Din l-iskeda informattiva tispjega kif l-Unjoni Ewropea tipprovdi lill-bdiewa b’forma ta’ appoġġ għall-introjtu, magħruf bħala “pagamenti diretti”, biex jaġixxu bħala xibka ta’ sikurezza u jtejbu l-profittabbiltà tal-azjendi agrikoli. Tiddeskrivi wkoll id-diversi skemi ta’ pagament u kif jaħdmu fil-prattika, u tagħti diżaggregazzjoni tan-nefqa ppjanata għall-pagamenti diretti skont il-pjanijiet strateġiċi tal-politika agrikola komuni (PAK).

Il-bażi legali

Il-bażi legali għall-politika agrikola komuni (PAK) hija stabbilita fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 38 sa 44) (3.2.1).

Il-PAK hija rregolata permezz ta’ sett ta’ atti leġiżlattivi. Dawn jinkludu:

  • ir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK(ir-Regolament (UE) 2021/2115) (3.2.4);
  • ir-Regolament dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK (ir-Regolament (UE) 2021/2116) (3.2.5);
  • ir-regolament li jikkonċerna standards tajbin tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali, skemi għall-klima, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali, emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, rieżami tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u eżenzjonijiet mill-kontrolli u mill-penali (Regolament (UE) 2024/1468);
  • ir-regolament li jemenda r-regoli dwar is-sistema tal-kundizzjonalità, it-tipi ta’ intervent fil-forma ta’ pagament dirett, it-tipi ta’ intervent f’ċerti setturi u l-iżvilupp rurali u r-rapporti annwali tal-prestazzjoni, u li jemenda r-regoli dwar is-sospensjonijiet tal-pagamenti, l-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni u l-kontrolli u l-penali (Regolament (UE) 2025/2649).
  • Miżuri ta’ politika tal-PAK għall-appoġġ tal-bdiewa

    Il-PAK tappoġġja lill-bdiewa permezz ta’ firxa ta’ miżuri ta’ politika:

    • il-pagamenti diretti huma ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG)u r-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK Il-pagamenti diretti huma mekkaniżmu ta’ sikurezza għall-bdiewa li jiffaċċjaw dħul aktar baxx mill-medja meta mqabbla mal-bqija tal-ekonomija, kif ukoll swieq inċerti, estremitajiet tat-temp, pesti u mard jew setgħa tan-negozjar dgħajfa fil-katina alimentari;
    • il-miżuri tas-suq(3.2.6) huma ffinanzjati wkoll mill-FAEG u previsti fir-Regolament dwar Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013). Dawn għandhom l-għan li jappoġġjaw u jistabbilizzaw is-swieq agrikoli. Xi wħud jappoġġjaw direttament lill-bdiewa tal-UE, pereżempju billi jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fi gruppi ta’ produtturi jew skemi ta’ kwalità, u b’hekk isaħħu r-rwol tagħhom fil-katina tal-provvista;
    • il-miżuri ta’ żvilupp rurali (3.2.8) huma ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u mill-fondi nazzjonali u previsti fir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK. Dawn għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-prestazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali taż-żoni rurali. Dawn jinkludu wkoll miżuri ta’ appoġġ għall-bdiewa, bħal miżuri agroambjentali, il-finanzjament ta’ investimenti fl-azjendi agrikoli, għodod għall-ġestjoni tar-riskju u strumenti finanzjarji.
    • Ħarsa ġenerali

      L-iskemi ta’ pagament dirett huma rregolati mill-Artikoli 20 sa 41 tar-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK. Xi skemi huma obbligatorji, filwaqt li oħrajn jistgħu jiġu inklużi fuq bażi volontarja mill-Istati Membri fil-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-PAK tagħhom.

      • L-appoġġ bażiku għall-introjtu għas-sostenibbiltà (l-Artikoli 21 sa 28 tar-Regolament (UE) 2021/2115) huwa pagament annwali għal kull ettaru li għalih huwa ddedikat nofs il-baġit tal-pagament dirett. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jħallsu ammont uniformi għal kull ettaru, li jiddifferenzjaw il-pagament f’konformità ma’ kundizzjonijiet soċjoekonomiċi jew agronomiċi differenti, jew li jħallsu ammont ibbażat fuq id-drittijiet għall-pagament applikati skont il-PAK preċedenti. Meta jużaw id-drittijiet għall-pagament, fis-snin li ġejjin l-Istati Membri jeħtiġilhom inaqqsu gradwalment id-distakk bejn il-valuri tagħhom, proċess magħruf bħala “konverġenza”. Jista’ jingħata pagament għall-bdiewa żgħar li ma jaqbiżx l-EUR 3,000 fis-sena bħala somma f’daqqa jew fuq bażi ta’ kull ettaru (il-limitu massimu ta’ EUR 3,000 issa jissostitwixxi l-limitu preċedenti ta’ EUR 1,250 wara l-emendi tal-2025 għar-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK). Tali pagamenti, li huma fakultattivi għall-bdiewa, jissostitwixxu l-forom l-oħra kollha ta’ pagamenti diretti, ħlief dawk mogħtija għall-ekoskemi, jekk l-Istati Membri jiddeċiedu hekk fil-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tagħhom;
      • L-appoġġ ridistributtiv komplementari għall-introjtu għas-sostenibbiltà (l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2021/2115) huwa pagament addizzjonali annwali għall-ewwel ettari ta’ art agrikola għall-bdiewa li huma intitolati għal appoġġ għall-introjtu bażiku. L-ammont għal kull ettaru u l-għadd ta’ ettari għal kull bidwi li għalih huwa disponibbli l-appoġġ ridistributtiv għall-introjtu huma definiti mill-Istati Membri. Din l-iskema għandha l-għan li tqassam mill-ġdid il-pagamenti diretti mill-azjendi agrikoli l-kbar għal dawk iżgħar jew ta’ daqs medju. Biex jiġu appoġġjati azjendi agrikoli żgħar, mill-anqas 10% tal-baġit tal-pagamenti diretti ta’ kull Stat Membru jrid jintuża għal din l-iskema, sakemm ir-ridistribuzzjoni ma tinkisibx permezz ta’ mezzi oħra;
      • L-appoġġ ridistributtiv komplementari għall-introjtu għall-bdiewa żgħażagħ (l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2021/2115) huwa pagament addizzjonali annwali għall-bdiewa ġodda li huma intitolati għall-appoġġ għall-introjtu bażiku. Pagament ta’ somma f’daqqa jew ammont għal kull ettaru u l-għadd ta’ ettari għal kull bidwi li għalih huwa disponibbli l-appoġġ huma definiti mill-Istati Membri. Huma jistabbilixxu wkoll il-limitu massimu tal-età – bejn 35 u 40 sena – u t-taħriġ u l-ħiliet meħtieġa mill-benefiċjarji potenzjali;
      • L-iskemi għall-klima, l-ambjent u t-trattament xieraq tal-annimali (ekoskemi) (l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/2115) jgħinu lill-bdiewa li jieħdu impenji li josservaw prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima, l-ambjent u t-trattament xieraq tal-annimali u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi. Tali prattiki, li jeħtieġ li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti leġiżlattivi, huma elenkati fil-pjanijiet strateġiċi tal-PAK. Il-pagament annwali għal kull ettaru mogħti għall-ekoskemi jista’ jkun pagament komplementari għall-appoġġ għall-introjtu bażiku jew pagament biex jiġu kkumpensati l-ispejjeż imġarrba jew l-introjtu mitluf minħabba l-impenji li jkunu saru. Mill-anqas 25% tal-baġit nazzjonali għall-pagamenti diretti għandu jmur għal din l-iskema, li hija volontarja għall-bdiewa;
      • Appoġġ akkoppjat għall-introjtu – (l-Artikolu 32(35) tar-Regolament (UE) 2021/2115): filwaqt li l-appoġġ għall-introjtu tal-PAK kien marbut (jew akkoppjat) ma’ prodotti speċifiċi fil-passat, ir-riformi suċċessivi gradwalment neħħew din ir-rabta, li llum il-ġurnata hija limitata għal sehem żgħir ta’ pagamenti diretti. L-appoġġ akkoppjat għandu l-għan li jindirizza d-diffikultajiet fis-setturi, it-tipi ta’ produzzjoni jew it-tipi speċifiċi ta’ biedja li huma importanti għal raġunijiet soċjoekonomiċi jew ambjentali. L-appoġġ jikkonsisti f’pagament annwali għal kull ettaru jew għal kull annimal, bil-għan li jittejbu l-kompetittività, is-sostenibbiltà jew il-kwalità. Fost is-setturi li l-pjanijiet strateġiċi tal-PAK jistgħu jimmiraw għalihom, l-għelejjel li fihom il-proteini jistgħu jingħaddu mingħajr ebda ġustifikazzjoni speċifika, peress li dan jikkontribwixxi biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet fis-settur u biex jitnaqqas l-użu ta’ fertilizzanti tan-nitroġenu;
      • Il-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton (l-Artikoli 36 sa 41 tar-Regolament (UE) 2021/2115) hija skema ta’ pagament dirett akkoppjat li tagħti pagamenti għal kull ettaru ta’ qoton li jinsab f’żoni awtorizzati għall-produzzjoni tal-qoton fil-Bulgarija, fil-Greċja, fi Spanja u fil-Portugall.
      • Kif jaħdmu fil-prattika l-pagamenti diretti?

        Kull sena, aktar minn sitt miljun benefiċjarju jirċievu pagamenti diretti. Dawn jingħataw lill-bdiewa attivi, li jkunu individwi jew kumpaniji u li jkunu involuti f’mill-anqas livell minimu ta’ attività agrikola (jiġifieri l-produzzjoni agrikola jew iż-żamma ta’ żona agrikola fi stat tajjeb għall-biedja). Il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK jiddefinixxu lill-bdiewa attivi permezz ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, inkluż permezz ta’ lista negattiva li teskludi ċerti entitajiet milli jitqiesu bħala bdiewa attivi.

        L-appoġġ permezz tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK jingħata l-aktar fil-forma ta’ pagamenti bbażati fuq l-erja. Għal xi skemi, l-appoġġ huwa bbażat fuq l-għadd ta’ annimali appoġġjati. Id-definizzjonijiet relatati mal-eliġibbiltà għall-bdiewa u maż-żoni eliġibbli għall-appoġġ tal-PAK huma stabbiliti fil-livell tal-UE biex tiġi żgurata n-natura komuni tal-politika. Meta mqabbla mal-perjodu preċedenti tal-PAK, dawn id-definizzjonijiet mhumiex daqshekk dettaljati fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Jippermettu lill-Istati Membri l-flessibbiltà li jispeċifikaw aktar ir-regoli fil-livell nazzjonali biex ikunu jistgħu jitfasslu skont il-ħtiġijiet tagħhom u biex l-appoġġ jiġi mmirat aħjar.

        L-Istati Membri kollha stabbilew rekwiżiti minimi biex wieħed jirċievi pagamenti diretti. Il-biċċa l-kbira tagħhom stabbilew kemm erja ta’ bejn 0.3 u 4 ettari kif ukoll limitu finanzjarju ta’ bejn €100 u €500, rispettivament. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma biddlux il-limiti minimi tar-rekwiżiti tagħhom meta mqabbla mal-perjodu preċedenti.

        Il-bdiewa li jixtiequ jitolbu pagamenti diretti jeħtieġ japplikaw kull sena u jikkonformaw ma’ għadd ta’ regoli. Minbarra r-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni li huma obbligatorji biex isiru attivitajiet tal-biedja, il-bdiewa li jirċievu l-pagamenti tal-PAK huma soġġetti għall-kundizzjonalità, jiġifieri jeħtiġilhom iżommu l-art f’kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin. Il-PAK 2023-2027 tinvolvi kundizzjonalità msaħħa b’rekwiżiti “aktar ekoloġiċi” meta mqabbla mal-perjodu preċedenti. Madankollu, l-emendi introdotti fl-2024 u fl-2025 li għandhom l-għan li jissimplifikaw ir-regoli tal-PAK għamlu xi wħud mir-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità msaħħa aktar flessibbli (3.2.4). Il-PAK 2023-2027 tintroduċi wkoll il-kundizzjonalità soċjali għall-ewwel darba, li torbot il-pagamenti diretti ma’ ċerti prinċipji soċjali u prinċipji relatati max-xogħol fundamentali.

        Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali joperaw il-pagamenti diretti permezz ta’ ġestjoni kondiviża. Taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, l-aġenziji nazzjonali tal-pagamenti huma inkarigati mill-amministrazzjoni tal-pagamenti diretti u mit-trattament ta’ kompiti bħall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, l-eżekuzzjoni tal-pagamenti u t-twettiq ta’ ċerti kontrolli (3.2.5).

        L-informazzjoni finanzjarja ewlenija

        L-appoġġ bażiku għall-introjtu għas-sostenibbiltà (BISS), pagament diżakkoppjat annwali bbażat fuq l-erja ffinanzjat biss mill-baġit tal-UE, jibqa’ l-aktar għodda importanti tal-PAK biex jiġi appoġġjat l-introjtu tal-bdiewa tal-UE. Bħala medja, in-nefqa ppjanata fil-pjanijiet strateġiċi tal-PAK għal din l-għodda tammonta għal 51% tal-baġit totali tal-FAEG, jew 31% tan-nefqa pubblika totali tal-PAK (3.2.2).

        <strong></strong><strong>Id-distribuzzjoni tan-nefqa pubblika totali ppjanata għall-pagamenti diretti li jirfdu l-implimentazzjoni tat-28 pjan strateġiku tal-PAK kollha (2023-2027)</strong>

        Tip ta’ intervent Kontribuzzjoni tal-UE (f’biljuni ta’ €) % bħala sehem tal-pagamenti diretti totali
        BISS – Introjtu bażiku għas-sostenibbiltà (l-Artikoli 21 sa 28) 96.69 51.12%
        CIS – Appoġġ akkoppjat għall-introjtu (l-Artikoli 32 sa 35) 23.03 12.18%
        CIS-YF – Appoġġ komplementari għall-introjtu għall-bdiewa żgħażagħ (l-Artikolu 30) 3.4 1.80%
        CRISS – Appoġġ ridistributtiv komplementari għall-introjtu għas-sostenibbiltà (l-Artikolu 29) 20.09 10.62%
        Ekoskema – Skemi għall-klima, l-ambjent u t-trattament xieraq tal-annimali (l-Artikolu 31) 44.71 23.64%
        Qoton – Pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton (l-Artikoli 36 sa 41) 1.23 0.65%
        Total tal-pagamenti diretti tal-FAEG 189.15 100%

        Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, it-28 Pjan Strateġiku tal-PAK approvati (2023-2027) Ħarsa ġenerali fil-qosor, Ġunju 2023

        Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

        F’Mejju 2018, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-futur tal-ikel u tal-biedja, li ddeskriviet il-prijoritajiet għall-PAK ta’ wara l-2020. Ir-riżoluzzjoni appellat għaż-żamma jew iż-żieda tal-baġit tal-PAK biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali u ġodda. Il-Parlament appoġġja għajnuna aktar immirata, speċjalment għall-azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju u għall-bdiewa żgħażagħ, inkluż appoġġ akbar għall-ettari inizjali u pagamenti mnaqqsa (limitati) għal azjendi agrikoli akbar. Enfasizzat il-fatt li l-finanzjament għandu jingħata lil bdiewa ġenwini u jitqassam b’mod aktar ġust madwar il-pajjiżi tal-UE, b’konverġenza akbar li tirrikjedi baġit akbar. Enfasizzat ukoll il-ħtieġa għal standards ta’ evalwazzjoni konsistenti u sorveljanza b’saħħitha biex tiġi żgurata implimentazzjoni ġusta u effettiva madwar l-UE.

        Il-Kummissjoni pproponiet qafas leġiżlattiv ġdid għall-PAK fl-1 ta’ Ġunju 2018. Dan kien jinkludi r-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, li skontu kull Stat Membru jistabbilixxi kif kien biħsiebu jimplimenta l-miżuri tal-PAK biex jikseb l-objettivi komuni. Il-proposta introduċiet mudell ta’ implimentazzjoni ġdid filwaqt li affermat mill-ġdid ir-rwol ċentrali tal-pagamenti diretti fl-appoġġ għall-bdiewa tal-UE.

        Matul in-negozjati dwar ir-riforma tal-PAK, il-Parlament fittex li jkollu rwol wiesa’, li jkopri l-firxa sħiħa ta’ kwistjonijiet diskussi. L-istudju dwar il-proċess ta’ riforma tal-PAK wara l-2020 minn perspettiva interistituzzjonali, kummissjonat mill-Parlament, jindika li bl-adozzjoni tar-rwol ta’ gwardjan tal-prinċipji tal-UE u l-baġit tal-PAK, il-Parlament fittex li jżomm il-karattru tal-UE u n-natura komuni ta’ diversi partijiet tal-leġiżlazzjoni proposta biex tiġi evitata “rinazzjonalizzazzjoni” tal-PAK. Barra minn hekk, f’xi każijiet, il-Parlament ħa t-tmexxija biex jagħti bidu għall-politika, kif jidher mill-isforzi tiegħu biex jiddelimita sehem għoli mill-baġit tal-pagamenti diretti għall-ekoskemi l-ġodda u billi introduċa b’suċċess il-kundizzjonalità soċjali fir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK.

        Bħala parti min-negozjati dwar l-emendi tal-2024 u l-2025, il-Parlament irrakkomanda flessibbiltà akbar fir-rekwiżiti ambjentali, aċċess aktar faċli għall-pagamenti ta’ kriżi għall-bdiewa, appoġġ finanzjarju annwali ogħla għall-azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju, u appoġġ addizzjonali għall-iżvilupp tan-negozju tal-azjendi agrikoli żgħar.

        Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-Agrikoltura u s-Sajd. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali.

         

        Sarah Madeleine Régine Pierrette Costes / Rachele Rossi