Din l-iskeda informattiva tispjega kif u għaliex l-UE tagħti għajnuna umanitarja globalment b’rispons għall-ħtiġijiet f’każ ta’ diżastri kkawżati mill-bniedem jew diżastri naturali. Id-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej tal-Kummissjoni jiffinanzja operazzjonijiet ta’ sokkors u jikkoordina l-politiki u l-attivitajiet tal-Istati Membri. Il-Parlament u l-Kunsill jaġixxu bħala koleġiżlaturi fit-tiswir tal-politika tal-UE dwar l-għajnuna umanitarja u jipparteċipaw fid-dibattitu globali dwar azzjoni umanitarja aktar effettiva.

Il-bażi legali

  • L-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistabbilixxi l-prinċipji għall-azzjoni esterna kollha tal-UE (l-Artikolu 21(2)(g) ikopri l-għajnuna umanitarja);
  • L-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa l-bażi legali għall-għajnuna umanitarja;
  • L-Artikolu 214(5) tat-TFUE huwa l-bażi legali għall-ħolqien ta’ Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja.
  • Il-qafas regolatorju u tal-politika

    Ir-regoli għall-għoti tal-għajnuna umanitarja, inklużi l-istrumenti ta’ finanzjament tagħha, huma stabbiliti fir-Regolament dwar l-Għajnuna Umanitarja (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96). Dan ir-Regolament ma kienx ġie emendat meta strumenti oħra ġew riveduti bi tħejjija għall-qafas finanzjarju pluriennali 2007-2013 (il-baġit fit-tul tal-UE).

    Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja (2007), iffirmat mit-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE (il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament), jiddeskrivi l-qafas ġenerali tal-politika għall-għajnuna umanitarja. Il-Kunsens jiddefinixxi l-viżjoni komuni, l-objettivi tal-politika u l-prinċipji tal-UE dwar għadd ta’ oqsma, inklużi l-kooperazzjoni umanitarja internazzjonali, il-prattiki tajba fil-qasam tad-donazzjonijiet, it-tnaqqis u t-tħejjija tar-riskju, il-protezzjoni ċivili, u r-relazzjonijiet ċivili-militari. Barra minn hekk, il-Kunsens jikkonferma mill-ġdid l-erba’ prinċipji tal-għajnuna umanitarja: l-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza. It-test jipprevedi approċċ aktar koordinat u konsistenti għat-twassil tal-għajnuna, filwaqt li jorbot l-għajnuna umanitarja mal-għajnuna għall-iżvilupp sabiex l-UE tkun tista’ tirrispondi b’mod aktar effettiv għall-ħtiġijiet dejjem jikbru.

    Id-deċiżjoni dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) tal-2019 tirregola l-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam. Din timmodifika deċiżjoni tal-2013 li kienet tittratta l-prevenzjoni, it-tħejjija, ir-rispons u d-dispożizzjonijiet finanzjarji. Ir-regolament dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni (ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369) jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu japplikaw għall-appoġġ tal-UE. Huwa jistabbilixxi wkoll l-azzjonijiet eliġibbli u t-tipi ta’ intervent finanzjarju. Fis-17 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni pproponiet aġġornament tar-regolament dwar l-UCPM biex issaħħaħ il-baġit tiegħu, tintroduċi qafas għall-protezzjoni ċivili mtejjeb u talloka finanzjament biex tindirizza t-theddid għas-saħħa.

    Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2021 bit-titolu “l-azzjoni umanitarja tal-UE:sfidi ġodda, l-istess prinċipji” għandha l-għan li ssaħħaħ l-impatt umanitarju globali tal-UE sabiex tissodisfa d-domanda dejjem akbar għall-għajnuna umanitarja, problema li ġiet aggravata mill-pandemija tal-COVID-19.

    Id-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO) tal-Kummissjoni

    A. Ħarsa ġenerali u impatt

    Skont il-qafas finanzjarju pluriennali, ġew allokati EUR 11.6-il biljun għall-istrument għall-għajnuna umanitarja tal-UE għall-perjodu 2021-2027. Bħala tali, l-UE hija waħda mill-akbar donaturi tal-għajnuna umanitarja fid-dinja, u tipprovdi sehem kbir tal-finanzjament globali għas-sokkors ta’ emerġenza lill-vittmi ta’ diżastri kkawżati mill-bniedem u diżastri naturali. Parti minn dan il-finanzjament tiġi mill-Istati Membri, iżda parti sinifikanti hija derivata mill-baġit tal-UE.

    Fi ħdan il-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO) huwa responsabbli mill-assistenza umanitarja u mill-protezzjoni ċivili. Il-Kummissarju attwali għall-Preparatezza u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet hija Hadja Lahbib. Taħt il-mandat tagħha, id-DĠ ECHO jiffoka l-għajnuna umanitarja tal-UE fuq l-ikel u n-nutrizzjoni, il-kenn, il-kura tas-saħħa, l-ilma u s-sanità, u l-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Minħabba li kiber b’mod sinifikanti mill-ħolqien tiegħu fl-1992, id-DĠ ECHO issa jwettaq il-mandat tiegħu permezz ta’ network ta’ ’l fuq minn 400 espert f’aktar minn 40 uffiċċju fuq il-post madwar id-dinja.

    Ħafna mill-baġit tal-għajnuna umanitarja tal-UE jintuża b’mod indirett. Id-DĠ ECHO ma jimplimentax programmi ta’ assistenza umanitarja huwa stess. Minflok, jiffinanzja operazzjonijiet implimentati mis-sħab tiegħu – jiġifieri organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), aġenziji tan-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Moviment Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar. Il-kompiti ewlenin tad-DĠ ECHO huma li jipprovdi fondi, jivverifika li l-finanzi jkunu ġestiti tajjeb u jiżgura li l-oġġetti u s-servizzi tas-sħab tiegħu jilħqu lill-popolazzjonijiet affettwati b’mod effettiv u rapidu sabiex jirrispondu għall-ħtiġijiet reali.

    Wara li jseħħ diżastru naturali jew avveniment ieħor li jkun jeħtieġ assistenza umanitarja, l-esperti tal-għajnuna umanitarja tad-DĠ ECHO jwettqu valutazzjoni inizjali tas-sitwazzjoni fil-post. Il-fondi jiġu żborżati malajr abbażi ta’ din il-valutazzjoni – dan huwa l-“approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet” li jiddefinixxi l-ħidma tad-DĠ ECHO. L-għajnuna titwassal permezz ta’ aktar minn 200 sieħeb li magħhom id-DĠ ECHO ffirma ftehimiet kuntrattwali ex ante. L-istruttura tad-DĠ ECHO tiżgura li l-fondi jintużaw b’mod trasparenti u li s-sħab jibqgħu responsabbli. Filwaqt li, b’mod ġenerali, l-għajnuna umanitarja tal-UE se tkompli titwassal mis-sħab umanitarji tal-UE, il-UCPM u l-Kapaċità ta’ Rispons Umanitarju Ewropew jippermettu lid-DĠ ECHO joffri għajnuna diretta limitata lill-pajjiżi fil-bżonn wara diżastri meta l-mekkaniżmi tradizzjonali ta’ twassil umanitarju permezz tas-sħab tal-UE jew il-kapaċitajiet tagħhom jistgħu jkunu ineffettivi jew insuffiċjenti.

    Għall-2026, id-DĠ ECHO jista’ jimpenja EUR 1.9 biljun biex jindirizza l-ħtiġijiet globali għoljin. Fi snin reċenti, il-baġit umanitarju inizjali tal-UE żdied regolarment permezz ta’ trasferimenti addizzjonali, bi flus li jiġu primarjament mir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza tal-UE (SEAR) u minn riallokazzjoni minn linji baġitarji oħra.

    Fil-komunikazzjoni tagħha tal-2021 dwar l-azzjoni umanitarja tal-UE, il-Kummissjoni wissiet dwar distakk dejjem akbar bejn il-livell dejjem jiżdied tal-ħtiġijiet umanitarji u r-riżorsi finanzjarji disponibbli globalment. Id-DĠ ECHO jistma li 239 miljun persuna jeħtieġu assistenza umanitarja fl-2026. F’Diċembru 2025, in-NU appellat għal USD 33 biljun f’fondi biex tindirizza dawn il-ħtiġijiet fl-2026. Problema li tikkomplika l-għoti tal-assistenza umanitarja hija l-bażi limitata ħafna ta’ donaturi globali. Fl-2023, it-tliet donaturi prinċipali -, l-Istati Uniti, il-Ġermanja u l-UE, - ammontaw għal 54% tal-fondi disponibbli globalment.

    B. Il-prijoritajiet ta’ politika

    Id-DĠ ECHO qed jaħdem biex itejjeb ir-rispons tiegħu għall-emerġenzi u jipprovdi assistenza lill-pajjiżi mhux fl-UE biex dawn isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom stess sabiex jirrispondu għall-kriżijiet u jikkontribwixxu għal żvilupp fit-tul. Il-koordinazzjoni tal-għajnuna umanitarja u tal-għajnuna għall-iżvilupp kif ukoll il-qerda taċ-ċiklu vizzjuż tat-tibdil fil-klima, il-ġuħ u l-faqar huma objettivi ewlenin għall-UE.

    L-attivitajiet ta’ tħejjija għad-diżastri huma wkoll parti mill-enfasi tad-DĠ ECHO fuq ir-reżiljenza. L-UE għandha rwol importanti fit-tfassil tal-isforzi tal-komunità internazzjonali fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. L-UE tappoġġja l-qafas ta’ Sendai għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri tal-2015 u ħarġet il-pjan ta’ azzjoni ta’ Sendai tagħha għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri fl-2016. Il-pjan jissimplifika approċċ infurmat dwar ir-riskji ta’ diżastri għat-tfassil tal-politika u jipproponi attivitajiet konkreti li jappartjenu għall-għarfien tar-riskju, l-investimenti ta’ riskju, it-tħejjija għad-diżastri u r-reżiljenza. Il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni dwar ir-reżiljenza fl-2012, li ġiet riveduta fl-2017. Din għandha l-għan li tiddefinixxi approċċ strateġiku għar-reżiljenza li jista’ jamplifika l-impatt tal-azzjoni esterna tal-UE. Dan l-approċċ issaħħaħ aktar taħt l-istrateġija l-ġdida tal-UE għal unjoni tal-preparatezza, ippubblikata fl-2025. L-istrateġija tispeċifika li l-preparatezza u r-reżiljenza għandhom jiġu integrati b’mod sistematiku fis-sħubijiet esterni tal-UE.

    Minħabba l-għadd kbir ta’ refuġjati u ta’ persuni spostati f’sitwazzjonijiet li spiss idumu għal ħafna żmien, fl-2016 l-UE qablet li toħloq approċċ aktar b’saħħtu orjentat lejn l-iżvilupp fir-rigward tal-ispostament furzat. L-UE tqiegħed enfasi akbar fuq l-appoġġ tal-inklużjoni soċjoekonomika ta’ persuni spostati b’mod furzat u fuq l-indirizzar tal-kawżi profondi ta’ spostament fit-tul, bi qbil mal-Qafas ta’ Rispons Komprensiv għar-Refuġjati tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u l-approċċ tal-Bank Dinji fir-rigward tal-ispostament furzat.

    L-UE u l-Istati Membri tagħha kellhom rwol importanti fis-Summit Umanitarju Dinji li sar f’Mejju 2016 f’Istanbul. L-UE nnifisha ħadet 100 impenn sabiex tikkontribwixxi għall-Aġenda għall-Umanità, li kienet ippreżentata fis-summit mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, u biex timplimenta l-Grand Bargain, patt innovattiv ġdid bejn diversi atturi umanitarji biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-effettività finanzjarji. Sussegwentement, dan ġie mmodifikat għall-Grand Bargain 2.0 fl-2021 u għall-Grand Bargain 3.0 fl-2023. Il-patt jenfasizza l-importanza tas-sħubijiet ma’ organizzazzjonijiet lokali bbażati fuq l-ekwità u l-prinċipji kif ukoll l-obbligu ta’ rendikont tal-għajnuna lill-persuni affettwati.

    L-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għadhom prijoritajiet għad-DĠ ECHO, li introduċa indikatur tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għal operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja. F’konformità mal-ħtieġa li tingħata prijorità lill-aktar gruppi vulnerabbli, l-appoġġ tal-edukazzjoni tat-tfal f’emerġenzi huwa qasam fokali ieħor.

    C. Strumenti oħrajn

    L-assistenza tal-UE tinkludi tliet strutturi oħra: il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM), il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u qafas legali ġdid biex jingħata appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni.

    • Oriġinarjament stabbilit fl-2001, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili issa jinvolvi l-Istati Membri tal-UE flimkien ma’ sitt stati parteċipanti oħra: il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Iżlanda, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Serbja u t-Turkija. Il-mekkaniżmu tal-UE jibni fuq sensiela ta’ għodod: (1) ir-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili, li tipprovdi riżerva volontarja ta’ mezzi ta’ rispons diġà impenjati mill-istati parteċipanti u proċess strutturat biex jiġu identifikati lakuni potenzjali fil-kapaċitajiet; (2) iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza, li jiffunzjona bħala ċ-ċentru operazzjonali u jiffaċilita l-koordinazzjoni fl-interventi ta’ protezzjoni 24/7; (3) is-Sistema Komuni ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni f’każ ta’ Emerġenza, li timmira li ttejjeb il-komunikazzjoni ta’ emerġenza permezz ta’ applikazzjoni web ta’ allert u notifika u (4) network ta’ esperti mħarrġa disponibbli fi żmien qasir. Il-UCPM issaħħaħ fl-2019 permezz tal-ħolqien ta’ rescEU, riżerva ġdida ta’ kapaċitajiet li diġà kienet operazzjonali matul l-istaġun tan-nirien forestali fl-2019. Din hija riżerva strateġika ta’ kapaċitajiet u ħażniet Ewropej ta’ rispons għad-diżastri, iffinanzjata kollha mill-UE. Hija tinkludi flotta ta’ ajruplani u ħelikopters tat-tifi tan-nar, ajruplan ta’ evakwazzjoni medika u diversi ħażniet essenzjali. Dawn jinkludu sptarijiet fuq il-post, assi tat-trasport, oġġetti tal-enerġija u tal-kenn, provvisti mediċi kritiċi, u tagħmir li jirrispondi għal emerġenzi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari. Il-kapaċitajiet ta’ rescEU u taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza għandhom jiġu estiżi skont l-istrateġija l-ġdida tal-UE għal unjoni tal-preparatezza.
    • Il-Kapaċità ta’ Rispons Umanitarju Ewropew (EHRC) hija l-aktar għodda ġdida għall-għajnuna umanitarja tal-UE. L-EHRC, essenzjalment, iżżid il-kapaċità tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili. Proposta l-ewwel mill-Kummissjoni fl-2021 u stabbilita fl-2022, l-EHRC hija magħmula minn sett ta’ għodod operazzjonali biex tipprovdi assistenza rapida fi kriżijiet, b’mod partikolari meta t-twassil umanitarju permezz tas-sħab tal-UE jew il-kapaċitajiet tagħhom jistgħu jkunu ineffettivi jew insuffiċjenti. L-EHRC għandha tliet għodod: is-servizzi loġistiċi komuni, ħażniet prepożizzjonati ta’ provvisti ta’ għajnuna umanitarja, u esperti tas-saħħa u tal-loġistika. Dawn huma mobilizzati permezz taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza, abbażi ta’ evalwazzjoni u valutazzjoni minn qabel tal-kriżijiet. Sa mill-bidu tagħha, l-EHRC irrispondiet għal aktar minn 12-il kriżi.
    • Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (mill-2021 sal-2027) huwa programm li joħloq opportunitajiet ta’ volontarjat fil-qasam tal-għajnuna umanitarja. Dan jinkludi l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE preċedenti, imnedija f’Marzu 2014. Il-Kummissjoni tipprovdi finanzjament fil-forma ta’ għotjiet lill-organizzazzjonijiet, li mbagħad jagħżlu żgħażagħ (ta’ bejn it-18 u t-30 sena) għal opportunitajiet ta’ volontarjat permezz tal-portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-baġit għall-perjodu mill-2021 sal-2027 huwa EUR 1 biljun.
    • Il-Kunsill adotta regolament dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni fil-15 ta’ Marzu 2016 bl-għan li jirrispondi għas-sitwazzjoni umanitarja diffiċli kkawżata mill-kriżi tar-refuġjati li laqtet lill-UE dak iż-żmien. Ir-regolament jippermetti lill-UE tgħin lill-Istati Membri milquta biex jindirizzaw il-ħtiġijiet umanitarji tar-refuġjati. Ir-regolament jista’ wkoll jintuża fil-futur biex jirrispondi għal kriżijiet jew diżastri eċċezzjonali oħra b’konsegwenzi umanitarji gravi, bħal inċidenti nukleari jew attakki terroristiċi. Id-DĠ ECHO huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu.
    • Enfasi ewlenija tal-għajnuna umanitarja tal-UE hija li tiġi pprovduta assistenza lill-Ukrajna biex tindirizza wħud mid-diffikultajiet ikkawżati mill-invażjoni tar-Russja fl-2022. Minn Frar 2022, l-UE allokat aktar minn EUR 1.4 biljun fi programmi ta’ assistenza umanitarja fl-Ukrajna biex tgħin liċ-ċivili affettwati mill-gwerra. Dawn il-fondi ntużaw biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tan-nies, inklużi l-ikel, il-kenn u s-servizzi tas-saħħa. L-assistenza ta’ emerġenza lill-Ukrajna hija l-akbar operazzjoni kkoordinata mill-UCPM sa issa, b’aktar minn 155,000 tunnellata ta’ għajnuna mogħtija sa Jannar 2025.

      Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

      Fil-qasam tal-politika dwar l-għajnuna umanitarja, il-Parlament jaġixxi bħala koleġiżlatur mal-Kunsill. Il-bażi legali għall-politika dwar l-għajnuna umanitarja proposta mill-Kummissjoni (fil-forma ta’ regolamenti) tiġi nnegozjata - kemm mal-Kunsill kif ukoll mal-Parlament, u tiġi approvata jew irrifjutata - minnhom, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja tal-UE. Il-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni jitressqu wkoll quddiem il-Parlament, li għandu setgħat ta’ sorveljanza. Fi ħdan il-Parlament, l-għajnuna umanitarja taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kumitat għall-Iżvilupp (DEVE), u l-protezzjoni ċivili taqa’ taħt il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI).

      Barra minn hekk, il-Parlament jimmonitorja t-twassil tal-għajnuna umanitarja u jfittex li jiżgura li d-dispożizzjonijiet baġitarji jersqu eqreb lejn il-ħtiġijiet umanitarji globali. Il-Parlament issottolinja b’mod regolari l-ħtieġa li jiżdied l-finanzjament għall-għajnuna umanitarja u insista li jingħalaq id-distakk dejjem akbar bejn il-ħtiġijiet umanitarji globali u l-finanzjament disponibbli, l-aktar reċenti fi Jannar 2026 fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ għajnuna umanitarja fi żmien ta’ polikriżi – naffermaw mill-ġdid il-prinċipji tagħna għal rispons aktar effettiv u ambizzjuż għall-kriżijiet umanitarji.

      Il-Kumitat DEVE, u l-Parlament inġenerali, ippruvaw ukoll - permezz ta’ opinjonijiet u riżoluzzjonijiet, inklużi rapporti fuq inizjattiva proprja - jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet strateġiċi u l-orjentazzjonijiet ta’ politika tal-Kummissjoni, pereżempju dwar il-kontribut tal-UE għas-Summit Umanitarju Dinji, l-edukazzjoni f’emerġenzi u r-rispons għat-tifqigħa tal-Ebola. Il-Parlament jirrieżamina l-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni u l-istrateġija operazzjonali tad-DĠ ECHO. Il-Kummissarju għall-Preparatezza u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet jiġi mistieden b’mod regolari għal skambji ta’ fehmiet mal-Kumitat DEVE. Il-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, adottat fl-2007, kien influwenzat fil-biċċa l-kbira mill-pożizzjonijiet sodi adottati mill-Parlament. Il-Parlament sostna wkoll kwistjonijiet ta’ politika oħra, bħar-reżiljenza, is-sigurtà tal-ikel u r-rabta bejn l-assistenza umanitarja u l-assistenza għall-iżvilupp.

      Biex tissaħħaħ is-sorveljanza tal-Parlament fuq l-għajnuna umanitarja, sa mill-2006, kull sentejn u nofs il-Kumitat DEVE jaħtar rapporteur permanenti għall-għajnuna umanitarja. Ir-rapporteur attwali hija Leire Pajín (S&D, Spanja). Il-mandat tagħha jinkludi d-difiża tal-interessi tal-baġit tal-għajnuna umanitarja, il-monitoraġġ tal-programmi tal-għajnuna umanitarja u ż-żamma ta’ kuntatt mill-qrib mal-komunità tal-għajnuna umanitarja.

      Din l-iskeda informattiva titħejja mill-Unità tal-Analiżi u l-Appoġġ tal-Politiki Esterni tal-Parlament Ewropew. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għall-Iżvilupp.

       

      Malte Frederik Hergaden