Nilqgħek fil-website tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN), li jipprovdilek ħarsa ġenerali kompluta u dettaljata tal-attivitajiet leġiżlattivi u politiċi tiegħu.
It-trasport u t-turiżmu, żewġ setturi ekonomiċi ewlenin, iħabbtu wiċċhom ma' sfidi enormi biex jissodisfaw it-tħassib taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tal-ambjent u l-klima. L-imġiba personali fir-rigward tal-mobilità, kif ukoll il-mudelli industrijali u ekonomiċi, se jkollhom jinbidlu b'mod drastiku biex l-UE tilħaq il-miri tal-Ftehim ta' Pariġi. Huwa urġenti li jinstabu soluzzjonijiet għal trasport aktar effiċjenti u aktar nadif li jkun disponibbli għaċ-ċittadini kollha u bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd. Huwa importanti wkoll li l-mezzi finanzjarji pprovduti mill-baġit tal-UE jikkontribwixxu b'mod effiċjenti kemm għall-ottimizzazzjoni tal-mobilità kif ukoll għall-protezzjoni tal-ambjent tagħna.
Sfida oħra għas-settur tat-trasport se tkun id-diġitalizzazzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali. Is-sewqan awtonomu, pereżempju, se joħloq kundizzjonijiet ġodda għall-ħaddiema u se jirrikjedi ħiliet ġodda u bidliet fil-qafas tax-xogħol. Il-Kumitat TRAN se jkollu joqgħod attent biex iżomm kundizzjonijiet soċjali tajbin u jtejjeb il-mudell soċjali Ewropew.
Nistieden liċ-ċittadini biex isegwu b'mod regolari l-attivitajiet tal-Kumitat TRAN u jagħmlu kuntatt mal-Membri biex jarrikkixxu d-dibattitu politiku.