Il-programm PEACEPLUS għall-Irlanda ta’ Fuq
Din l-iskeda informattiva tispjega l-iskop tal-programm transfruntier PEACEPLUS tal-UE. Dan l-istrument ta’ finanzjament jappoġġja l-paċi u r-rikonċiljazzjoni, u jippromwovi l-istabbiltà u l-kooperazzjoni ekonomiċi, soċjali u reġjonali fl-Irlanda ta’ Fuq u fir-Reġjun tal-Fruntiera tal-Irlanda. L-iskeda informattiva tiddeskrivi l-isfond, l-objettivi u l-finanzjament tal-programm, u tikkonkludi bir-rwol tal-Parlament fit-tisħiħ ta’ dan l-istrument.
Il-bażi legali
- ir-Regolament Interreg (ir-Regolament (UE) 2021/1059) jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-programmi transfruntiera u tranżnazzjonali, li jinkludu wkoll PEACEPLUS;
- ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (ir-Regolament (UE) 2021/1060) jistabbilixxi regoli komuni għal diversi strumenti ta’ finanzjament tal-UE, li japplikaw ukoll għall-implimentazzjoni ta’ PEACEPLUS.
- PEACE I, mill-1995 sal-1999;
- PEACE II, mis-sena 2000 sal-2006;
- PEACE III, mill-2007 sal-2013;
- PEACE IV, mill-2014 sal-2020;
- PEACEPLUS, mill-2021 sal-2027 (għadu għaddej).
- il-bini ta’ komunitajiet paċifiċi u li jirnexxu;
- it-twassil ta’ riġenerazzjoni u trasformazzjoni soċjoekonomiċi;
- l-għoti tas-setgħa u l-investiment fiż-żgħażagħ tagħna;
- komunitajiet b’saħħithom u inklużivi;
- l-appoġġ għal futur sostenibbli u konness aħjar;
- il-bini u l-inkorporazzjoni ta’ sħubija u kollaborazzjoni.
L-isfond
Il-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq ilu jirċievi appoġġ finanzjarju mill-UE mill-1989, kemm permezz tal-politika reġjonali tal-UE kif ukoll permezz ta’ kontribuzzjonijiet tal-UE lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda.
S’issa kien hemm ħames iterazzjonijiet tal-programm PEACE:
Fl-1995, il-Kummissjoni approvat l-ewwel programm PEACE (1995-1999). Fl-1999, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li l-programm speċjali għandu jkompli sal-2004 bl-isem ta’ PEACE II. Il-programm ġie estiż sussegwentement sal-2006. Dawn iż-żewġ programmi ġew segwiti minn PEACE III u PEACE IV, li jkopru l-perjodi ta’ programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020, rispettivament.
F’referendum tar-Renju Unit li sar fit-23 ta’ Ġunju 2016, il-maġġoranza tal-votanti (51.9%) ivvutaw biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE. Fil-31 ta’ Jannar 2020, ir-Renju Unit ħareġ formalment mill-UE. L-Irlanda ta’ Fuq ibbenefikat b’mod sinifikanti mill-finanzjament tal-UE meta r-Renju Unit kien parti mill-UE, u l-ħruġ tar-Renju Unit qajjem tħassib fit-tul għal firxa ta’ setturi fl-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll tħassib rigward il-proċess ta’ paċi u kooperazzjoni transfruntiera lil hinn mill-2020 (l-Irlanda ta’ Fuq hija l-uniku reġjun tar-Renju Unit li jikkondividi fruntiera fuq l-art ma’ Stat Membru tal-UE: f’termini prattiċi, issa hemm fruntiera esterna tal-UE fuq il-gżira tal-Irlanda).
Il-programmi PEACE IV u Interreg irċevew attenzjoni estensiva matul in-negozjati dwar it-termini tal-ħruġ tar-Renju Unit. Fil-Ftehim dwar il-Ħruġ bejn ir-Renju Unit u l-UE ġie inkluż impenn biex jiġi żgurat li dawn jitkomplew sal-konklużjoni tagħhom fl-2023. F’dan il-kuntest, ir-regolament sabiex ikunu jistgħu jitkomplew il-programmi għall-kooperazzjoni territorjali PEACE IV (l-Irlanda - ir-Renju Unit) u għar-Renju Unit - l-Irlanda (l-Irlanda - l-Irlanda ta’ Fuq - l-Iskozja) (ir-Regolament (UE) 2019/491) ġie adottat fil-25 ta’ Marzu 2019.
L-objettivi
Il-programm PEACEPLUS huwa programm transfruntier tal-UE biex isaħħaħ il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni u l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq. Huwa jgħaqqad il-fergħat preċedenti ta’ finanzjament Interreg u PEACE fi programm ġdid għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027.
Il-programm PEACEPLUS jimmira l-investiment f’sitt oqsma tematiċi ewlenin:
Fi ħdan kull qasam tematiku, hemm diversi oqsma ta’ investiment li għandhom enfasi aktar speċifiku jew li jimmiraw lejn organizzazzjonijiet partikolari, bħal awtoritajiet lokali jew gruppi komunitarji. B’kollox hemm 22 qasam ta’ investiment.
Il-finanzjament
Bejn l-1995 u l-2020, ġew implimentati erba’ programmi PEACE, b’kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1.6 biljun. Filwaqt li PEACE I u PEACE II irċevew finanzjament mill-fondi strutturali kollha, PEACE III u PEACE IV ġew iffinanzjati biss mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).
Fil-perjodu 2021-2027, l-UE qed tiffinanzja l-programm PEACEPLUS b’EUR 235 miljun mill-allokazzjoni tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea tal-FEŻR. Flimkien mal-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Renju Unit u l-kofinanzjament nazzjonali addizzjonali mill-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, il-programm PEACEPLUS jipprovdi investiment totali ta’ EUR 1.1 biljun.
Il-ġestjoni
Iż-żona eliġibbli għall-inklużjoni fil-programm PEACEPLUS tikkonsisti mill-Irlanda ta’ Fuq u r-Reġjun tal-Fruntiera tal-Irlanda (dan tal-aħħar fih il-kontej Louth, Monaghan, Cavan, Leitrim, Sligo u Donegal).
PEACEPLUS huwa ġestit b’mod integrat u l-kontribuzzjoni tar-Renju Unit hija integrata fil-programm bħala dħul assenjat estern. Il-Korp għall-Programmi Speċjali tal-UE huwa l-awtorità ta’ ġestjoni għall-programm PEACEPLUS u huwa wieħed mis-sitt korpi transfruntiera stabbiliti skont il-Ftehim ta’ Belfast.
Il-kisbiet
Il-programmi PEACE offrew opportunitajiet għall-parteċipazzjoni u d-djalogu, u ppermettew li l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u r-responsabbiltà rigward l-iżvilupp tal-komunitajiet joqorbu lejn il-poplu permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq. Dawn il-programmi ffinanzjaw firxa wiesgħa ta’ proġetti, inklużi proġetti li jappoġġjaw vittmi u superstiti, żgħażagħ, intrapriżi żgħar u medji, proġetti ta’ infrastruttura u ta’ riġenerazzjoni urbana kif ukoll proġetti li jappoġġjaw l-immigranti u li jiċċelebraw id-diversità etnika tas-soċjetà b’mod globali.
Fuq kollox, dawn il-programmi issa huma meqjusin bħala eżempji ta’ politika ta’ konsolidazzjoni tal-paċi li għandha tkun kondiviża fl-Ewropa u f’reġjuni oħra.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament minn dejjem appoġġja l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-UE għall-programmi PEACE. Wara r-riżultat tar-referendum tar-Renju Unit, il-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, esprima tħassib dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u enfasizza l-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata l-paċi fl-Irlanda ta’ Fuq u fl-Irlanda.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2018 dwar l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta’ Fuq, il-Parlament ħa nota tal-proposta tal-Kummissjoni biex jitkomplew il-programmi PEACE u Interreg, u d-dokument ta’ pożizzjoni tar-Renju Unit ta’ April 2018 dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni, fejn ir-Renju Unit iddikjara r-rieda tiegħu li jesplora suċċessur potenzjali għal PEACE IV mal-Eżekuttiv tal-Irlanda ta’ Fuq, il-Gvern Irlandiż u l-UE. Il-Parlament ikkunsidra li l-appoġġ tal-UE għall-kooperazzjoni territorjali, speċjalment fir-rigward ta’ proġetti transfruntiera u transkomunitarji, għandu jitkompla fid-dawl tal-kisbiet tal-programmi ta’ koeżjoni tal-UE speċjali għall-Irlanda ta’ Fuq, jiġifieri l-programmi PEACE u Interreg, li huma partikolarment importanti għall-istabbiltà tar-reġjun.
Il-Parlament, fir-rwol tiegħu ta’ koleġiżlatur dwar il-pakkett ta’ koeżjoni (f’dan il-kuntest, dwar ir-Regolament dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013)), appoġġja bis-sħiħ it-tkomplija tal-programmi PEACE fil-perjodu 2021-2027.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-Agrikoltura u s-Sajd. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali.
Kelly Schwarz / JOHANNA CHLÖÉ LYOR TIRINELLI