Sal-lum ġew adottati sitt oqfsa finanzjarji pluriennali (QFP), inkluż il-QFP 2021-2027. It-Trattat ta' Liżbona ttrasforma l-QFP minn ftehim interistituzzjonali għal regolament. Stabbilit għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin, l-għan tal-QFP huwa li jiżgura li n-nefqa tal-UE jiżviluppa b'mod ordnat u fil-limiti tar-riżorsi proprji tagħha. Huwa jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li magħhom irid jikkonforma l-baġit annwali tal-UE, u b'hekk jiżgura d-dixxiplina finanzjarja. B'mod konkret, ir-Regolament dwar il-QFP jistabbilixxi limiti massimi għan-nefqa għall-kategoriji wiesgħa tal-infiq imsejħa intestaturi. Fit-2 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni ressqet proposti leġiżlattivi għall-QFP l-ġdid għall-perjodu 2021-2027. Wara t-tifqigħa tal-COVID-19, fis-27 ta' Mejju 2020 il-Kummissjoni ressqet pjan ta' rkupru (NextGenerationEU) li kien jinkludi proposti riveduti għall-QFP u r-riżorsi proprji, u l-istabbiliment ta' strument ta' rkupru b'valur ta' EUR 750 biljun. Il-pakkett ġie adottat fis-16 ta' Diċembru 2010.

Il-bażi ġuridika

  • L-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027[1];
  • Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni[2];
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19[3];
  • Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda[4].

L-isfond

Fis-snin tmenin, inħolqot atmosfera ta' kunflitt fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet minħabba inkompatibilità dejjem akbar bejn ir-riżorsi disponibbli u l-ħtiġijiet reali tal-baġit. Il-kunċett ta' perspettiva finanzjarja pluriennali ġie żviluppat bħala tentattiv biex inaqqas il-kunflitt, iżid id-dixxiplina baġitarja u jtejjeb l-implimentazzjoni permezz ta' ppjanar aħjar. L-ewwel ftehim interistituzzjonali (FII) għal dan il-għan ġie konkluż fl-1988. Dan kien fih il-perspettiva finanzjarja għall-1988-1992 (magħrufa wkoll bħala l-pakkett Delors I), li kellha l-għan li tforni r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni baġitarja tal-Att Uniku Ewropew. Fid-29 ta' Ottubru 1993 intlaħaq qbil dwar FII ġdid, flimkien mal-perspettiva finanzjarja għall-1993-1999 (il-pakkett Delors II), li ppermetta l-irduppjar tal-Fondi Strutturali u ż-żieda tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji (1.4.1). It-tielet FII dwar il-perspettiva finanzjarja għall-2000-2006, magħruf ukoll bħala l-Aġenda 2000, ġie ffirmat fis-6 ta' Mejju 1999, u wieħed mill-għanijiet ewlenin tiegħu kien li jiżgura r-riżorsi neċessarji għall-finanzjament tat-tkabbir. Il-qbil dwar ir-raba' FII, li kopra l-perjodu 2007-2013, intlaħaq fis-17 ta' Mejju 2006.

It-Trattat ta' Liżbona ttrasforma l-QFP minn ftehim interistituzzjonali għal regolament tal-Kunsill suġġett għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Barra milli jiddetermina "l-ammonti tal-limiti massimi annwali ta' approprjazzjonijiet għal impenji skont il-kategorija tal-infiq u tal-limitu massimu annwali ta' approprjazzjonijiet għall-pagamenti", l-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara li l-QFP irid ukoll li "jistabbilixxi kwalunkwe dispożizzjoni oħra meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tal-proċedura annwali tal-baġit". Ir-Regolament dwar il-QFP huwa akkumpanjat minn FII li jkopri l-oqsma tad-dixxiplina baġitarja, tal-kooperazzjoni f'materji ta' baġit u tal-ġestjoni finanzjarja tajba.

Il-ħames QFP, li jkopri l-perjodu 2014-2020, ġie adottat fit-2 ta' Diċembru 2013. Dan il-QFP kien l-ewwel wieħed li ġie adottat skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta' Liżbona, li jipprevedu li l-Kunsill, permezz ta' proċedura leġiżlattiva speċjali, jadotta unanimament ir-Regolament dwar il-QFP wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament. Kien ukoll l-ewwel wieħed li rriżulta fi tnaqqis tal-ammonti globali f'termini reali. Waħda mill-prekundizzjonijiet tal-Parlament biex jaċċetta l-QFP kienet għalhekk reviżjoni obbligatorja ta' nofs it-terminu li tippermettilu jivvaluta mill-ġdid il-ħtiġijiet baġitarji matul il-perjodu tal-QFP u jaġġustahom jekk ikun meħtieġ. Il-ftehim żgura wkoll aktar flessibbiltà biex jippermetti l-użu sħiħ tal-ammonti ppjanati, fehim dwar it-triq lejn sistema ġenwina ta' riżorsi proprji għall-UE, unità u trasparenza baġitarji, kif ukoll kontroll u skrutinju parlamentari adegwati. Fl-20 ta' Ġunju 2017 ġie adottat QFP rivedut għall-2014-2020 bi ftehim dwar appoġġ addizzjonali għal miżuri relatati mal-migrazzjoni, l-impjiegi u t-tkabbir. Dan saħħaħ ukoll l-Istrument ta' Flessibilità u r-Riżerva għal Għajnuna ta' Emerġenza, li se jippermetti li aktar fondi jiġu trasferiti aktar faċilment bejn l-intestaturi u s-snin tal-baġit, sabiex tkun possibbli reazzjoni għal avvenimenti mhux previsti u għal prijoritajiet ġodda.

Il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027

Fit-2 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi għal QFP li jkopri s-snin 2021 sal-2027. Il-proposta tal-Kummissjoni kienet tammonta għal EUR 1 134.6 biljun (prezzijiet tal-2018) f'approprjazzjonijiet ta' impenn, li jirrappreżentaw 1.11% tal-ING tal-UE-27. Din kien fiha, fost oħrajn, żidiet għall-ġestjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni, is-sigurtà, id-difiża, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u r-riċerka. Ġie propost tnaqqis b'mod partikolari għall-politika ta' koeżjoni u dik agrikola. L-arkitettura ġenerali kellha tiġi razzjonalizzata (37 programm ta' nefqa minflok 58) u l-Kummissjoni pproponiet sett ta' strumenti speċjali barra mil-limiti massimi tal-QFP biex tittejjeb il-flessibbiltà fl-ibbaġitjar tal-UE. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) se jkun integrat fil-QFP. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li timmodernizza s-sistema tad-dħul, bl-introduzzjoni ta' diversi kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji.

Fl-14 ta' Marzu 2018[5] u fit-30 ta' Mejju 2018[6] il-Parlament adotta riżoluzzjonijiet dwar il-QFP għall-2021-2027. Fl-14 ta' Novembru 2018, il-Parlament kompla jiddeskrivi l-mandat ta' negozjar tiegħu, inklużi l-emendi għar-Regolament dwar il-QFP u għall-proposti għall-FII, u ġabra sħiħa ta' ċifri bi tqassim skont l-intestatura u l-programm. Huwa speċifika li l-limitu massimu tal-QFP għall-impenji għandu jiżdied mill-1.0% (għall-UE-28) għall-1.3% tal-ING tal-UE (għall-UE-27), jiġifieri EUR 1 324 biljun (prezzijiet tal-2018), li jikkorrispondu għal żieda ta' 16.7% fuq il-proposta tal-Kummissjoni. L-allokazzjonijiet għall-politika agrikola komuni u l-politika ta' koeżjoni għandhom jibqgħu l-istess f'termini reali, filwaqt li diversi prijoritajiet – inklużi Orizzont Ewropa, Erasmus+ u LIFE – għandhom jissaħħu aktar; għandhom jinħolqu Garanzija għat-Tfal ġdida (EUR 5.9 biljun) u Fond għal Tranżizzjoni Enerġetika ġdid (EUR 4.8 biljun); il-finanzjament għall-aġenziji deċentralizzati involuti fil-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri għandu jiżdied b'aktar minn erba' darbiet (għal aktar minn EUR 12-il biljun). Il-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-ilħiq tal-objettivi klimatiċi għandha tiġi stabbilita fuq minimu ta' 25% tan-nefqa tal-QFP għall-2021-2027, tiġi integrata fl-oqsma ta' politika rilevanti kollha, u tiżdied għal 30% sa mhux aktar tard mill-2027. Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP għandha tkun obbligatorja.

Fit-30 ta' Novembru 2018 u fil-5 ta' Diċembru 2019, il-Kunsill ippubblika abbozz ta' "kaxxa ta' negozjar", li tinkludi kwistjonijiet orizzontali u settorjali li jaqgħu taħt il-programmi ta' nfiq suġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Il-Kunsill kien favur ammont globali tal-QFP ta' EUR 1 087 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn, fil-prezzijiet tal-2018 (1.07%tal-ING tal-UE-27), ferm aktar baxx mill-aspettattivi tal-Parlament.

Fl-10 ta' Ottubru 2019 u fit-13 ta' Mejju 2020, il-Parlament aġġorna l-mandat tiegħu wara l-elezzjonijiet Ewropej u talab lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal pjan ta' kontinġenza tal-QFP biex tipprovdi xibka ta' sikurezza biex tipproteġi l-benefiċjarji tal-programmi tal-Unjoni f'każ li jkun hemm bżonn li l-QFP attwali jiġi estiż, fid-dawl tan-nuqqas ta' qbil fi ħdan il-Kunsill Ewropew.

Sadattant, fl-14 ta' Jannar 2020, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Fond għal Tranżizzjoni Ġusta bħala element addizzjonali fil-pakkett ta' proposti għall-QFP, bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19 u l-effetti ekonomiċi serji tal-lockdowns meħtieġa, il-Kummissjoni ppubblikat proposti emendati fis-27 u t-28 ta' Mejju 2020[7] għal QFP ta' EUR 1 100 biljun u strument ta' rkupru addizzjonali, NextGenerationEU (NGEU)[8], b'valur ta' EUR 750 biljun (fi prezzijiet tal-2018), li minnhom EUR 500 biljun se jitħallsu fil-forma ta' għotjiet u EUR 250 biljun fil-forma ta' self. Il-pakkett kien jinvolvi proposti leġiżlattivi għal strumenti finanzjarji ġodda kif ukoll bidliet għall-programmi tal-QFP diġà mressqa. Il-finanzjament tal-pakkett addizzjonali kellu jiġi żgurat billi jittieħed self fis-swieq finanzjarji. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni emendat ukoll il-proposta għal Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji biex tippermetti s-self sas-somma ta' EUR 750 biljun. Żieda fil-limitu massimu tar-riżorsi proprji għall-pagamenti għal 1.4% tal-ING, flimkien ma' 0.6% tal-ING addizzjonali imma temporanji, ġew proposti biex ikopru aktar attività ta' għoti ta' self. Finalment, il-pakkett tal-Kummissjoni kien jinkludi żieda ta' EUR 11.5 miljun fil-limitu massimu għall-impenji għas-sena 2020 fi ħdan il-QFP 2014-2020, bil-għan li jiġi mobilizzat l-appoġġ qabel il-QFP il-ġdid.

Fit-21 ta' Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet[9] dwar l-isforz ta' rkupru (NextGenerationEU), il-QFP 2021-2027, u r-riżorsi proprji. Sforz ta' rkupru fl-ammont ta' EUR 750 biljun ġie approvat għas-snin 2021-2023. Madankollu, il-komponent tal-għotjiet tnaqqas minn EUR 500 biljun għal EUR 390 biljun u dak tas-self żdied minn EUR 250 biljun għal EUR 360 biljun. Il-Kunsill Ewropew irrifjuta r-reviżjoni 'l fuq tal-limitu massimu tal-QFP għas-sena 2020. Il-limitu massimu globali għall-impenji fil-QFP 2021-2027 ġie stabbilit f'EUR 1 074.3 biljun. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet iddikjaraw li kien ser jiġi introdott reġim ta' kondizzjonalità biex jiġu protetti l-baġit u l-NGEU. Mill-1 ta' Jannar 2021 intlaħaq qbil dwar riżorsa proprja ġdida bbażata fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat u kienet ippjanata ħidma favur l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji oħra matul il-QFP 202102027, biex jintużaw għall-ħlasijiet lura bikrija tas-self fil-qafas tan-NGEU. Il-bażi ġuridika proposta tal-NGEU kienet l-Artikolu 122 tat-TFUE, li jippermetti lill-UE tistabbilixxi miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, mingħajr ma jiġi involut il-Parlament fil-proċedura leġiżlattiva.

Fit-23 ta' Lulju 2020, il-Parlament talab il-ħolqien tal-istrument ta' rkupru bħala att storiku, iżda ddeplora t-tnaqqis li sar għal programmi orjentati lejn il-futur. Insista li żidiet immirati flimkien maċ-ċifri proposti mill-Kunsill Ewropew iridu jiffokaw fuq programmi relatati mal-klima, it-tranżizzjoni diġitali, is-saħħa, iż-żgħażagħ, il-kultura, l-infrastruttura, ir-riċerka, il-ġestjoni tal-fruntieri u s-solidarjetà. Barra minn hekk, huwa tenna li mhux se jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-QFP mingħajr ftehim dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, bil-għan li tal-inqas jiġu koperti l-ispejjeż relatati mal-NGEU (il-kapital u l-interess), sabiex jiġu żgurati l-kredibbiltà u s-sostenibbiltà tiegħu. Il-Parlament talab ukoll, bħala parti mill-awtorità baġitarja, li jkun involut bis-sħiħ fl-istrument ta' rkupru, f'konformità mal-metodu Komunitarju.

It-taħditiet trilaterali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni bdew f'Awwissu 2020 u ġew konklużi fl-10 ta' Novembru 2020. Il-Kunsill Ewropew approva l-ftehim QFP-NGEU fil-11 ta' Diċembru 2020, imbagħad il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu fis-17 ta' Diċembru 2020.

Il-Parlament kien witta t-triq għall-adozzjoni u r-ratifika tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji (u b'hekk it-tnedija tal-istrument ta' rkupru tal-UE) billi pprovda, fis-16 ta' Settembru 2020, l-opinjoni leġiżlattiva obbligatorja tiegħu. Is-27 Stat Membru kollha rratifikaw id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji sal-31 ta' Mejju 2021, li tippermetti lill-UE twettaq il-ħruġ ta' dejn fis-swieq kapitali taħt l-NGEU. Fl-2021 kienu diġà nġabru EUR 71 biljun.

Mekkaniżmu ġdid li jipproteġi l-baġit tal-UE minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, li jikkostitwixxi kundizzjoni oħra stabbilita mill-Parlament għall-approvazzjoni tiegħu, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021.

Qafas finanzjarju pluriennali (UE-27) (EUR miljun, prezzijiet tal-2018)

Approprjazzjonijiet ta' impenn 2021 2022 2023 2024 2025 2026 2027 Total2021-2027
1. Suq uniku, innovazzjoni u diġitali 19 712 19 666 19 133 18 633 18 518 18 646 18 473 132 781
2. Koeżjoni, reżiljenza u valuri 49 741 51 101 52 194 53 954 55 182 56 787 58 809 377 768
2a. Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali 45 411 45 951 46 493 47 130 47 770 48 414 49 066 330 235
2b. Reżiljenza u valuri 4 330 5 150 5 701 6 824 7 412 8 373 9 743 47 533
3. Riżorsi naturali u ambjent 55 242 52 214 51 489 50 617 49 719 48 932 48 161 356 374
li minnhom: infiq relatat mas-suq u pagamenti diretti 38 564 38 115 37 604 36 983 36 373 35 772 35 183 258 594
4. Migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri 2 324 2 811 3 164 3 282 3 672 3 682 3 736 22 671
5. Sigurtà u difiża 1 700 1 725 1 737 1 754 1 928 2 078 2 263 13 185
6. Viċinat u d-dinja 15 309 15 522 14 789 14 056 13 323 12 592 12 828 98 419
7. Amministrazzjoni pubblika Ewropea 10 021 10 215 10 342 10 454 10 554 10 673 10 843 73 102
li minnhom: nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet 7 742 7 878 7 945 7 997 8 025 8 077 8 188 55 852
TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENN 154 049 153 254 152 848 152 750 152 896 153 390 155 113 1 074 300
TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA' PAGAMENT 156 557 154 822 149 936 149 936 149 936 149 936 149 936 1 061 058

Il-Parlament irnexxielu jiggarantixxi b'mod partikolari:

  • Ammont addizzjonali ta' EUR 15-il biljun meta mqabbel mal-proposta ta' Lulju 2020, għall-programmi ewlenin: Orrizont Ewropa, Erasmus+, il-programm l-UE għas-Saħħa, InvestEU, il-Fond għall-Ġestjoni tal-Fruntieri, l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), l-Għajnuna Umanitarja, il-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri, Ewropa Kreattiva ;
  • Żieda progressiva tal-limitu massimu kumplessiv għall-QFP 2021-2027 minn EUR 1 074.3 biljun għal EUR 1 085.3 biljun fi prezzijiet tal-2018;
  • Ammont addizzjonali ta' EUR 1 biljun għall-Istrument ta' Flessibbiltà;
  • Pass proċedurali ġdid (il-"proċedura ta' skrutinju baġitarju") għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi futuri għal kriżi bbażati fuq l-Artikolu 122 tat-TFUE, b'implikazzjonijiet baġitarji potenzjalment sinifikanti;
  • L-involviment tal-Parlament fl-użu tad-dħul assenjat estern (EAR) tal-NGEU, rivalutazzjoni ġenerali tal-EAR u l-għoti u t-teħid b'self fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament Finanzjarju, u tal-arranġamenti għall-kooperazzjoni fin-negozjati futuri tal-QFP;
  • Metodoloġija mtejba li tittraċċa l-klima biex tintlaħaq il-mira ta' mill-inqas 30% tan-nefqa tal-QFP/NGEU biex jiġu appoġġati l-objettivi klimatiċi;
  • Mira annwali ġdida tal-bijodiversità u t-tfassil ta' metodoloġija biex titkejjel in-nefqa fuq is-sessi;
  • Riforma tal-ġbir, il-kwalità u l-komparabbiltà tad-data dwar il-benefiċjarji sabiex il-baġit tal-UE jiġi protett aħjar, inkluż l-infiq tal-NGEU;
  • L-integrazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit tal-UE;
  • Livelli globali ta' finanzjament għall-agrikoltura u l-koeżjoni ta' daqs komparabbli għall-2014-2020;
  • Il-ħolqien tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta
  • Pjan direzzjonali legalment vinkolanti għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda tal-UE.

Is-sors ewlieni għaż-żidiet (EUR 11-il biljun) se jiġi minn mekkaniżmu ġdid marbut mal-multi miġbura mill-Unjoni u se jirriżulta f'allokazzjonijiet addizzjonali awtomatiċi għall-programmi kkonċernati fl-2022-2027. Il-limitu massimu globali ta' seba' snin tal-QFP għalhekk se jilħaq EUR 1 085.3 biljun fi prezzijiet tal-2018 b'mod inkrementali, jiġifieri EUR 2 biljun ogħla f'termini reali mil-limitu ekwivalenti tal-QFP 2014-2020 (EUR 1 083.3 biljun fi prezzijiet tal-2018 mingħajr ir-Renju Unit, u bil-FEŻ).

Żidiet ulterjuri (EUR 2.5 biljun) jiġu minn bilanċi li jibqgħu mhux allokati fil-limiti massimi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew. EUR 1 biljun jiġi minn rimborżi mill-Faċilità ta' Investiment tal-AKP (Fond Ewropew għall-Iżvilupp) għall-benefiċċju tal-NDICI. EUR 0.5 biljun jiġi minn approprjazzjonijiet diżimpenjati fil-qasam tar-riċerka għall-benefiċċju ta' Orizzont Ewropa (l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju).

Skont il-FII, il-ħlasijiet lura u l-interessi tal-irkupru tad-dejn għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-perjodu 2021-2027, "inkluż permezz ta' dħul suffiċjenti minn riżorsi proprji ġodda introdotti wara l-2021". Dan mingħajr preġudizzju għal kif din il-kwistjoni se tiġi indirizzata fil-QFP futuri mill-2028 'l hemm u l-mira espressa li jiġu ppreservati l-programmi u l-fondi tal-UE.

Fit-22 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni pproponiet riżorsi proprji ġodda u emenda mmirata tar-Regolament QFP. Dawn il-miżuri huma prinċipalment immirati biex iżidu l-limiti massimi biex jakkomodaw in-nefqa għall-Fond Soċjali għall-Klima futur u jintroduċu mekkaniżmu ġdid li jippermetti li l-limiti massimi jiżdiedu awtomatikament mill-2025 sabiex jakkomodaw kwalunkwe dħul addizzjonali li jirriżulta minn riżorsi proprji ġodda għall-ħlas lura bikri tad-dejn tal-NGEU.

Il-Kummissjoni qalet li sal-1 ta' Jannar 2024 se tippreżenta rieżami tal-funzjonament tal-QFP u, jekk ikun il-każ, tressaq proposti ta' reviżjoni.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, żur is-sit tal-Kumitat għall-Baġits.

 

[1]ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
[2]ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.
[3]ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23.
[4]ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
[5]ĠU C 162, 10.5.2019, p. 51.
[6]ĠU C 76, 9.3.2020, p. 103.

Alix Delasnerie