriji u l-konsumaturi. Il-pjan jinkludi l-ħolqien ta’ suq Ewropew tal-effiċjenza enerġetika biex jiggwida lin-negozji lejn soluzzjonijiet kosteffettivi. Jipprevedi wkoll li r-regolamenti tal-UE dwar it-tikkettar tal-enerġija u l-ekodisinn jiġu aġġornati biex jippromwovu prodotti aktar effiċjenti u li jdumu aktar. Dawn il-miżuri jistgħu jiffrankaw sa EUR 162 biljun mill-kontijiet tal-enerġija sal-2030.

                    2. Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija 

                    Ċerti prodotti tal-UE, bħall-apparat domestiku, il-bojlers, it-telefowns, il-kompjuters jew tagħmir elettriku jew elettroniku ieħor, iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi relatati mal-effiċjenza enerġetika. Dawn jissejħu rekwiżiti tal-ekodisinn.

                    Ir-Regolament dwar l-Ekodisinn, li gradwalment qed jissostitwixxi d-Direttiva dwar l-Ekodisinn, u r-Regolament dwar it-Tikkettar tal-Enerġija jipprovdu regoli għal prodotti effiċjenti fl-enerġija u sostenibbli. Ir-Regolament dwar l-Ekodisinn jistabbilixxi rekwiżiti għal kważi l-kategoriji kollha ta’ oġġetti fiżiċi, inklużi:

                    • it-titjib tad-durabbiltà, tar-riutilizzabbiltà, tal-possibbiltà ta’ titjib fil-kwalità u ta’ tiswija tal-prodotti;
                    • it-titjib tal-possibbiltà ta’ manutenzjoni u rinnovazzjoni tal-prodotti;
                    • li l-prodotti jsiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi;
                    • l-indirizzar tal-preżenza ta’ sustanzi li jipprevjenu li l-prodotti jerġgħu jintużaw jew jiġu riċiklati;
                    • iż-żieda fil-kontenut riċiklat;
                    • li l-prodotti jkunu jistgħu jiġu rimanifatturati u riċiklati aktar faċilment;
                    • l-istabbiliment ta’ regoli dwar l-impronta tal-karbonju u dik ambjentali;
                    • il-limitazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart;
                    • it-titjib tad-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti.
                    • Jintroduċi passaporti diġitali tal-prodotti, regoli għall-qerda ta’ prodotti tal-konsumatur mhux mibjugħa, u akkwist pubbliku ekoloġiku.

                      Ir-Regolament dwar it-Tikkettar tal-Enerġija jintroduċi t-tikketta tal-UE magħrufa sew għall-prodotti li jużaw skala tal-enerġija A-G, li tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent meta jixtru l-prodotti.

                      Il-governanza tal-enerġija

                      Skont ir-regolament dwar il-governanza tal-unjoni tal-enerġija u tal-azzjoni klimatika, il-pajjiżi tal-UE għandhom jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima ta’ 10 snin għall-perjodu 2021-2030 u jippreżentaw rapporti ta’ progress kull sentejn. Il-Kummissjoni Ewropea tivvaluta dawn ir-rapporti u tista’ tieħu miżuri fil-livell tal-UE biex tiżgura l-konsistenza tagħhom mal-miri ġenerali tal-UE.

                      Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

                      Il-Parlament Ewropew dejjem kellu rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-ambizzjoni fil-politika tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika.

                      Appella kontinwament għal miri ogħla u legalment vinkolanti u għal regolamenti aktar stretti li jmorru lil hinn mill-proposti tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li jipproteġu wkoll l-interessi taċ-ċittadini u n-negozji tal-UE billi jnaqqsu l-kostijiet tal-enerġija.

                      Fin-negozjati reċenti rigward id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, il-pożizzjoni inizjali tal-Kummissjoni Ewropea kienet mira ta’ tnaqqis ta’ 9% għall-konsum finali tal-enerġija sal-2030, meta mqabbla mal-projezzjonijiet li saru fl-2020. Il-Parlament Ewropew ippropona li l-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-UE tiżdied għal mill-anqas 14.5%. Din il-pożizzjoni soda wasslet għal kompromess li stabbilixxa l-mira vinkolanti attwali għal 11.7%.

                      Il-Parlament iġġieled ukoll b’mod konsistenti għal bidla minn miri indikattivi għal miri legalment vinkolanti u ppromwova soluzzjonijiet effiċjenti fl-enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ u biex jinkiseb iffrankar tal-enerġija.

                      Ħadem qatigħ u b’suċċess biex il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” jiġi minqux fir-regoli tal-UE bħala rekwiżit legali vinkolanti, u dan jiżgura li l-effiċjenza trid tiġi kkunsidrata f’kull livell tal-ippjanar, tal-politika u tal-investiment fil-qasam tal-enerġija. 

                      Il-Parlament dejjem kien favur ir-rinnovazzjoni tal-bini bl-agħar rendiment fl-istokk tal-bini tal-UE, bħala mod kif isir iffrankar kbir tal-enerġija. Bħalissa, madwar 40% tal-enerġija kollha kkunsmata fl-UE tintuża fil-bini, u 80% ta’ din l-enerġija tintuża għat-tisħin, għat-tkessiħ u għall-ilma sħun. 

                      Matul in-negozjati rigward id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, il-Parlament sab bilanċ bejn il-ħolqien ta’ standard Ewropew unifikat għall-klassijiet tal-enerġija tal-bini u r-rispett tad-differenzi lokali fl-istokkijiet tal-bini nazzjonali u l-konsumaturi tal-enerġija. Ippromwova miżuri effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħall-enerġija solari, fir-rinnovazzjoni tal-bini, l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili u l-użu ta’ materjali tal-injam, soqfa u faċċati ekoloġiċi, filwaqt li ppromwova wkoll miżuri ta’ appoġġ għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku.

                      Wara l-kriżijiet reċenti tal-enerġija, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-industriji intensivi fl-enerġija fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji nodfa u metodi ta’ produzzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u ppropona miżuri urġenti biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kostijiet għoljin tal-enerġija għall-industriji u għan-nies fl-UE. 

                      Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għat-Trasformazzjoni, l-Innovazzjoni u s-Saħħa. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, ara s-sit web tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija.

                       

                      Valentina Richard-Romei / Matteo Ciucci