Il-politika lingwistika
Din l-iskeda informattiva tispjega kif il-multilingwiżmu, valur ewlieni tal-UE, huwa appoġġjat permezz ta’ studji barra mill-pajjiż, skambji interkulturali u tagħlim tal-lingwi. Tiddeskrivi l-appoġġ tal-UE għas-setturi letterarji u awdjoviżivi fit-tixrid tax-xogħlijiet fil-lingwi kollha tal-UE u dawk minoritarji. L-iskeda informattiva tkompli billi tispjega r-rwol tal-Parlament Ewropew fit-tfassil tal-politika lingwistika tal-UE.
Il-bażi legali
- L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jiddikjara li l-Unjoni “għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha”.
- L-Artikolu 165(1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jenfasizza li “[l]-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun immirata lejn l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, partikolarment permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi tal-Istati Membri”, filwaqt li jiġu rispettati għalkollox id-diversità kulturali u dik lingwistika.
- L-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa u jixħtu obbligu fuq l-Unjoni li tirrispetta d-diversità lingwistika.
- Ir-Regolament Nru 1 tal-Komunità Ekonomika Ewropea, li jmur lura għall-1958 u li ddetermina l-lingwi li kellhom jintużaw minn dik li qabel kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea, ġie emendat wara adeżjonijiet sussegwenti mal-UE. Ir-regolament jiddefinixxi l-24 lingwa uffiċjali tal-UE, flimkien mal-Artikolu 55(1) tat-TUE. Id-dispożizzjonijiet tar-regolament u tal-Artikolu 24 tat-TFUE jistipulaw li kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jikteb lil kwalunkwe istituzzjoni jew korp tal-UE b’waħda minn dawk il-lingwi u jirċievi tweġiba bl-istess lingwa.
L-objettivi
L-UE tgħix bil-motto “Magħquda fid-diversità”, għalhekk id-diversità lingwistika hija valur fundamentali u realtà tal-ħajja fl-UE.
Il-politika lingwistika tal-UE għandha l-għan li tippromwovi r-rispett għad-diversità lingwistika fl-Istati Membri kollha u trawwem djalogu interkulturali fl-UE kollha. L-UE tappoġġja l-apprendiment ta’ lingwi barranin bħala kompetenza bażika li tagħti aċċess għal opportunitajiet ta’ edukazzjoni u impjieg. Fil-fatt, objettiv importanti taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, fejn is-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE jikkollaboraw biex isiru aktar b’saħħithom u aktar inklużivi, huwa li jittejjeb it-tagħlim tal-lingwi sabiex isir standard għan-nies fl-UE li jitkellmu żewġ lingwi minbarra l-lingwa materna tagħhom stess (ara l-komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-edukazzjoni u l-kultura). L-UE għandha wkoll l-objettiv li tipproteġi l-lingwi minoritarji abbażi tal-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa.
Objettiv tal-Programm Ewropa Kreattiva 2021–2027 huwa li jissalvagwardja, jiżviluppa u jippromwovi d-diversità u l-wirt kulturali u lingwistiċi Ewropej. Il-programm suċċessur propost, AgoraEU (2028–2034), iżomm dan l-għan ġenerali. Il-fergħa l-ġdida Media+ taħt AgoraEU tipproponi wkoll li tappoġġja l-kontenut awdjoviżiv multilingwi.
Il-kisbiet
A. L-evoluzzjoni tal-politiki u l-appoġġ għar-riċerka fil-qasam lingwistiku
1. L-appoġġ għall-apprendiment tal-lingwi
Fit-22 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta rakkomandazzjoni dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi. Il-Kunsill jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu t-tagħlim tal-lingwi fl-edukazzjoni obbligatorja, b’mod partikolari billi jiżguraw li aktar għalliema tal-lingwi jkollhom l-opportunità li jitgħallmu u jgħallmu barra mill-pajjiż. Iħeġġeġ ukoll l-użu ta’ metodi ta’ tagħlim innovattivi, appoġġjati minn għodod diġitali bħall-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel, id-dar tal-proġett eTwinning. L-eTwinning hija komunità online bla ħlas għall-persunal tal-iskejjel madwar l-Ewropa li tippermetti li dan il-persunal jikkollabora fuq proġetti, jaqsam l-ideat, u jinvolvi ruħu fl-iżvilupp professjonali.
2. Indikaturi standard tal-kompetenza lingwistika
L-UE tippromwovi wkoll l-użu tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi tal-Kunsill tal-Ewropa. Din l-għodda ġiet imfassla biex tipprovdi bażi trasparenti, koerenti u komprensiva li minnha jiġu elaborati kotba tal-iskola u linji gwida tal-kurrikulu, jiġi ddisinjat il-materjal tat-tagħlim u tal-apprendiment, u tiġi vvalutata l-profiċjenza f’lingwa barranija. Issa qed tintuża b’mod wiesa’ fl-Ewropa u f’kontinenti oħra.
3. Il-kollaborazzjoni ma’ ċentri ta’ riċerka dwar il-lingwi
L-UE taħdem mill-qrib ma’ żewġ ċentri għar-riċerka dwar il-lingwi, iċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni tal-Kunsill tal-Ewropa (ECML) u ċ-Ċentru ta’ Riċerka Ewropew dwar il-Multilingwiżmu u t-Tagħlim tal-Lingwi (Mercator). L-ECML jinkoraġġixxi l-eċċellenza u l-innovazzjoni fit-tagħlim tal-lingwi. L-għanijiet ewlenin tiegħu huma li jgħin lill-Istati Membri jimplimentaw politiki effettivi għat-tagħlim tal-lingwi permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki, u n-networks u l-proġetti ta’ riċerka relatati ma’ dan il-programm. L-UE tikkofinanzja proġetti tal-ECML biex tippromwovi l-integrazzjoni lingwistika ta’ tfal bi sfond ta’ migrazzjoni u biex tistabbilixxi kriterji ta’ kwalità u komparabbiltà għat-testijiet tal-lingwa u l-valutazzjoni tagħhom. Mercator jiffoka prinċipalment fuq il-lingwi reġjonali u minoritarji fl-Ewropa u jaħdem fuq l-istudju, l-inventarju, it-tixrid u l-applikazzjoni tal-għarfien fil-qasam tal-apprendiment tal-lingwi fl-iskola, fid-dar u permezz tal-parteċipazzjoni kulturali.
4. Il-Master Ewropew fit-Traduzzjoni
Il-Master Ewropew fit-Traduzzjoni hija marka ta’ kwalità mogħtija lill-programmi tat-traduzzjoni universitarji li jissodisfaw l-istandards professjonali maqbula u li jirreaġixxu għall-esiġenzi tas-suq. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jtejjeb il-kwalità tat-taħriġ tat-traduttur u jħeġġeġ lil individwi b’ħiliet għoljin jagħżlu karriera fit-traduzzjoni fl-UE.
B. Programmi ta’ azzjoni
1. Il-Programm Erasmus+
Erasmus+ huwa l-programm tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Il-promozzjoni tal-apprendiment tal-lingwi u d-diversità lingwistika hija wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-programm. L-appoġġ lingwistiku online ta’ Erasmus+ jiġi offrut lill-parteċipanti li jmorru jistudjaw barra minn pajjiżhom għal semestru biex jgħinuhom jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż ospitanti tagħhom. Erasmus+ iħeġġeġ ukoll il-kooperazzjoni bejn il-professjonisti tal-edukazzjoni biex jinnovaw u jiskambjaw prattiki tajbin. Jiffinanzja wkoll proġetti biex jappoġġja t-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi tas-sinjali, u biex jippromwovi s-sensibilizzazzjoni dwar id-diversità lingwistika u jipproteġi l-lingwi minoritarji.
2. Il-Programm Ewropa Kreattiva
Il-Programm Ewropa Kreattiva jappoġġja t-traduzzjoni ta’ kotba u manuskritti fl-ambitu tas-sottoprogramm Kultura tiegħu. Pereżempju, il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura – kofinanzjat mill-programm, jippremja lill-awturi emerġenti u jipprovdi appoġġ għat-traduzzjoni biex titwessa’ ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet tagħhom madwar l-Ewropa.
3. Il-Jum Ewropew tal-Lingwi
Il-Jum Ewropew tal-Lingwi ġie ċċelebrat għall-ewwel darba fl-2001. Dan tant kien suċċess li l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa ddeċidew li jbiddluh f’ċelebrazzjoni annwali fis-26 ta’ Settembru ta’ kull sena, b’firxa wiesgħa ta’ avvenimenti li jippromwovu l-apprendiment tal-lingwi fl-Ewropa kollha.
4. It-Tikketta Ewropea għal-Lingwi
Il-Kummissjoni ilha tagħti t-Tikketta Ewropea għal-Lingwi mill-1998 biex tippremja inizjattivi ġodda fit-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi. Hija tappoġġja l-iskejjel, l-universitajiet, iċ-ċentri ta’ taħriġ u organizzazzjonijiet oħra fil-livelli kollha tal-edukazzjoni – mit-tfulija bikrija sal-ħajja adulta – fil-pajjiżi kollha ta’ Erasmus+ u dawk sħab.
Il-premju huwa miftuħ ukoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-impjegaturi, l-assoċjazzjonijiet u l-individwi li jkunu taw kontribut eċċellenti fil-qasam tat-tagħlim u tal-apprendiment tal-lingwi. Ir-rebbieħa jiksbu rikonoxximent u viżibbiltà fil-livell nazzjonali u Ewropew.
5. Juvenes Translatores
Kull sena, il-Kummissjoni tagħti l-premju Juvenes Translatores lill-aħjar traduzzjoni li ssir minn studenti ta’ 17-il sena f’kull Stat Membru. L-istudenti jistgħu jagħżlu li jittraduċu minn u fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE.
6. eTranslation
L-għodda eTranslation tal-Kummissjoni Ewropea hija servizz ta’ traduzzjoni awtomatika żviluppat mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠT) biex jiffaċilita l-komunikazzjoni multilingwi madwar l-UE. Din tgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jittraduċu testi u dokumenti għal-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, kif ukoll bl-Iżlandiż, bin-Norveġiż u bir-Russu. L-eTranslation tappoġġja wkoll is-siti web multilingwi tal-UE, filwaqt li ttejjeb l-aċċess għall-informazzjoni meta traduzzjonijiet umani sħaħ ikunu għadhom mhumiex disponibbli. Is-servizz jikkontribwixxi għall-promozzjoni tad-diversità lingwistika u għall-aċċess ugwali għall-informazzjoni tal-UE.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
A. Id-diversità lingwistika
Il-Parlament adotta politika lingwistika multilingwi fl-istrateġija ta’ komunikazzjoni tiegħu stess, biex jagħti l-istess importanza lil-lingwi kollha tal-UE. Il-biċċa l-kbira tad-dokumenti parlamentari jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha u kull Membru tal-Parlament Ewropew għandu d-dritt jitkellem bil-lingwa tal-UE tal-għażla tiegħu. Żjarat gwidati f’Dar l-Istorja Ewropea u fil-Parlamentarium (iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Parlament) huma wkoll disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE.
Il-Parlament jippromwovi wkoll id-diversità lingwistika u kulturali. B’mod partikolari, il-Premju LUX tal-Udjenza, koorganizzat mill-Parlament Ewropew u l-European Film Academy, jippremja films Ewropej eċċellenti. Il-films huma sottotitolati fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE biex isiru aċċessibbli għal udjenza usa’.
Fid-19 ta’ Mejju 2021, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali fl-edukazzjoni, fil-kultura u fis-settur awdjoviżiv. Ir-riżoluzzjoni hija rilevanti għall-politika lingwistika, peress li tenfasizza r-riskji u l-isfidi li l-IA toħloq għad-diversità lingwistika minn naħa waħda, kif ukoll għall-potenzjal tagħha li tiffaċilita l-multilingwiżmu min-naħa l-oħra permezz ta’, pereżempju, is-sottotitolar awtomatiku u d-doppjaġġ.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2021 bit-titlu “Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: approċċ olistiku kondiviż”, il-Parlament issottolinja l-importanza tal-apprendiment tal-lingwi barranin. Enfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jappoġġjaw l-apprendiment tal-lingwi fil-livelli kollha, speċjalment fl-edukazzjoni primarja u sekondarja. Dan huwa konformi mal-għan tal-Kunsill tal-Ewropa tal-“plurilingwiżmu” u għandu l-għan li jilħaq il-mira ta’ profiċjenza f’mill-anqas żewġ lingwi uffiċjali oħra tal-UE sa tmiem l-iskola sekondarja tal-ewwel livell. Ir-riżoluzzjoni stiednet lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ komprensiv għat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi, timmonitorja l-progress u tipprovdi appoġġ finanzjarju, speċjalment għall-iskejjel li jgħallmu l-lingwi materni taċ-ċittadini tal-UE li jkunu qed jgħixu f’pajjiżi oħra tal-UE. Stiednet ukoll lill-Istati Membri jiġbru data komparabbli dwar l-apprendiment tal-lingwi.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Mejju 2023 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, il-Parlament saħaq fuq l-importanza li jiġu ffaċilitati d-doppjaġġ, is-sottotitolar u d-deskrizzjonijiet awdjo fil-lingwi kollha tat-territorju fejn jiġi pprovdut is-servizz tal-media awdjoviżiva. Talab sforzi akbar biex jinxterdu xogħlijiet Ewropej li jirrappreżentaw il-firxa sħiħa tad-diversità lingwistika Ewropea, mhux biss il-lingwi uffiċjali iżda wkoll il-lingwi reġjonali u minoritarji.
Fis-16 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni pproponiet programm Erasmus+ ġdid għall-2028–2034 u suċċessur għall-programm Ewropa Kreattiva taħt il-baġit tal-UE għall-2028–2034, intitolat “AgoraEU”. Il-Parlament u l-Kunsill se jaġixxu bħala koleġiżlaturi għaż-żewġ programmi.
B. L-appoġġ għal-lingwi minoritarji
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa”, il-Parlament esprima l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva, li tfittex li ttejjeb il-protezzjoni tal-minoranzi lingwistiċi.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar proposti tal-Parlament Ewropew għar-reviżjoni tat-Trattati, il-Parlament appella għal protezzjoni aktar b’saħħitha tal-lingwi reġjonali u minoritarji u għall-inklużjoni tagħhom fir-reviżjonijiet futuri tat-trattati tal-UE.
C. Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa
F’Mejju 2022, il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa adottat ir-rapport tagħha dwar l-eżitu finali. B’dan ir-rapport, it-48 proposta tal-plenarja dwar il-kultura u l-iskambji tiddikjara li l-UE għandha tippromwovi l-multilingwiżmu bħala pont għal kulturi oħra minn età bikrija. Tenfasizza li l-lingwi minoritarji u reġjonali jirrikjedu protezzjoni addizzjonali, b’kunsiderazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Lingwi Minoritarji u tal-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali.
Il-proposta tissuġġerixxi wkoll li l-UE għandha tikkunsidra twaqqaf istituzzjoni li tippromwovi d-diversità lingwistika fil-livell Ewropew. Tagħti wkoll mandat li t-tfal jiksbu kompetenza għolja f’lingwa tal-UE li mhijiex tagħhom, li tibda fl-iskola elementari; ikollha l-għan li trawwem il-koeżjoni Ewropea billi tħeġġeġ liċ-ċittadini jitgħallmu lingwi ġirien fir-reġjuni tal-fruntiera; u tippromwovi l-profiċjenza fl-Ingliż biex ittejjeb il-komunikazzjoni fost iċ-ċittadini.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għaċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza u l-Kultura. Għal aktar informazzjoni, żuris-sit web tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni.
Anastasia MITRONATSIOU / Denise CHIRCOP