Din l-iskeda informattiva tispjega kif jiġi implimentat il-baġit tal-UE, inklużi r-regoli u l-prinċipji ta’ governanza, il-metodi varji ta’ implimentazzjoni, u s-sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll biex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba. Tiddeskrivi wkoll ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-kodeċiżjoni tal-baġit annwali, fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni u li jżomm lill-Kummissjoni responsabbli permezz tal-proċeduri annwali ta’ kwittanza.

Il-bażi legali

  • L-Artikoli 290, 291, 317, 318, 319, 321, 322 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 179 tat-Trattat Euratom;
  • Ir-Regolament Finanzjarju, jiġifieri r-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni;
  • Il-Ftehim Interistituzzjonali (FII) tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda.
  • L-objettivi

    L-objettiv ġenerali huwa li jiġi żgurat li l-fondi pubbliċi jintefqu b’mod xieraq, f’konformità mal-prinċipji tal-konformità u b’mod ibbażat fuq il-prestazzjoni, filwaqt li jiġu rrispettati l-valuri tal-Unjoni Ewropea. B’mod speċifiku, dan jinvolvi: (1) konformità mar-Regolament Finanzjarju u t-Trattati; (2) ġestjoni finanzjarja tajba (ekonomija, effiċjenza, effettività); (3) protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE; (4) obbligu ta’ rendikont lejn il-Parlament u ċ-ċittadini.

    Il-proċeduri

    A. Ir-regoli ta’ implimentazzjoni

    Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq tal-baġit f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, soġġetta għall-iskrutinju politiku mill-Parlament Ewropew.

    L-implimentazzjoni tal-baġit tinvolvi żewġ operazzjonijiet prinċipali: impenji segwiti minn ħlas. L-approprjazzjonijiet ta’ impenn huma fondi mwarrba għal proġetti li l-UE taqbel li tiffinanzja. L-approprjazzjonijiet ta’ pagament huma l-fondi attwali mħallsa għal impenji attwali u passati.

    L-implimentazzjoni tal-baġit issir fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati mill-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) (ara 1.4.3) u titwettaq f’konformità mat-Trattati u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju. Ir-Regolament Finanzjarju għandu kamp ta’ applikazzjoni orizzontali, peress li huwa applikabbli għall-oqsma kollha ta’ nfiq u dħul. Ir-regoli ulterjuri applikabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit jinsabu fir-regolamenti marbuta mas-setturi, li jkopru politiki partikolari tal-UE.

    Il-ġestjoni finanzjarja tajba hija prinċipju ewlieni ta’ gwida[1], li huwa definit mit-tliet prinċipji li ġejjin:

    • l-ekonomija, jiġifieri l-aħjar prezz,
    • l-effiċjenza, jiġifieri l-aħjar relazzjoni bejn l-użu tar-riżorsi u l-kisba tal-objettivi,
    • l-effettività, jiġifieri l-kisba tal-objettivi.
    • F’konformità ma’ dawn il-prinċipji, l-implimentazzjoni hija mmexxija mill-prestazzjoni.

      Barra minn hekk, ir-rispett għall-valuri tal-UE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, iridu jkunu żgurati (għal aktar informazzjoni dwar id-dħul tal-UE ara 1.4.1).

      B. Il-metodi ta’ implimentazzjoni

      Il-Kummissjoni tista’ timplimenta l-baġit b’dawn il-modi[2]:

      • direttament mid-dipartimenti jew l-aġenziji eżekuttivi tagħha (“ġestjoni diretta”),
      • b’delega mal-Istati Membri (“ġestjoni kondiviża”),
      • indirettament billi l-implimentazzjoni tal-baġit tiġi fdata lil entitajiet u persuni oħra, eż. pajjiżi mhux tal-UE jew organizzazzjonijiet internazzjonali (“ġestjoni indiretta”).
      • Fil-prattika, madwar 70% tal-baġit jintefaq permezz ta’ “ġestjoni kondiviża” (bl-Istati Membri jqassmu l-fondi u jiġġestixxu n-nefqa), madwar 20% permezz ta’ “ġestjoni diretta” mill-Kummissjoni jew l-aġenziji eżekuttivi tagħha, u l-10% li jifdal permezz ta’ “ġestjoni indiretta”[3].

        L-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE huma responsabbli għall-implimentazzjoni tat-taqsimiet tagħhom tal-baġit (għal aktar informazzjoni dwar in-nefqa tal-UE ara 1.4.2)).

        C. Kif tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni?

        Il-kontrolli interni huma applikati għall-metodi kollha ta’ implimentazzjoni. Il-kontroll intern tal-implimentazzjoni tal-baġit jivvaluta jekk il-prinċipji tal-ekonomija, tal-effiċjenza u tal-effettività humiex rispettati. Aspett ewlieni ieħor huwa relatat mal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-irregolaritajiet, li jinkludu l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-finanzjament doppju[4]. L-implimentazzjoni tal-baġit titwettaq f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli għall-kuntratti ta’ akkwist pubbliku (provvista, xogħol u servizzi) (ara 2.1.10).

        Ir-regoli tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma bbażati fuq l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku stabbiliti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti. Għaddejja wkoll ħidma biex jiġu żviluppati standards tal-kontabbiltà tas-settur pubbliku tal-UE biex tiġi armonizzata l-kontabbiltà tas-settur pubbliku fl-UE.

        Is-Sistema ta’ Trasparenza Finanzjarja tipprovdi informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi ġestiti direttament mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, kull Stat Membru huwa responsabbli għall-pubblikazzjoni tad-data dwar il-benefiċjarji tal-fondi li jamministra permezz ta’ ġestjoni kondiviża. Barra minn hekk, is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES) tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE billi tippermetti l-identifikazzjoni bikrija, l-esklużjoni mill-proċeduri u l-penali finanzjarja ta’ persuni u entitajiet mhux affidabbli li japplikaw għal fondi tal-UE jew li jkunu daħlu f’impenji legali mal-Kummissjoni jew ma’ istituzzjonijiet oħra. L-EDES tipprevedi l-esklużjoni ta’ persuni u entitajiet mhux affidabbli mill-proċeduri u l-impożizzjoni ta’ penali finanzjarji fuqhom.

        Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (ara 1.3.12) teżamina l-implimentazzjoni tal-baġit peress li r-rwol tagħha huwa li tawditja t-tranżazzjonijiet kollha marbuta mal-baġit tal-UE. L-Istati Membri huma ppenalizzati f’każijiet ta’ implimentazzjoni skorretta tal-baġit: tali telf fid-dħul tal-baġit tal-UE huwa kkumpensat minn talba għal ħlas lura ta’ fondi allokati indebitament mill-gvernijiet nazzjonali.

        Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

        Il-Parlament Ewropew għandu rwol ewlieni fl-iżgurar tal-bilanċ istituzzjonali tal-UE. Fir-rigward tas-setgħat baġitarji:

        • il-Parlament huwa wieħed miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, li jieħu deċiżjonijiet dwar il-baġit annwali, fuq l-istess livell mal-Kunsill;
        • il-Parlament huwa l-unika awtorità ta’ kwittanza, u b’hekk jiskrutinizza l-implimentazzjoni tal-baġit.
        • Il-Parlament jista’ wkoll jinfluwenza l-implimentazzjoni tal-baġit permezz tal-attivitajiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tiegħu, pereżempju permezz ta’ rapporti u riżoluzzjonijiet jew billi jindirizza mistoqsijiet orali jew bil-miktub lill-Kummissjoni.

          A. Il-proċedura baġitarja

          Il-Parlament Ewropew jiddetermina l-baġit annwali tal-UE flimkien mal-Kunsill (għal aktar informazzjoni dwar il-proċedura baġitarja ara 1.2.5), jiġifieri l-allokazzjoni ta’ fondi fi ħdan il-parametri stabbiliti mill-QFP. Matul in-negozjati baġitarji, il-Parlament jista’ jipproponi li l-fondi jitqiegħdu “f’riżerva” jekk ikollu dubji, b’mod partikolari, dwar il-ġustifikazzjoni tal-infiq jew il-kapaċità tal-Kummissjoni li timplimentaha. Il-mobilizzazzjoni ta’ tali fondi tiġi sospiża sakemm jiġi ssodisfat sett ta’ kundizzjonijiet definit minn qabel.

          Ladarba jiġi adottat, il-baġit xorta jista’ jiġi emendat matul l-implimentazzjoni permezz ta’ abbozzi ta’ baġits emendatorji u trasferimenti b’deċiżjoni, jekk jiġu approvati mill-Parlament u mill-Kunsill. Madankollu, matul l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha rwol ewlieni billi tadotta programmi ta’ ħidma u deċiżjonijiet ta’ finanzjament, kif ukoll billi twettaq trasferimenti awtonomi (jiġifieri trasferimenti mhux soġġetti għall-approvazzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill) fejn il-leġiżlazzjoni, inkluż ir-Regolament Finanzjarju, tippermetti dan[5].

          Il-FII relatat mal-baġit jipprevedi kooperazzjoni baġitarja bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament. Isiru laqgħat interistituzzjonali regolari biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-baġit, b’ħarsa partikolari lejn l-approprjazzjonijiet ta’ pagament sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-programmi tal-UE u t-twettiq tal-obbligi finanzjarji kollha[6].

          B. Il-proċedura ta’ kwittanza

          Il-proċedura ta’ kwittanza (għal aktar dwar il-kontroll baġitarju ara 1.4.5) tippermetti lill-Parlament jevalwa l-infiq tal-UE ex post, abbażi tar-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jivvaluta l-affidabbiltà, il-legalità u r-regolarità tal-infiq u d-dħul tal-UE.

          Il-kwittanza hija deċiżjoni tal-Parlament li tirrifletti l-konklużjonijiet tiegħu dwar il-mod li bih il-Kummissjoni u istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE wettqu l-kompitu li jimplimentaw il-baġit tal-UE. Il-Parlament jista’ jadotta wkoll riżoluzzjoni ta’ kwittanza biex jistabbilixxi rekwiżiti u rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni, filwaqt li jitlob, pereżempju, bidliet proċedurali.

          Dan il-proċess ta’ skrutinju parlamentari tal-implimentazzjoni tal-baġit jgħin biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-qafas legali u regolatorju rilevanti, u r-rispett dovut għall-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

          Bi strumenti ta’ finanzjament reċenti bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li tipprovdi għotjiet u self lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-irkupru ta’ wara l-pandemija u r-riformi strutturali, il-Kummissjoni qed titbiegħed dejjem aktar minn approċċ tradizzjonali ta’ rimborż tal-kostijiet, lejn ir-rabta tal-pagamenti mal-ilħuq tal-istadji importanti u l-miri. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2025 dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Parlament issottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati d-dgħufijiet fil-kontrolli finanzjarji u wissa li n-nuqqas ta’ data xekkel il-kapaċità li tiġi vverifikata l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, u dan ixekkel l-iskrutinju, it-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika.

          Il-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP ta’ wara l-2027 tintroduċi bidliet sinifikanti fil-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni, b’bidla lejn twettiq ibbażat fuq il-prestazzjoni, aktar flessibbiltà, u sehem akbar ta’ nefqa mhux ipprogrammata minn qabel biex tippermetti rispons rapidu għall-kriżijiet. Bidla ewlenija hija l-introduzzjoni ta’ approċċ ta’ “pjan nazzjonali wieħed għal kull Stat Membru” fil-proposta tal-Kummissjoni għall-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u s-settur marittimu, il-prosperità u s-sigurtà għall-perjodu 2028-2034, ispirat mill-mudell tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, flimkien mar-regolament qafas tal-prestazzjoni propost, li jistabbilixxi qafas simplifikat u unifikat għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-baġit tal-UE. Il-pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali jlaqqgħu flimkien bosta programmi ta’ ġestjoni kondiviża, inklużi l-koeżjoni, l-agrikoltura u l-migrazzjoni.

          Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2025 dwar baġit fit-tul imġedded għall-Unjoni f’dinja li qed tinbidel, il-Parlament saħaq li l-pjanijiet nazzjonali “ma jistgħux ikunu l-bażi għall-infiq taħt ġestjoni kondiviża wara l-2027” u enfasizza li t-tfassil tal-infiq taħt ġestjoni kondiviża taħt il-QFP li jmiss irid jissalvagwardja bis-sħiħ ir-rwol tal-Parlament bħala leġiżlatur u awtorità baġitarja, kif ukoll jiżgura l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali.

          Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mill-Unità tal-Appoġġ Baġitarju tal-Parlament Ewropew fid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Baġitarji. Għal aktar informazzjoni, żur is-siti web tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit.

           

          [1]L-Artikolu 33 tar-Regolament Finanzjarju.
          [2]L-Artikolu 62 tar-Regolament Finanzjarju.
          [4]L-Artikolu 36 tar-Regolament Finanzjarju.
          [5]L-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament Finanzjarju.
          [6]Il-parti G tal-Anness I tal-Ftehim Interistituzzjonali.

          Anda-Diana GHIRAN-MERVEILLE