Din l-iskeda informattiva tispjega r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, li ilhom fi kriżi kbira mill-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja tal-2014, l-invażjoni u l-okkupazzjoni tagħha ta’ partijiet tar-reġjun ta’ Donbas tal-Ukrajna, il-politiki ta’ destabbilizzazzjoni fir-reġjun usa’, l-operazzjonijiet ta’ diżinformazzjoni u interferenza, kif ukoll il-ksur intern tad-drittijiet tal-bniedem. L-invażjoni fuq skala sħiħa, illegali tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022 wasslet għas-sospensjoni tal-kooperazzjoni politika, kulturali u xjentifika kollha li kien fadal u għs-sanzjonijiet tal-UE, li qatt ma kien hemm bħalhom qabel u sanzjonijiet internazzjonali.

Il-bażi legali

  • It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: it-Titolu V “azzjoni esterna”
  • it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: l-Artikoli 206–207 (il-kummerċ) u l-Artikoli 216–219 (il-ftehimiet internazzjonali);
  • il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (relazzjonijiet bilaterali).
  • Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja

    Sal-protesti tal-moviment Maidan fl-Ukrajna f’Novembru 2013, l-UE u r-Russja kienu segwew sħubija strateġika bbażata fuq id-djalogu politiku, l-integrazzjoni ekonomika, u l-kooperazzjoni fl-affarijiet globali. In-negozjati mnedija fl-2008 fittxew li jikkonkludu ftehim ġdid li jkopri l-kummerċ, l-enerġija, l-azzjoni klimatika, ir-riċerka, il-kultura u s-sigurtà, filwaqt li s-Sħubija għall-Modernizzazzjoni tal-2010 tfasslet biex tippromwovi r-riforma, l-innovazzjoni, u rabtiet ekonomiċi aktar mill-qrib. L-UE appoġġjat ukoll l-adeżjoni tar-Russja mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li twettqet fl-2012.

    Dan l-approċċ intemm f’daqqa fl-2014, meta r-Russja nediet l-invażjoni inizjali tagħha tal-Ukrajna, illegalment annessat il-Krimea u invadiet partijiet tar-reġjun tal-Lvant ta’ Donbas tal-Ukrajna. Dawn l-atti ta’ aggressjoni dgħajfu b’mod fundamentali l-bażi għas-sħubija u qanqlu valutazzjoni mill-ġdid komprensiva tal-politika tal-UE lejn ir-Russja.

    B’reazzjoni għal dan, l-UE introduċiet l-ewwel miżuri restrittivi tagħha kontra r-Russja, inklużi l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ta’ uffiċjali u proxies Russi involuti li jdgħajfu s-sovranità tal-Ukrajna. Is-summits bejn l-UE u r-Russja ġew sospiżi, in-negozjati dwar ftehim ġdid ta’ kooperazzjoni ġew iffriżati, u l-parteċipazzjoni tar-Russja fil-G8 ġiet revokata. Segwew sanzjonijiet settorjali usa’ mmirati lejn il-kummerċ, il-finanzi, l-enerġija u d-difiża.

    Fl-2016, l-Istrateġija ta’ Sigurtà Globali tal-UE ddefiniet lir-Russja bħala “sfida strateġika ewlenija”, li wasslet lill-Kunsill jadotta ħames prinċipji gwida: (1)l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ Minsk dwar waqfien mill-ġlied fil-Lvant tal-Ukrajna bħala l-kundizzjoni ewlenija għal kwalunkwe bidla sostanzjali tal-pożizzjoni tal-UE fil-konfront tar-Russja; (2) it-tisħiħ tar-relazzjonijiet mas-Sħab tal-Lvant tal-UE u ma’ pajjiżi ġirien oħra, inkluż mal-Asja Ċentrali; (3) it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE (eż. is-sigurtà tal-enerġija, it-theddidiet ibridi jew il-komunikazzjoni strateġika); (4) il-kollaborazzjoni selettiva mar-Russja dwar kwistjonijiet ta’ interess għall-UE; (5) il-ħtieġa li jiġu stabbiliti kuntatti bejn il-persuni u li jingħata appoġġ lis-soċjetà ċivili Russa.

    L-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja fl-24 ta’ Frar 2022 immarkat punt ta’ bidla ieħor fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u qanqlet definizzjoni mill-ġdid b’mod fundamentali tal-politika ta’ sigurtà tal-Ewropa. L-UE kkundannat bl-aktar mod qawwi l-gwerra ta’ aggressjoni illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-attakki intenzjonati tagħha fuq iċ-ċivili u l-infrastruttura ċivili, u t-tentattivi tagħha li tannessa t-territorju Ukren permezz ta’ referenda fittizji fiż-żoni okkupati. Qed tkompli titlob l-irtirar immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-forzi Russi kollha mit-territorju kollu tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, filwaqt li tissottolinja li r-Russja għandha tassumi r-responsabbiltà sħiħa għall-ksur flagranti tagħha tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali. L-UE kkundannat l-użu tal-ikel bħala arma mir-Russja fil-gwerra kontra l-Ukrajna u l-kriżi globali tas-sigurtà tal-ikel li r-Russja qanqlet b’dan il-mod.

    F’Marzu 2022, l-UE adottat il-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiżatagħha, li fiha identifikat lir-Russja bħala “theddida fit-tul u diretta għas-sigurtà Ewropea”. Dan immarka waqfa deċiżiva mir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja sa mill-2016. Il-Kunċett Strateġiku tan-NATO, adottat f’Ġunju 2022, qabel li l-Federazzjoni Russa tiġi msejħa bħala “l-aktar theddida sinifikanti u diretta għas-sigurtà tal-Alleati u għall-paċi u l-istabbiltà fiż-żona Ewro-Atlantika”. Konsegwentement, mill-2022, il-prinċipji li qed jiggwidaw l-approċċ tal-UE lejn ir-Russja huma dawn li ġejjin: (1) ir-Russja jeħtiġilha tkun iżolata internazzjonalment u jridu jiġu imposti sanzjonijiet sabiex ma titħallhiex twettaq gwerra; (2) il-komunità internazzjonali jeħtiġilha tiżgura r-responsabbiltà billi lill-istat Russu, lill-awturi individwali u lill-kompliċi żżommhom responsabbli għall-ksur tal-liġi internazzjonali u għad-delitti tal-gwerra mwettqa fl-Ukrajna; (3)il-ġirien tal-UE jeħtiġilhom ikunu appoġġjati, inkluż permezz tal-politiki ta’ tkabbir tal-UE, u s-sħab madwar id-dinja megħjuna biex jindirizzaw il-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; (4) il-kooperazzjoni mill-qrib man-NATO u mas-sħab madwar id-dinja għandha tiġi appoġġjata għad-difiża tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli; (5) ir-reżiljenza tal-UE trid tissaħħaħ, b’mod partikolari fis-sigurtà tal-enerġija u fl-infrastruttura kritika, u t-theddid ċibernetiku u ibridu, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza min-naħa tar-Russja jridu jiġu miġġielda; (6) is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-media indipendenti jridu jiġu appoġġjati ġewwa u barra r-Russja, filwaqt li t-theddid għas-sigurtà u għall-ordni pubbliku fl-UE jrid jiġi indirizzat.

    B’reazzjoni għall-invażjoni tar-Russja, l-Istati Membri tal-UE malajr adottaw sanzjonijiet ibsin li qatt ma kien hemm bħalhom qabel, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi sħab, inklużi l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Kanada, l-Awstralja u l-Ġappun. Mill-24 ta’ Frar 2022, l-UE espandiet bil-kbir il-miżuri settorjali restrittivi permezz ta’ 20 pakkett suċċessiv ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja (sa Mejju 2026) u żiedet għadd sinifikanti ta’ persuni u entitajiet fil-lista tas-sanzjonijiet bil-għan li tkompli żżid il-pressjoni fuq ir-Russja biex ittemm il-gwerra. Il-miżuri restrittivi huma maħsuba biex idgħajfu s-sisien ekonomiċi tar-Russja, iċaħħduha minn teknoloġiji u swieq essenzjali u jnaqqsu ħafna l-kapaċità tagħha li tiġġieled gwerra.

    Il-ħeffa li biha ġew introdotti 20 pakkett ta’ sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja, li diġà ġew ikkwalifikati bħala “rivoluzzjoni tas-sanzjonijiet”, irriżultat f’sett ta’ miżuri li ma kien hemm qatt qabel bħalhom, immirati lejn is-setturi ewlenin tal-ekonomija Russa u lejn l-elit politiku tal-pajjiż. Kull pakkett ta’ sanzjonijiet emenda u wessa’ dejjem aktar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġimi ta’ sanzjonijiet adottati mill-2014 ’il quddiem, biż-żieda ta’ reġim ġdid li jipprojbixxi l-importazzjonijiet fl-UE ta’ oġġetti li joriġinaw mit-territorji annessi illegalment ta’ Donetsk, Luhansk, Kherson u Zaporizhzhia. Il-pakketti ta’ sanzjonijiet kienu maħsuba biex ikunu ħorox u biex ikollhom firxa wiesgħa ta’ konsegwenzi fis-setturi tal-finanzi, tal-enerġija, tat-trasport u tal-ispazju tal-ajru, tat-teknoloġija, tal-konsulenza, tax-xandir kif ukoll tal-metall, tal-oġġetti lussużi u ta’ prodotti oħra. Il-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni jaffettwaw madwar 54% tal-esportazzjonijiet ta’ qabel il-gwerra lejn ir-Russja, filwaqt li l-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni jkopru 58% tal-importazzjonijiet ta’ qabel il-gwerra. Barra minn hekk, l-UE imponiet tariffi fuq prodotti agrikoli u fertilizzanti mir-Russja u mill-Belarussja f’Marzu 2025. Fil-klassifikazzjoni tas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE, ir-Russja waqgħet mill-pożizzjoni 5 fl-2021 għall-pożizzjoni 15 fl-2024. Minbarra s-sanzjonijiet ekonomiċi u dawk fuq individwi, ġew imposti sanzjonijiet diplomatiċi sussegwenti, inkluża s-sospensjoni tal-faċilitazzjoni tal-viża bejn l-UE u r-Russja. Flimkien ma’ membri oħra tad-WTO, l-UE qablet li tiċħad it-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit għall-prodotti u għas-servizzi Russi fis-swieq tal-UE. Għaddejjin it-tħejjijiet għall-21 pakkett ta’ sanzjonijiet. Dan il-pakkett li jmiss huwa mistenni li jkompli jimmira lejn il-“flotta mistura” tar-Russja, l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-intrapriżi militari-industrijali, u l-kumpaniji involuti fil-kummerċ taċ-ċereali Ukreni misruqa.

    Sal-aħħar ta’ Mejju 2026, il-lista tas-sanzjonijiet kienet tkopri aktar minn 2,700 individwu u entità. L-individwi sanzjonati jinkludu l-President tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Putin, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Russja, Sergey Lavrov, it-351 Membru tad-Duma tal-Istat li approvaw ir-rikonoxximent tat-territorji okkupati temporanjament tar-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk, uffiċjali għolja u persunal militari, persuni li jxerrdu d-diżinformazzjoni, dawk responsabbli għal attakki bil-missili kontra ċ-ċivili u l-infrastruttura ċivili kritika u għall-ħtif u għall-adozzjonijiet illegali sussegwenti ta’ tfal Ukreni, kif ukoll għall-militarizzazzjoni u l-indottrinazzjoni ideoloġika tagħhom. Diversi membri għolja tal-organizzazzjoni merċenarja tal-Grupp Wagner ġew inklużi fil-lista tas-sanzjonijiet.

    Wara l-mewt tal-mexxej tal-oppożizzjoni Russu u r-rebbieħ tal-Premju Sakharov, Alexei Navalny, f’ħabs fis-Siberja fi Frar 2024, u b’reazzjoni għaż-żieda fir-repressjoni politika fir-Russja, fis-27 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill stabbilixxa reġim ġdid ta’ sanzjonijiet kontra persuni u entitajiet responsabbli għall-ksur u għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika u d-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fir-Russja. Ir-reġim il-ġdid jikkomplementa r-reġim globali ta’ sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem, u dan jippermetti lill-UE tiddeċiedi dwar aktar miżuri speċifiċi għar-Russja b’reazzjoni għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni interna fil-pajjiż. Minn Mejju 2026, 135 individwu u 37 entità ġew sanzjonati, inklużi mħallfin, prosekuturi u membri tal-ġudikatura li kellhom rwol ewlieni fil-priġunerija u fil-qtil ta’ Alexei Navalny.

    Fit-8 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill adotta reġim ġdid ta’ sanzjonijiet b’reazzjoni għall-isforzi destabilizzanti tar-Russja fl-UE u madwar id-dinja biex iddgħajjef il-proċessi demokratiċi, tinċita jew tappoġġja dimostrazzjonijiet vjolenti, tintimida lill-kritiċi, timmanipula l-informazzjoni u twettaq attakki ċibernetiċi jew sabotaġġ kontra l-infrastruttura kritika.

    F’Mejju 2025, il-Kunsill espanda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi awtonomi tiegħu biex ikopri assi tanġibbli bħal bastimenti, inġenji tal-ajru, proprjetà immobbli u komponenti tan-network tal-komunikazzjoni, kif ukoll tranżazzjonijiet li jinvolvu fornituri ta’ servizzi finanzjarji u tal-kriptoassi. Dan ir-reġim ta’ sanzjonijiet japplika għal 69 individwu u 19-il entità.

    L-UE żiedet ukoll l-infurzar biex tevita li s-sanzjonijiet jiġu evitati permezz ta’ pajjiżi mhux tal-UE. Il-miżuri jimmiraw għar-riesportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju, komponenti kritiċi u teknoloġiji avvanzati. Minbarra l-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-UE għall-inġenji tal-ajru Russi kollha u tal-portijiet tal-UE għall-bastimenti Russi kollha, dispożizzjonijiet speċifiċi jindirizzaw il-“flotta mistura” tar-Russja, li qed tespandi, ta’ bastimenti użati biex jiġu evitati s-sanzjonijiet, inklużi projbizzjonijiet fuq id-dħul fil-portijiet, restrizzjonijiet fuq il-forniment tas-servizzi, u monitoraġġ aktar strett tal-bejgħ tal-bastimenti lil pajjiżi terzi. L-għadd totali ta’ bastimenti sanzjonati huwa ta’ ’l fuq minn 600.

    Bil-għan li jissaħħaħ l-infurzar, il-Kunsill żied il-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE mal-lista ta’ reati tal-UE fid-9 ta’ Ġunju 2023. Dan ippermetta lill-Istati Membri jarmonizzaw il-pieni kriminali u jtejbu l-kooperazzjoni fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ksur tas-sanzjonijiet,

    F’Settembru 2022, l-Istati Membri tal-UE ssospendew kompletament il-ftehim tal-2007 dwar il-faċilitazzjoni tal-viża bejn l-UE u r-Russja. Filwaqt li nħarġu linji gwida dwar l-implimentazzjoni tas-sospensjoni tal-viżi li jiżguraw li s-sospensjoni ma affettwatx lil dawk li jeħtieġu protezzjoni u lill-persuni li jivvjaġġaw għal skopijiet essenzjali, bħall-ġurnalisti, id-dissidenti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, f’Novembru 2025, il-Kummissjoni adottat regoli aktar stretti dwar il-viżi minħabba ż-żieda fir-riskji għas-sigurtà li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inkluż l-użu tal-migrazzjoni bħala arma, l-atti ta’ sabotaġġ u l-użu potenzjalment ħażin tal-viżi.

    B’ritaljazzjoni, il-Gvern Russu kklassifika lill-Istati Membri kollha tal-UE, lir-Renju Unit, lill-Istati Uniti u lil pajjiżi oħra bi skema ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja bħala “stati ostili”. Il-kontromiżuri issa jirrestrinġu firxa wiesgħa ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji ma’ individwi u entitajiet minn dawn in-nazzjonijiet.

    Fil-31 ta’ Marzu 2022, l-awtoritajiet Russi espandew il-“lista ta’ esklużjoni” tagħhom b’mod sinifikanti biex din tinkludi“l-ogħla mexxejja tal-UE, għadd ta’ kummissarji Ewropej u kapijiet tal-korpi militari tal-UE, kif ukoll il-maġġoranza assoluta tal-membri tal-Parlament Ewropew”, sabiex lil dawn iċaħħduhom mid-dritt li jidħlu fit-territorju Russu. Din il-lista mhijiex ippubblikata uffiċjalment, u dan iwassal biex ma jkun hemm l-ebda possibbiltà ta’ appell legali, għall-kuntrarju tal-projbizzjoni tal-UE fuq l-ivvjaġġar. Il-lista ta’ esklużjoni tar-Russja tinkludi wkoll uffiċjali ta’ livell għoli minn xi gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE u membri tal-parlamenti nazzjonali, kif ukoll personalitajiet pubbliċi u tal-media.

    Filwaqt li tirrikonoxxi l-ksur tar-Russja tal-liġi internazzjonali u tal-Karta tan-NU li għadu għaddej, l-UE baqgħet tappoġġja l-isforzi Ukreni u internazzjonali biex tiġi żgurata r-responsabbiltà għad-delitti tal-gwerra, għad-delitti serji l-oħra mwettqa, inkluż id-delitt ta’ aggressjoni, kif ukoll għall-ħsara kbira kkawżata. Il-pedamenti legali għal dan it-Tribunal Speċjali għad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna ġew stabbiliti fi Frar 2025 mill-Kummissjoni, mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-Ukrajna. It-Tribunal, li ġie stabbilit formalment fil-25 ta’ Ġunju 2025, se jinvestiga u se jressaq il-Qorti d-delitti ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, ipperpetrati mit-tmexxija politika u militari tal-Federazzjoni Russa u l-alleati tagħha, b’mod partikolari l-Belarussja. F’Mejju 2026, il-Kummissjoni Ewropea rratifikat ukoll, f’isem l-UE, il-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Kummissjoni Internazzjonali għat-Talbiet għall-Ukrajna, li se tkun responsabbli għar-rieżami, il-valutazzjoni u d-determinazzjoni tat-talbiet għal kumpens għad-dannu, it-telf u l-korriment ikkawżati mir-Russja lill-Ukrajna u lill-poplu Ukren. Din se tkun ukoll responsabbli biex tiddetermina l-ammont ta’ kumpens dovut f’kull każ. Ir-Reġistru tad-Danni Kkawżati mill-Aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna nfetaħ uffiċjalment fit-2 ta’ April 2024 għall-preżentazzjoni ta’ pretensjonijiet bħala l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens. Mill-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa, infetħu aktar minn 140,000 investigazzjoni dwar delitti tal-gwerra fl-Ukrajna. Il-Eurojust ingħatat setgħat ġodda biex iżżomm, tanalizza u taħżen l-evidenza sabiex tiffaċilita l-investigazzjoni ulterjuri tad-delitti tal-gwerra, il-ġenoċidju u d-delitti kontra l-umanità mwettqa fit-territorju tal-Ukrajna. Fl-2023, Iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna (ICPA) tnieda fl-Eurojust, mal-Iskwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta tal-UE.

    Fis-17 ta’ Marzu 2023, il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ħarġet mandat ta’ arrest kontra l-President Vladimir Putin u u s-Sa Maria Lvova-Belova, Kummissarju għad-Drittijiet tat-Tfal fl-Uffiċċju tal-President tal-Federazzjoni Russa, u dan jikkonferma li hemm fatti raġonevoli biex wieħed jemmen li t-tnejn li huma għandhom responsabbiltà kriminali għad-deportazzjoni illegali u għat-trasferiment ta’ tfal Ukreni minn żoni okkupati tal-Ukrajna lejn il-Federazzjoni Russa. Fil-5 ta’ Marzu 2024, il-QKI ħarġet mandati ta’ arrest kontra żewġ kmandanti militari Russi ta’ grad għoli.

    L-UE qed taħdem ukoll f’koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab tal-G7 biex tiżgura li d-dħul minn assi sovrani Russi ffriżati jikkontribwixxi għall-isforzi ta’ rikostruzzjoni u l-ispejjeż militari tal-Ukrajna, f’konformità mal-liġi tal-UE u dik internazzjonali. Mill-EUR 260 biljun tal-assi tal-bank ċentrali tar-Russja madwar id-dinja, EUR 210 biljun huma immobilizzati fl-UE. F’Mejju 2024, il-Kunsill adotta qafas legali biex jippermetti li d-dħul iġġenerat minn dawn l-assi jintuża b’appoġġ għall-Ukrajna. F’Ottubru 2024, il-pajjiżi tal-G7 laħqu ftehim dwar l-użu tad-dħul straordinarju ġġenerat mill-assi biex iservu u jħallsu lura self għall-Aċċellerazzjoni ta’ Dħul Straordinarju (ERA) ta’ USD 50 biljun lill-Ukrajna, li għalih il-kontribuzzjoni tal-UE se tammonta għal EUR 18.1 biljun. B’mod parallel, id-dibattitu kumpless dwar il-legalità u r-riskji relatati dwar l-użu tal-kapital prinċipali jkompli fost l-Istati Membri. Minflok dan, f’April 2026, l-UE adottat self ta’ appoġġ ta’ EUR 90 biljun għall-Ukrajna għall-2026–2027, li għandu jiġi ffinanzjat permezz ta’ self konġunt fis-swieq kapitali u appoġġjat mill-baġit tal-UE. L-Ukrajna hija legalment responsabbli li tħallas lura l-kapital tas-self biss jekk ir-riparazzjonijiet tal-gwerra jitħallsu lilha mir-Russja.

    Taħt Vladimir Putin, u partikolarment mill-2012 ’il quddiem, l-ispazju għall-azzjoni individwali u kollettiva naqas gradwalment iżda sistematikament, permezz ta’ restrizzjonijiet leġiżlattivi u intimidazzjoni mmirata lejn ilħna kritiċi. Matul is-snin, l-awtoritajiet Russi introduċew restrizzjonijiet legali wesgħin fuq “aġenti barranin” u organizzazzjonijiet “mhux mixtieqa” u “estremisti”, immirati lejn mijiet ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), filwaqt li ċ-ċensura tal-media, tal-internet u tal-media soċjali żdiedet b’mod sinifikanti. Atturi tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, akkademiċi u ġurnalisti indipendenti bdew jissejħu “aġenti barranin”, li wassal biex dawn ġew iffastidjati u ntbagħtu l-ħabs, ingħalqu organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet tal-espressjoni, tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni ġew limitati. Il-ġurnaliżmu investigattiv u mmexxi mid-data sfaw fil-mira wkoll, filwaqt li l-media kkontrollata mill-Istat ippromoviet bla heda immaġni ta’ “fortizza taħt assedju” attakkata mill-“Punent kollettiv”. Il-libertà akkademika wkoll ġiet ristretta b’mod drastiku.

    Barra minn hekk, l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016 u tal-2021 u l-elezzjonijiet reġjonali u lokali ta’ Settembru 2022 saru f’ambjent ta’ politika u ta’ media restrittiv, u rriżultaw f’rebħa sinifikanti għall-partit Russja Magħquda ta’ Putin. L-osservaturi elettorali (sal-2016) u l-media indipendenti sabu li l-elezzjonijiet baqgħu ma laħqux l-istandards internazzjonali u kienu mtappna minn frodi, mobilizzazzjoni fuq il-post tax-xogħol, esklużjoni sistematika tal-oppożizzjoni u irregolaritajiet oħra. F’Settembru 2023, il-Federazzjoni Russa organizzat elezzjonijiet reġjonali, inkluż fit-territorji okkupati tal-Ukrajna, li ġew ikkundannati mill-UE u meqjusa illegali u illeġittimi. L-osservaturi elettorali fl-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-votanti Russian Election Monitor u Golos iddikjaraw li kienu saħansitra anqas ġusti u ħielsa mill-elezzjonijiet preċedenti. Id-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini Russi marru għall-agħar sal-punt li dawn l-elezzjonijiet jistgħu jitqiesu nieqsa minn kwalunkwe prinċipju demokratiku ġenwin.

    Wara li kiseb ir-raba’ mandat presidenzjali tiegħu fl-2018, Vladimir Putin orkestra emendi kostituzzjonali fl-2020, li jippermettulu jibqa’ fil-poter wara l-2024 (teoretikament sal-2036). F’Marzu 2024, Vladimir Putin rebaħ il-ħames mandat presidenzjali tiegħu billi kiseb 87.28% b’parteċipazzjoni ta’ 77.44% tal-votanti eliġibbli, f’elezzjoni li tqieset mhux demokratika. Dawn l-“elezzjonijiet” presidenzjali saru f’ambjent ristrett ħafna u fost propaganda qawwija. L-UE ħarġet dikjarazzjoni dwar l-elezzjonijiet presidenzjali Russi li fiha ttenni li ma tirrikonoxxix u qatt mhi se tirrikonoxxi la l-organizzazzjoni ta’ dawn l-hekk imsejħa “elezzjonijiet” fit-territorji tal-Ukrajna u lanqas ir-riżultati tagħhom. Josep Borrell, il-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) f’dak iż-żmien, iddikjara li l-elezzjoni kienet ibbażata fuq liġijiet repressivi, kienet ikkaratterizzata min-nuqqas ta’ kwalunkwe kompetizzjoni kredibbli u media indipendenti, minn persekuzzjoni u detenzjonijiet arbitrarji ta’ mexxejja politiċi tal-oppożizzjoni, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti u kienet ikkaratterizzata wkoll mill-mewt f’daqqa ta’ Alexei Navalny fil-kustodja f’waħda mill-aktar kolonji penali ħarxa tar-Russja. Barra minn hekk, l-elezzjoni mmarkat it-tieni darba konsekuttiva li l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) ma setgħetx tosserva l-elezzjonijiet fil-Federazzjoni Russa (wara l-elezzjonijiet parlamentari tal-2021).

    Wara deċennju ta’ tnaqqis tal-isfera pubblika taħt Vladimir Putin, bdiet żieda ġdida ta’ repressjoni politika interna wara r-ritorn ta’ Alexei Navalny fir-Russja f’Jannar 2021, u din żdiedet b’mod drammatiku mill-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022. Kwalunkwe dissens jew devjazzjoni mill-verżjoni uffiċjali tal-avvenimenti hija kkastigata, u l-ilħna kritiċi fis-soċjetà ġew ikkriminalizzati aktar. L-Indiċi tad-Demokrazija tal-EIU tal-2024 jikkaratterizza lir-Russja bħala “awtoritarja” u jikklassifikaha fil-150 post minn 167 pajjiż. Fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2026, ir-Russja ġiet ikklassifikata fil-172 post minn 180 pajjiż bi kważi l-media indipendenti kollha ġiet ipprojbita jew inkella ġiet soġġetta għal ċensura militari. Ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, Mariana Katzarova, enfasizzat bosta drabi li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja ddeterjorat b’mod sinifikanti mill-invażjoni tal-Ukrajna ’l hawn, b’xejra ta’ trażżin tad-drittijiet ċivili u politiċi.

    Mill-24 ta’ Frar 2022, 20,000 dimostrant kontra l-gwerra ġew detenuti fir-Russja u attwalment hemm aktar minn 6,500 priġunier politiku skont l-OVD-Info. L-UE kkundannat ir-repressjoni sistematika tal-NGOs, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġurnalisti indipendenti, kemm fir-Russja kif ukoll barra minnha, u tkompli tappoġġja lir-Russi li qed jitkellmu jew jipprotestaw kontra l-gwerra fl-Ukrajna. L-UE ripetutament affermat mill-ġdid is-solidarjetà tagħha mar-Russi kollha li tressqu l-qorti, intbagħtu l-ħabs jew ġew intimidati talli komplew jiġġieldu għad-drittijiet tal-bniedem u jgħidu l-verità dwar l-azzjonijiet illegali tar-reġim.

    Fl-2024-2025, il-libertajiet ċiviċi komplew jiżżarmaw bl-estensjoni ta’ liġijiet ġodda, li jippermettu l-prosekuzzjoni ta’ minorenni saħansitra mill-età żgħira ta’ 14-il sena, għal reati ta’ “sabotaġġ”, il-konfiska ta’ proprjetà għal dikjarazzjonijiet kontra l-gwerra, kastigi aktar ħorox għat-tradiment, każijiet kriminali ffabbrikati bl-użu ta’ tortura, theddid u provokazzjonijiet, il-persekuzzjoni ta’ espressjonijiet privati, primarjament fuq l-internet, il-projbizzjoni tal-“aġenti barranin” kollha milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe attività edukattiva, inkluż il-pubblikazzjoni ta’ kotba u lekċers. Mill-2026, iċ-ċensura tal-internet laħqet livelli mingħajr preċedent, b’żieda fil-kontroll tal-istat fuq l-infrastruttura tal-internet li tipprevjeni l-aċċess għal apps globali tal-messaġġi u pjattaformi tal-media soċjali, li progressivament tikkriminalizza l-użu tal-VPN, li ġġiegħel lill-utenti jużaw applikazzjonijiet ikkontrollati mill-istat, kif ukoll li tinforza tfixkil mifrux u għeluq tal-internet mobbli.

    Il-ftehimiet fis-seħħ

    Il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK), iffirmat f’Ġunju 1994, jibqa’ l-bażi legali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja. Oriġinarjament, dan il-ftehim kien validu għal 10 snin, u ġie mġedded awtomatikament kull sena. Il-FSK stabbilixxa qafas għal djalogu politiku u għal kooperazzjoni, inklużi konsultazzjonijiet regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem u summits presidenzjali darbtejn fis-sena. Madankollu, id-djalogi istituzzjonali kollha fl-ambitu tal-FSK ilhom sospiżi mill-2014.

    Fis-summit ta’ San Pietruburgu fl-2003, l-UE u r-Russja qablu li japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom billi ħolqu erba’ “Spazji Komuni” li jkopru: 1) l-ekonomija; 2) il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja; 3) is-sigurtà esterna; u 4) ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-kultura. B’mod parallel, il-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana bejn l-UE, ir-Russja, in-Norveġja u l-Iżlanda ġiet imġedda fl-2007, u ppromwoviet il-kooperazzjoni transfruntiera fir-reġjuni Baltiċi u ta’ Barents. Fl-2008, tnedew negozjati għal ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja biex dan jinkludi “impenji li jorbtu b’mod legali” f’oqsma bħad-djalogu politiku, il-ġustizzja, il-libertà, is-sigurtà, il-kooperazzjoni ekonomika, ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-kultura, il-kummerċ, l-investiment u l-enerġija. Fl-2010 tnediet “Sħubija għall-Modernizzazzjoni”. In-negozjati dwar ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viża ġew konklużi fl-2011. Madankollu, l-invażjoni tar-Russja fil-Krimea wasslet biex jiġu sospiżi dawn it-taħditiet u l-proċessi kollha. Fl-2014, il-Kunsill Ewropew issospenda l-kooperazzjoni mar-Russja (ħlief dwar il-kooperazzjoni transfruntiera u l-kuntatti bejn il-persuni), kif ukoll il-finanzjament ġdid tal-UE wara l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022. Kwalunkwe kooperazzjoni li kien fadal ġiet sospiża.

    Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

    Il-Parlament Ewropew approva l-FSK fl-1997 skont il-“proċedura ta’ kunsens”.

    Il-Parlament adotta sensiela ta’ riżoluzzjonijiet dwar l-Ukrajna li jikkundannaw l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja fl-2014 u r-rwol tagħha fid-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna. Fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni militari strateġika fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja u tat-12 ta’ Marzu 2019 dwar l-istat tar-relazzjonijiet politiċi UE-Russja, il-Parlament appoġġja s-sanzjonijiet tal-UE u enfasizza l-ħtieġa li tingħata assistenza finanzjarja tal-UE aktar ambizzjuża lis-soċjetà ċivili Russa u li jiġu promossi l-kuntatti bejn il-persuni minkejja relazzjonijiet diffiċli. Ir-riżoluzzjoni tal-2019 dwar l-istat tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u r-Russja esprimiet tħassib kbir dwar l-imġiba internazzjonali tar-Russja, b’mod partikolari fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. Ir-riżoluzzjoni kkritikat ukoll id-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fir-Russja u pproponiet li r-Russja ma tibqax titqies bħala “sieħeb strateġiku” tal-UE. F’Settembru 2021, il-Parlament adotta rakkomandazzjoni dwar id-direzzjoni tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u r-Russja li tirrikjedi li l-UE “tiżgura li kwalunkwe impenn ulterjuri mal-Kremlin ikun marbut mal-wegħda tar-Russja li ttemm l-aggressjoni domestika tagħha kontra l-poplu tagħha stess, twaqqaf ir-repressjonijiet sistemiċi tal-oppożizzjoni u ... ta’ priġunieri politiċi, ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tħassar jew temenda l-liġijiet kollha li huma inkompatibbli mal-istandards internazzjonali, bħal dawk dwar l-“aġenti barranin”... u ttemm l-aggressjoni esterna tagħha fil-konfront tal-pajjiżi ġirien”. Huwa jappella biex l-UE jkollha linji ħomor definiti b’mod ċar u biex toqgħod lura milli tkompli bil-kooperazzjoni mar-Russja purament sabiex iżżomm il-kanali ta’ djalogu miftuħa. Jappella wkoll għal viżjoni u strateġija dwar il-futur tar-relazzjonijiet tal-UE ma’ Russja ħielsa, prospera, paċifika u demokratika.

    Qabel l-2014, il-Parlament kien favur ftehim komprensiv ġdid mar-Russja bbażat fuq valuri u interessi komuni. Madankollu, il-Parlament kemm-il darba esprima tħassib qawwi dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-istat tad-demokrazija fir-Russja, pereżempju rigward il-liġijiet kontra l-“propaganda” tal-persuni LGBTIQ+, id-dekriminalizzazzjoni tal-vjolenza domestika mhux aggravata, ir-repressjoni ta’ NGOs indipendenti jew dawk li jirċievu finanzjament minn barra r-Russja, eċċ. Il-Parlament ikkundanna b’mod partikolari l-livelli ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, li qatt ma kien hemm bħalhom qabel, imwettqa kontra r-residenti tal-Krimea, b’mod partikolari t-Tatari tal-Krimea. Fl-2018, talab li jiġi rilaxxat id-direttur tal-films Ukren Oleg Sentsov, li oppona l-annessjoni illegali tal-Krimea, u ngħata l-Premju Sakharov. Sentsov ġie rilaxxat fl-2019 bħala parti minn skambju ta’ priġunieri bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Il-Parlament ikkundanna bil-qawwa l-attentat ta’ qtil ta’ Alexei Navalny fl-2020.

    Mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Parlament adotta bosta riżoluzzjonijiet li jikkundannaw l-aggressjoni tar-Russja u d-delitti mwettqa b’konsegwenza tagħha u esprima l-appoġġ qawwi tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment.

    Matul il-perjodu wara l-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja, il-Parlament appoġġja bil-qawwa s-sanzjonijiet b’saħħithom u effettivi tal-UE bħala strument ewlieni kontra l-Federazzjoni Russa, il-Belarussja u l-alleati tal-Federazzjoni Russa. Appella għall-konfiska ta’ assi Russi ffriżati mill-UE u biex dawn jintużaw bħala għajnuna għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna u bħala kumpens għall-vittmi tal-aggressjoni tar-Russja. Fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar is-sanzjonijiet madwar id-dinja, il-Parlament appella lis-sħab biex jallinjaw ruħhom ma’ dawn is-sanzjonijiet u huwa mħasseb li diversi pajjiżi terzi qed jikkollaboraw mar-Russja biex jgħinuha tevita s-sanzjonijiet.

    Fir-riżoluzzjoni tat-23 ta’ Novembru 2022 tiegħu, il-Parlament irrikonoxxa lir-Russja bħala stat li jisponsorizza t-terroriżmu u bħala stat li juża mezzi terroristiċi, u appella lill-komunità internazzjonali biex tkun magħquda ħalli tiġi stabbilita r-responsabbiltà għad-delitti tal-gwerra, għad-delitti kontra l-umanità u għad-delitt ta’ aggressjoni. F’diversi riżoluzzjonijiet, il-Parlament appella biex il-President Putin, mexxejja Russi oħra u l-alleati Belarussi tagħhom jinżammu responsabbli għad-delitt ta’ aggressjoni li wettqu. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2023, il-Parlament appoġġja l-ħolqien ta’ tribunal internazzjonali speċjali għall-prosekuzzjoni tad-delitt ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna mwettaq mit-tmexxija politika u militari tal-Federazzjoni Russa u l-alleati tagħha, b’mod partikolari l-Belarussja. Jappoġġja wkoll bis-sħiħ l-investigazzjoni li għaddejja mill-Prosekutur tal-QKI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u l-allegati delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju. Il-Parlament laqa’ wkoll il-mandati ta’ arrest tal-QKI li nħarġu għal Vladimir Putin u għal Maria Lvova-Belova, il-Kummissarju għad-Drittijiet tat-Tfal għall-President tar-Russja, minħabba d-deportazzjonijiet illegali ta’ tfal Ukreni lejn it-territorju Russu. F’Mejju 2025, il-Parlament ikkundanna bil-qawwa l-“istrateġija ta’ ġenoċidju” mwettqa mir-Russja, bl-appoġġ tal-Belarussja, imfassla biex tħassar l-identità Ukrena, bit-trasferiment furzat u bid-deportazzjoni ta’ tfal Ukreni, l-adozzjoni illegali, il-qtil u r-Russifikazzjoni u l-militarizzazzjoni furzati tagħhom. F’Marzu 2026, il-Parlament Ewropew ikkundanna r-reklutaġġ koerċittiv tar-Russja ta’ ċittadini barranin, b’mod partikolari mill-Afrika, bħala ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi internazzjonali.

    Il-Parlament ikkundanna wkoll il-falsifikazzjoni sistematika tal-istorja mir-reġim Russu biex jiġġustifika l-gwerra illegali tiegħu kontra l-Ukrajna, in-nuqqas tiegħu li jistabbilixxi r-responsabbiltà għad-delitti Sovjetiċi, il-glorifikazzjoni tiegħu tat-totalitarjaniżmu Stalinista kif ukoll it-tfixkil intenzjonat tiegħu tar-riċerka storika, u jirrifjuta l-isforzi biex tiddgħajjef l-istorja u l-identità tal-Ukrajna.

    Fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2022 dwar “Il-Politika Barranija, ta’ Sigurtà u ta’ Difiża tal-UE wara l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna”, il-Parlament ħeġġeġ lill-VP/RGħ Josep Borrell biex isegwi approċċ olistiku fir-rigward tal-Federazzjoni Russa u jabbanduna kwalunkwe impenn selettiv ma’ Moska fid-dawl tal-atroċitajiet u d-delitti tal-gwerra orkestrati mill-elit politiku tar-Russja u mwettqa mit-truppi Russi, mill-proxies u mill-merċenarji tagħhom fl-Ukrajna u bnadi oħra.

    Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023, il-Parlament irrikonoxxa li l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kienet biddlet is-sitwazzjoni ġeopolitika fl-Ewropa b’mod fundamentali, u għalhekk talab lill-UE tieħu deċiżjonijiet politiċi, tas-sigurtà u finanzjarji ambizzjużi, kuraġġużi u komprensivi u tkompli l-iżolament internazzjonali tal-Federazzjoni Russa.

    Fl-istess waqt, kif stqarr il-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar l-eskalazzjoni min-naħa tar-Russja tal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, huwa jemmen ukoll li l-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istati Membri għandhom jibdew jirriflettu dwar kif jinvolvu ruħhom mar-Russja fil-futur u kif jgħinuha fi tranżizzjoni b’suċċess minn reġim awtoritarju għal pajjiż demokratiku li jirrinunzja għall-politiki reviżjonisti u imperjalisti.

    Qabel ma bdiet il-gwerra ta’ aggressjoni, il-Parlament kien diġà ilu s-snin jikkundanna r-repressjoni interna tar-reġim Russu u d-deterjorament dejjem akbar tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż. Meta r-Russja nediet il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, il-Parlament tenna l-kundanna l-aktar qawwija tiegħu, b’mod partikolari tar-restrizzjonijiet severi imposti fuq il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, id-dritt ta’ għaqda paċifika u ta’ assoċjazzjoni, u r-repressjoni sistematika tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-media indipendenti, l-avukati u l-oppożizzjoni politika. Il-Parlament iddeplora wkoll il-leġiżlazzjoni Russa repressiva għall-aħħar, inkluża dik dwar l-“aġenti barranin” u dwar l-“organizzazzjonijiet mhux mixtieqa”, il-bidliet fil-Kodiċi Kriminali u l-Liġi dwar il-Media tal-Massa, li qed jintużaw biex jitwettaq fastidju ġudizzjarju kontra ilħna ta’ dissens fil-pajjiż u barra minnu u biex idgħajfu l-media indipendenti. Iddenunzja wkoll iċ-ċensura kontinwa li qed tiżdied fir-Russja.

    B’mod partikolari, il-Parlament ikkundanna ripetutament lir-Russja talli bagħtet il-ħabs lil Alexei Navalny, li ngħata l-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew fl-2021. Hekk kif aktar attivisti ġew arrestati u mitfugħa l-ħabs, il-Parlament adotta riżoluzzjoni fis-7 ta’ April 2022 dwar iż-żieda fir-repressjoni fir-Russja u riżoluzzjoni oħra fl-20 ta’ April 2023 li tikkundanna ż-żieda fir-repressjoni fir-Russja, b’mod partikolari l-każijiet ta’ Vladimir Kara-Murza u Alexei Navalny. Bħala parti mill-kampanja “Illiberaw lil Navalny” f’Ġunju 2023, il-Parlament installa replika sħiħa taċ-ċella tal-kastig (Shizo) fejn Alexei Navalny kien qed jiskonta s-sentenza tiegħu ta’ 19-il sena quddiem il-bini tal-Parlament fi Brussell. Fid-29 ta’ Frar 2024, il-Parlament adotta riżoluzzjoni wara l-mewt f’daqqa ta’ Alexei Navalny, ikkwalifikata bħala “qtil” li għalih il-Gvern Russu u Vladimir Putin personalment iġorru responsabbiltà kriminali u politika, u ddenunzja l-eskalazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim Russu. 

    Il-Parlament esprima s-solidarjetà u l-appoġġ tiegħu lill-persuni fir-Russja u fil-Belarussja li jipprotestaw kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u esiġa li l-Istati Membri jipproteġu u jagħtu ażil lir-Russi u lill-Belarussi li huma ppersegwitati talli jitkellmu kontra l-gwerra, kif ukoll lid-diżerturi u lill-objetturi ta’ kuxjenza Russi u Belarussi. Talab ukoll lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkollaboraw mas-soċjetà ċivili u mal-mexxejja demokratiċi Russi u jappoġġja l-ħolqien ta’ ċentru tad-demokrazija għar-Russja, ospitat mill-Parlament Ewropew. Il-President tal-Parlament Ewropew iltaqgħet ma’ rappreżentanti tal-oppożizzjoni Russa fl-2022, u s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem qed jorganizza skambji regolari ta’ fehmiet ma’ ġurnalisti indipendenti u ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni Russi. F’Ġunju 2023, Membri tal-PE individwali organizzaw ukoll diskussjoni madwar mejda dwar il-futur ta’ Russja demokratika li laqqgħet f’daqqa rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, membri tal-PE u rappreżentanti prominenti tal-flussi kollha tal-media ħielsa u tal-oppożizzjoni politika Russi.

    Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni u d-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet mar-Russja organizzaw konferenza b’mod konġunt, u li għaliha stiednu rappreżentanti tal-oppożizzjoni Russa u avukati tad-drittijiet tal-bniedem biex jiddibattu dwar it-tifsira ta’ dawn l-elezzjonijiet presidenzjali reċenti.

    Fil-25 ta’ April 2024, qabel il-waqfa tiegħu, il-Parlament kellu vot importanti li kkonkluda li l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali li saret fir-Russja mill-15 sas-17 ta’ Marzu 2024 kienet illeġittima u mhux demokratikaukkundanna b’mod inekwivoku l-hekk imsejħa elezzjoni illegali mwettqa fit-territorji okkupati temporanjament tal-Ukrajna. Il-Parlament ħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri tal-UE u lill-komunità internazzjonali ma jirrikonoxxux l-eżitu tal-elezzjoni presidenzjali bħala leġittimu, peress li l-elezzjoni la kienet ħielsa u lanqas ġusta, u lanqas ma ssodisfat standards elettorali internazzjonali bażiċi, u b’hekk ma kellhiex leġittimità demokratika.

    Sa mill-bidu tal-għaxar leġiżlatura f’Lulju 2024, il-Parlament Ewropew kien qed jafferma mill-ġdid l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-Ukrajna u kkundanna l-aggressjoni tar-Russja permezz ta’ għadd ta’ riżoluzzjonijiet.

    Ir-relazzjonijiet mal-leġiżlaturi Russi seħħew l-aktar permezz tal-Kumitat Parlamentari ta’ Kooperazzjoni (KPK), li huwa forum interparlamentari stabbilit permezz tal-FSK bejn l-UE u r-Russja. Bejn l-1997 u l-2014, il-KPK serva ta’ pjattaforma stabbli għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni u tad-djalogu bejn id-delegazzjonijiet mill-Parlament u mill-Assemblea Federali Russa. Madankollu, minn Marzu 2014, il-Parlament issospenda dawn il-laqgħat interparlamentari f’konformità mal-miżuri restrittivi tal-UE li ttieħdu b’reazzjoni għall-kriżi tal-Ukrajna. Minkejja dan, id-Delegazzjoni tal-Parlament għall-KPK tal-UE-Russja qed tkompli tiltaqa’ regolarment biex tanalizza u torganizza dibattiti dwar l-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq id-dinja u internament, u b’mod partikolari dwar ir-repressjoni dejjem tikber fuq is-soċjetà ċivili Russa mill-awtoritajiet Russi. F’dan il-kuntest, id-Delegazzjoni jkollha skambji regolari ta’ fehmiet ma’ rappreżentanti tal-oppożizzjoni, mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, mas-soċjetà ċivili, ma’ NGOs u ma’ ġurnalisti indipendenti mir-Russja, kif ukoll ma’ esperti internazzjonali. F’Ġunju 2025, id-Delegazzjoni kellha laqgħa konġunta mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin bil-parteċipazzjoni ta’ Yulia Navalnaya u żewġ eks priġunieri politiċi, Vladimir Kara-Murza u Ilya Yashin.

    Il-Parlament ilu mill-1999 ma jkun mistieden mir-Russja biex josserva l-elezzjonijiet.

     

    DG EXPO