Il-Membri jitqassmu fost 20 kumitat permanenti speċjalizzat.
Dawn il-kumitati jagħmlu proposti leġiżlattivi permezz tal-adozzjoni ta' rapporti, jipproponu emendi għall-Plenarja u jaħtru tim ta' negozjaturi biex imexxu negozjati mal-Kunsill dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE. Jadottaw ukoll rapporti fuq inizjattiva proprja, jorganizzaw seduti ta' smigħ ma' esperti u jagħmlu skrutinju fuq il-korpi u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.
Kumitat huwa kompost minn bejn 25 u 73 membru sħiħ u għadd ekwivalenti ta' sostituti.
Kull kumitat jeleġġi president u sa erba' viċi presidenti fost il-membri sħaħ tiegħu, li flimkien jiffurmaw il-"bureau tal-kumitat", għal mandat ta' sentejn u nofs. Il-kompożizzjoni politika tal-kumitati tirrefletti dik tal-assemblea plenarja.
Il-Parlament jista' wkoll jistabbilixxi sottokumitati u kumitati temporanji speċjali biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi, u għandu wkoll is-setgħa li joħloq kumitati ta' inkjesta biex jinvestigaw allegazzjonijiet ta' ksur jew amministrazzjoni ħażina tad-dritt tal-UE.
Fl-istadju ta' konċiljazzjoni jinħoloq Kumitat ta' Konċiljazzjoni speċifiku.
Il-kumitati parlamentari normalment jiltaqgħu fi Brussell, u x-xogħol tagħhom huwa sostnut minn segretarjat. Id-dibattiti tagħhom isiru fil-pubbliku u, bħala prinċipju, ikunu webstreamed.
Il-presidenti tal-kumitati jikkoordinaw ix-xogħol tal-kumitati fil-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati.