Il-Parlament Ewropew
fl-azzjoni
Punti Prinċipali 1999-2004

 
Il-Parlament Ewropew
Riforma ta’ l-UE
Tkabbir
Id-drittijiet taċ-ċittadini
Il-Ġustizzja
u l-affarijiet ta’ l-intern
Relazzjonijiet barranin
Protezzjoni Ambjentali /
tal-Konsumatur
Trasport / Politika Reġjonali
Agrikoltura / Sajd
Il-politika agrikola komuni
Il-politika tas-sajd komuni
Il-politika ekonomika
u monetarja
Il-Politika ta’ l-Impjiegi
u Soċjali / Drittijiet tan-nisa
Suq intern / Industrija / Enerġija / Riċerka
 

EPP-ED PSE Group ELDR GUE/NGL The Greens| European Free Alliance UEN EDD/PDE


Titnaqqas id-daqqa tar-riforma fis-sajd

F’April 2002 il-Kummissjoni Ewropea ħabbret riforma sħiħa fil-Politika tas-Sajd Komuni (PSK) kontra sfond ta’ skorti tal-ħut li qegħdin jonqsu u r-riċessjoni fl-industrija tas-sajd. Il-Parlament Ewropew, filwaqt li qabel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li s-sajd isir aktar sostennibbli, wera t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tar-riforma fuq l-impjiegi u l-komunitajiet lokali. Iddubita mill-affidabilità tad-data xjentifika wżata u ħoloq kampanja ta’ suċċess sabiex jitnaqqas l-effett ħażin tar-riforma.
 
Is-sehem globali tas-settur tas-sajd mill-prodott gross domestiku ta’ l-Istati Membri ta’ l-EU huwa anqas minn 1% iżda huwa kruċjali għal ħafna komunitajiet lokali fl-Ewropa, b’mod partikolari b’reġjuni mwarrba bħall-Galicia u l-Iskozja. L-aħħar figuri (1997) juru li t-total ta’ xogħlijiet relatati mas-sajd fl-UE kien ta’ 526,034, li jinkludu xogħol full-time, part-time, staġjonali u ta’ proċessar kif ukoll fl-akwakultura, il-marketing u t-tiswija tal-vapuri. Madankollu l-industrija hija mhedda minħabba t-tnaqqis fl-iskorti tal-ħut. Il-konsumaturi qegħdin isibu li l-ħut favorit tagħhom ma għadux jinstab fil-ħwienet jew huwa għoli wisq, bl-ispeċi l-aktar mhedda jinkludu l-bakkaljaw, il-merluzz, il-lingwata, il-ballottra, l-awwista tan-Norveġja u l-inċova, skond ir-reġjun.

Għalkemm l-ewwel leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-industrija tas-sajd ilha mill-1970, il-PSK ġiet stabbilita biss fl-1983 wara snin ta’ negozjati. Hija magħmula minn erba’ partijiet prinċipali: il-konservazzjoni ta’ l-iskotra; ir-regoli tas-suq; kwistjonijiet strutturali bħall-finanzjament tal-bastimenti, faċilitajiet fil-portijiet u impjanti ta’ pproċessar tal-ħut; politika barranija, inklużi ftehim dwar is-sajd ma’ pajjiżi mhux ta’ l-UE.

Fi fluss ta’ abbozzi ta’ leġiżlazzjoni ppublikati f’perjodu ta’ sena, il-Kummissjoni għażlet firxa kbira ta’ proposti sabiex tirriforma l-PSK. Il-Parlament għandu biss rwol konsultattiv f’din il-politika, u l-aħħar kelma hija tal-gvernijiet li jiltaqgħu fil-Kunsill tal-Ministri. Iżda l-MPE imbuttaw ħafna għal tibdiliet fi proposti f’numru ta’ oqsma.
 
Wisq dgħajjes

Il-Kummissjoni ġabet l-argument li kien hemm il-ħtieġa ta’ riformi ta’ importanza kbira minħabba li l-PSK ma kienitx qegħda taħdem. Fil-verità, “wisq dgħajjes kienu qegħdin jiġru wara ftit wisq ħut”, bir-riżultat li ħafna mill-iskorti bdew jonqsu malajr, filwaqt illi tħallew ftit barra l-limiti bijoloġiċi sikuri, u tnaqqset il-profittabilità tas-settur, meta fil-perjodu 1990-98 kienu diġà ntilfu 66,000 xogħol fis-sajd.

Sabiex tiġi ttratta l-kapaċità żejda, il-Kummissjoni ssuġġerit li jitwaqqfu s-sussidji ta’ l-UE għall-bini ta’ bastimenti ġodda sa l-1 ta’ Jannar 2003, u l-flus imġemmgħin jintużaw għall-għajnuna tar-rimi ta’ bastimenti eżistenti.

Madankollu, il-MPE kienu anzjużi li jillimitaw l-impatt tar-riforma tal-PSK fuq il-komunitajiet tas-sajd, għax qalu illi is-sostennibilità għandha tfisser li jerġgħu jiġu miżjuda l-iskorti mingħajr ma tpoġġi fil-periklu s-soppravivenza ta’ komunitajiet bħal dawn. Il-Parlament għalhekk kien kontra t-tneħħija mmedjata tal-fondi tal-Komunità għall-bini ta’ bastimenti ġodda, għax qal li dan kien inġust fuq impriżi li kienu għamlu l-pjanijiet tagħhom bil-ħsieb illi sejrin jirċievu fondi bħal dawn sa l-2006. Il-MPE emmnu wkoll illi l-flotta setgħet tiġi mnaqqsa filwaqt illi jibqgħu is-sussidji u rrimarkaw illi xorta kienu hemm bżonn ta’ bastimenti ġodda u aħjar sabiex jitjiebu l-ambjent u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Xi gvernijiet nazzjonali qablu ma’ dawn l-argumenti u fl-aħħar il-Kunsill qabel fuq kompromess li taħtu l-għajnuna ta’ l-UE tibqa’ iżda biss sa l-aħħar ta’ l-2004.
 
Ftit wisq ħut

Il-Kummissjoni ipproponiet ukoll “pjanijiet ta’ ġestjoni multi-annwali” ġodda fuq medda ta’ żmien twil għal speċi ta’ ħut individwali. Issuġġeriet illi bħala parti minn dawn il-pjanijiet għandhom jiġu stabbiliti għall-ewwel darba livelli ta’ qbid. Taħt ir-regoli l-qodma, il-gvernijiet nazzjonali dejjem kellhom sessjoni annwali ta’ negozjati sabiex jistabbilixxu l-qbid, sistema ta’ spiss ikkritikata – l-aktar mis-sajjieda nfushom – għax tagħmel kull tip ta’ pjan fuq parjodu ta’ żmien medju kważi impossibbli.

Il-MPE għarfu l-ħtieġa ta’ pjanijiet għall-irkupru fuq perjodu ta’ żmien twil għal speċi fil-periklu. Madankollu, huma beżgħu illi jekk il-Kummissjoni jkollha l-poter li tistabbilixxi livelli ta’ qbid, hija tagħżel l-irkupru ta’ malajr ta’ l-iskorti fil-periklu permezz ta’ tnaqqis kbir fil-qabda, u b’hekk jikkawżaw tbatija kbira fil-komunitajiet tas-sajd. Il-Kunsill qabel mal-Parlament fuq iż-żewġ kwistjonijiet, u għalhekk ġew introdotti pjanijiet fuq perjodu ta’ żmien twil iżda l-gvernijiet xorta sejrin ikollhom l-aħħar kelma dwar il-qbid.

Il-MPE qablu mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġi msaħħaħ il-kontroll ta’ l-Istati Membri fuq iż-żoni tal-kosta tat-12-il mil, meqjusa bħala vitali għas-sopravivenza tas-sajd fuq skala żgħira. Il-Kunsill aċċetta is-suġġeriment tal-Parlament illi dawn iż-żoni jkunu ppreservati sa Diċembru 2012.
 
L-infurzar tar-regoli

Il-proposti ta’ riforma kellhom ukoll l-għan illi isaħħu il-PSK, minħabba li s-sajjieda ta’ spiss jilmentaw li l-ħlas tal-ksur tar-regoli ivarja ħafna madwar l-UE. Il-Parlament għalhekk, żamm ma’ l-aġir tal-Kummissjoni sabiex toħloq kamp ugwali billi ddaħħal firxa ta’ miżuri ma’ l-UE kollha għall-ittrattar ta’ ksur tal-liġi serju.

Il-MPE approvaw l-idea tal-ħolqien ta’ Kunsilli Reġjonali ta’ Konsulenza fejn xjenzjati, sajjieda, ambjentalisti u partijiet interssati oħra jistgħu joffru l-għarfien lokali lil min jagħmel il-politika, b’mod speċjali fuq l-istat ta’ l-iskorti.
 
It-tkabbir tal-ħut

Il-pjanijiet tal-Kummissjoni li tgħin lill-akwakultura (it-tkabbir tal-ħut), li dan l-aħħar għaddiet minn tkabbir kbir, ġew appoġġjati mill-Parlament, b’mod speċjali minħabba li dan is-settur jista’ jipprovdi xogħlijiet f’postijiet mal-kosta fejn is-sajd tradizzjonali qiegħed jispiċċa. Il-MPE talbu għal għajnuna akbar mill-UE sabiex tgħin f’li t-tkabbir tal-ħut itejjeb l-impatt ambjentali u d-dehra pubblika tiegħu.
 
Il-politika barranija tas-sajd

Bħalissa, l-UE għandha madwar 20 ftehim għas-sajd ma’ Stati mhux ta’ l-UE, l-aktar pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, illi jagħtu permess lill-bastimenti tal-Komunità li jistadu fl-ilmijiet teritorjali tagħhom. Il-Parlament jappoġġja bil-qawwi dawn il-ftehim, li jipprovdu direttament 30,000 xogħol fil-partijiet tat-tarf ta’ l-UE, u għalhekk irid li n-numru tal-ftehim jiżdied.

Il-ħut maqbud taħt dan il-ftehim jammonta għal 20% tal-qbid totali tal-Komunità, u jirrappreżenta valur ta’ madwar €1 biljun wara li l-ħut jiġi pproċessat. Il-Komunità diġà timporta madwar 50% tal-ħut illi teħtieġ u fl-2001 kienet it-tieni l-akbar importatur tal-ħut fid-dinja, għalhekk dan il-qbid minn sajjieda tal-Komunità jitqies bħala vitali.

F’dokument ippubblikat f’Diċembru ta’ l-2003, il-Kummissjoni saħqet illi l-UE għandha tintegra aħjar il-kwistjonijiet ambjentali u ta’ żvilupp fil-ftehim għas-sajd iffirmati ma’ pajjiżi mhux ta’ l-UE. Dawn il-ftehim isiru “sħubiji¨, bil-għan illi jgħinu lill-pajjiżi ifqar itejbu il-politika ta’ konservazzjoni u ta’ nfurzar tagħhom, filwaqt illi jsaħħu wkoll l-abilità tagħhom illi jipproċessaw il-ħut u b’hekk jaqilgħu il-valur miżjud huma stess.

Il-MPE qablu ma’ l-emfasi fuq is-sostennibiltà għax sostnew illi l-ftehim ma għandux jiġi ffirmat jekk l-iskorti tal-pajjiż huma diġà sfruttati żżejjed. Il-Parlament sostna, iżda illi l-aspetti kummerċjali u ta' żvilupp tal-ftehim għandhom jiġu murija b’mod ċar, b’mod partikolari fil-baġit. Huwa talab lill-Kummissjoni sabiex tipprepara għall-konsegwenzi baġitarji ta’ l-iffirmar ta’ numru ta’ ftehim ġdid fil-futur qarib. Fakkar ukoll illi n-nefqa tal-baġit ta’ l-UE għal dawn il-ftehim fil-fatt naqas minn €278.5 miljun fl-1996 għal anqas minn €200 miljun fl-2003.


  
Relaturi:
  
Harsa lejn ir-riforma tal-PKS: Struan Stevenson (EPP-ED, UK)
Konservazzjoni u amministrazzjoni tar-rizorsi: Salvador Jové Peres (GUE-NGL, E)
Politika tal-flotta: ghajnuna strutturali: Daniel Varela Suanzes-Carpegna (EPP-ED, E)
Politika tal-flotta – mekkanizmu ta’ skrappjar ta’ emergenza: Daniel Varela Suanzes-Carpegna (EPP-ED, E)
Pjan ta’ azzjoni dwar mizuri socjo-ekonomici: Giovanni Claudio Fava (PES, I)
Sajd fil-Meditterran: Giorgio Lisi (EPP-ED, I)
Akwakultura: Hugues Martin (EPP-ED, F)
Ftehim ma’ Pajjizi Terzi: Arlindo Cunha (EPP-ED, P) - m’ghadhiex aktar Membru tal-Parlament Ewropew
Karta Hadra dwar ir-Riforma tal-PSK: Rosa Miguélez Ramos (PES, E)
  
Atti finali pubblici fil-Gurnal Ufficjali :
  
Harsa lejn ir-riforma tal-PKS – test adottat mill-Parlament
Konservazzjoni u amministrazzjoni tar-rizorsi 
Politika tal-flotta: ghajnuna strutturali
Politika tal-flotta – mekkanizmu ta’ skrappjar ta’ emergenza
Pjan ta’ azzjoni dwar mizuri socjo-ekonomici – test adottat mill-Parlament
Sajd fil-Meditterran - test adottat mill-Parlament
Akwakultura - test adottat mill-Parlament
Ftehim ma’ Pajjizi Terzi - test adottat mill-Parlament
Karta Hadra dwar ir-Riforma tal-PSK 

 

 

 
  Publishing deadline: 2 April 2004