L-akkwist pubbliku
Din l-iskeda informattiva tispjega r-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, jiġifieri l-proċess li bih l-awtoritajiet pubbliċi, bħad-dipartimenti tal-gvern jew l-awtoritajiet lokali, jixtru xogħol, oġġetti jew servizzi mingħand il-kumpaniji. Tiddeskrivi l-qafas legali, il-proċeduri ewlenin u r-riformi ta’ politika reċenti, inklużi miżuri dwar id-diġitalizzazzjoni, is-sostenibbiltà u l-akkwist internazzjonali. Tenfasizza r-rwol tal-Parlament Ewropew fit-tfassil u r-rieżami tal-qafas tal-akkwist pubbliku tal-UE.
Il-bażi legali
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: l-Artikoli 26 u 114 jipprovdu l-bażi legali għas-suq uniku u jistabbilixxu regoli komuni tal-UE meħtieġa għall-funzjonament tagħha, inkluż fl-akkwist pubbliku; l-Artikoli 34, 56, 57 u 62 jiżguraw li l-kuntratti pubbliċi jkunu miftuħa għall-kompetizzjoni transfrutniera fl-oġġetti u s-servizzi; u l-Artikolu 53(1) jipprovdi l-bażi legali għall-koordinazzjoni tar-regoli nazzjonali li jaffettwaw l-aċċess għall-attivitajiet ekonomiċi.
Objettivi tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku
L-għan tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku huwa li jiżguraw li l-kuntratti pubbliċi (jiġifieri l-kuntratti mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi lill-kumpaniji biex jipprovdu xogħlijiet, prodotti jew servizzi) jingħataw b’mod ġust u effiċjenti fis-suq uniku miftuħ tal-UE.
L-objettivi prinċipali tagħhom huma li:
- jiżguraw trattament ugwali u trasparenza fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi;
- jiftħu s-swieq nazzjonali tal-akkwist għall-kompetizzjoni madwar l-UE;
- jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw l-aħjar valur għall-flus pubbliċi;
- inaqqsu r-riskji ta’ frodi u korruzzjoni;
- jappoġġjaw għanijiet ta’ politika usa’ bħall-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà.
- id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku;
- id-Direttiva dwar l-Utilitajiet dwar l-akkwist fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u postali;
- id-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet, li tistabbilixxi qafas legali għall-għoti ta’ konċessjonijiet, li jiżgura li l-atturi ekonomiċi kollha tal-UE jkollhom aċċess effettiv u mhux diskriminatorju għas-suq tal-UE, u jipprovdi aktar ċertezza dwar id-dispożizzjonijiet legali applikabbli. Il-konċessjonijiet huma kuntratti mogħtija minn awtorità pubblika lil kumpanija waħda jew aktar għal xogħlijiet jew servizzi (eż. il-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-awtostradi). Kumpanija li tingħata konċessjoni titħallas primarjament billi titħalla tmexxi u tisfrutta x-xogħlijiet jew is-servizz.
- Fil-“proċedura miftuħa”, kwalunkwe kumpanija interessata tista’ tissottometti offerta.
- Il-“proċedura ristretta” tippermetti biss lill-kandidati mistiedna biex jissottomettu offerta.
- Il-“proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar” tippermetti li kwalunkwe kumpanija tista’ titlob li tipparteċipa, iżda wara valutazzjoni, dawk mistiedna biss ikunu jistgħu jissottomettu offerta.
- Id-“djalogu kompetittiv” huwa għal sitwazzjonijiet meta l-awtoritajiet pubbliċi li jkunu qed iniedu s-sejħa għall-offerti ma jkunux jistgħu jiddefinixxu l-ħtiġijiet tagħhom; il-kandidati mistiedna biss jipparteċipaw fid-djalogu. Il-kuntratti jingħataw abbażi tal-aħjar proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità.
- Il-proċedura ta’ “sħubija għall-innovazzjoni” tintuża għal soluzzjonijiet innovattivi li jkun għadhom mhumiex fis-suq. L-awtorità tikkollabora ma’ entità waħda jew aktar għar-riċerka u l-iżvilupp biex tinnegozja soluzzjoni ġdida matul il-proċess tas-sejħa għall-offerti.
- riżoluzzjoni dwar żviluppi ġodda fl-akkwisti pubbliċi (it-18 ta’ Mejju 2010);
- riżoluzzjoni dwar l-aċċess ugwali għas-swieq tas-settur pubbliku fl-UE u f’pajjiżi terzi (it-12 ta’ Mejju 2011);
- riżoluzzjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-akkwist pubbliku (il-25 ta’ Ottubru 2011).
L-akkwist pubbliku jammonta għal madwar 14% tal-PDG tal-UE u huwa partikolarment importanti f’setturi bħall-kostruzzjoni, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni. Għalhekk huwa mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-innovazzjoni fi ħdan is-suq uniku tal-UE. Il-ftuħ tal-akkwist għall-kompetizzjoni fis-suq uniku jgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw valur aħjar għall-flus, filwaqt li jappoġġja l-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE u jippromwovi proċeduri trasparenti u effiċjenti ta’ għoti.
Ir-regoli bikrija dwar l-akkwist pubbliku
Il-Komunità Ewropea adottat leġiżlazzjoni bil-għan li tikkoordina r-regoli nazzjonali, filwaqt li timponi obbligi fuq il-pubblikazzjoni tas-sejħiet għall-offerti u fuq il-kriterji oġġettivi użati għall-valutazzjoni tal-offerti. Mis-snin sittin, ġew adottati diversi atti legali relatati mal-akkwist pubbliku, iżda aktar tard il-Komunità ddeċidiet li tissimplifika u tikkoordina l-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam, bl-adozzjoni ta’ direttiva dwar proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, provvisti pubbliċi u servizzi pubbliċi (id-Direttiva 2004/18/KE) u direttiva dwar il-proċeduri ta’ akkwisti fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u postali (id-Direttiva 2004/17/KE). Ftit snin wara, direttiva introduċiet regoli speċifiċi għall-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża (id-Direttiva 2009/81/KE), bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-swieq tad-difiża ta’ Stati Membri oħra.
Ir-riforma tal-politika tal-akkwist pubbliku
Fl-2014, il-Parlament u l-Kunsill adottaw pakkett ġdid dwar l-akkwist pubbliku li jinkludi tliet direttivi:
Fl-2012, il-Kummissjoni pproponiet regolament dwar il-politika internazzjonali tal-akkwist pubbliku. Dan kellu l-għan li jiċċara r-regoli li jirregolaw l-aċċess għas-suq uniku tal-UE fl-akkwist pubbliku u l-proċeduri għall-kumpaniji, l-oġġetti u s-servizzi minn barra l-UE. Kellu wkoll l-għan li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE meta tinnegozja l-aċċess għall-kumpaniji, l-oġġetti u s-servizzi tal-UE għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta’ pajjiżi terzi. Staġnar fin-negozjati rriżulta fi proposta ġdida mill-Kummissjoni fl-2016. Il-Parlament u l-Kunsill iffirmaw l-Istrument għal Akkwist Internazzjonali (IPI) fit-23 ta’ Ġunju 2022. L-IPI għandu l-għan li jippromwovi l-ftuħ globali tas-swieq tal-akkwist.
Barra minn hekk, fit-12 ta’ Lulju 2023, daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin (ir-Regolament (UE) 2022/2560), li ppermetta lill-Kummissjoni tindirizza d-distorsjonijiet u tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji kollha li joperaw fis-suq uniku. Dawn ir-regoli l-ġodda jiżguraw li s-sussidji barranin ikunu jistgħu jiġu indirizzati fi proċeduri individwali ta’ akkwist pubbliku, billi jeżiġu li x-xerrejja pubbliċi tal-UE jeskludu lill-kumpaniji li jkunu rċevew sussidji barranin distorsivi mill-proċeduri ta’ akkwist pubbliku.
F’April 2012, il-Kummissjoni adottat strateġija għall-akkwist elettroniku bil-għan li titlesta t-tranżizzjoni lejn l-akkwist elettroniku sa nofs l-2016. Fis-16 ta’ April 2014, il-Parlament u l-Kunsill adottaw direttiva dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku.
Fit-3 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni ppubblikat żewġ komunikazzjonijiet: “Nagħmlu l-Akkwist Pubbliku jaħdem fl-Ewropa u għaliha” u “Għajnuna għall-investiment permezz ta’ valutazzjoni volontarja ex ante tal-aspetti tal-akkwist f’każijiet ta’ proġetti infrastrutturali kbar”. Bil-għan li tkompli jittejjeb l-akkwist pubbliku Ewropew bħala parti mill-pakkett tal-istrateġija dwar l-akkwist pubbliku, hija ppubblikat ukoll rakkomandazzjoni dwar il-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku.
Fil-Linji Gwida Politiċi tagħha għall-Kummissjoni Ewropea li Jmiss 2024-2029, Ursula von der Leyen, li dak iż-żmien kienet kandidata għall-President tal-Kummissjoni, ħabbret reviżjoni tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku biex tkun tista’ tingħata preferenza lill-prodotti tal-UE fl-akkwist pubbliku għal ċerti setturi strateġiċi, tgħin tiżgura l-valur miżjud tal-UE u s-sigurtà tal-provvista għal teknoloġiji, prodotti u servizzi vitali, u timmodernizza u tissimplifika r-regoli tal-akkwist pubbliku. Fit-13 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni tat-tliet direttivi ewlenin dwar l-akkwist pubbliku (id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku, id-Direttiva dwar l-Utilitajiet u d-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet). Hija kellha l-għan li tivvaluta l-prestazzjoni u l-impatt tagħhom madwar l-UE, jekk għadhomx adattati għall-iskop tagħhom, jilħqux l-objettivi maħsuba tagħhom b’kost minimu u jindirizzawx b’mod adegwat l-isfidi attwali.
Il-proċedura tal-akkwist pubbliku
Il-proċeduri jridu jaderixxu mal-prinċipji tal-liġi tal-UE, inkluż il-moviment liberu tal-merkanzija, l-istabbiliment u l-forniment tas-servizzi. Il-prinċipji bħat-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni u t-trasparenza huma essenzjali, u l-kompetizzjoni, il-kunfidenzjalità u l-effiċjenza jridu jiġu rispettati.
A. It-tipi ta’ proċeduri
Is-sejħiet għall-offerti jallinjaw ma’ diversi tipi ta’ proċeduri, abbażi ta’ sistema ta’ limiti. Id-direttivi jiddeskrivu l-metodi ta’ kif jiġi kkalkolat il-valur stmat ta’ kull kuntratt pubbliku u l-proċeduri assoċjati.
F’każijiet speċjali, il-kuntratti jistgħu jingħataw mingħajr pubblikazzjoni minn qabel.
B. Il-kriterji għall-għoti ta’ kuntratt
L-awtoritajiet kontraenti huma meħtieġa jagħtu kuntratti pubbliċi abbażi tal-kriterju tal-“aktar offerta ekonomikament vantaġġuża” (MEAT), introdott fir-riforma tar-regoli tal-akkwist pubbliku. Minflok ma jitqies biss l-aktar prezz baxx, l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża (MEAT) tenfasizza l-aħjar valur għall-flus billi tqis il-kwalità, il-fatturi ambjentali u soċjali, il-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja u l-innovazzjoni.
C. Ir-regoli dwar il-pubblikazzjoni u t-trasparenza
Il-proċeduri tal-akkwist iridu jiżguraw it-trasparenza meħtieġa fl-istadji kollha. Din tinkiseb permezz tal-pubblikazzjoni tal-elementi essenzjali tal-proċeduri tal-akkwist, u permezz tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kandidati u l-offerenti, kif ukoll permezz tal-għoti ta’ dokumentazzjoni suffiċjenti rigward il-passi kollha tal-proċedura.
D. Ir-rimedji meta jinkisru l-kuntratti
Id-Direttiva dwar ir-Rimedji tal-2007 tiżgura sistema effettiva ta’ rieżami għall-ksur tar-regoli tal-akkwist pubbliku. Tintroduċi l-perjodu “sospensiv” li, wara deċiżjoni ta’ kuntratt, jagħti lill-offerenti mill-anqas 10 ijiem biex jirrieżaminaw id-deċiżjoni qabel ma l-awtoritajiet jiffirmaw il-kuntratt. Dan il-perjodu jippermetti kontestazzjonijiet potenzjali għad-deċiżjoni.
E. Aspetti oħra tal-akkwist pubbliku
Ir-regoli introdotti fl-2014 jenfasizzaw l-inklużjoni soċjali u jissimplifikaw il-kuntratti ta’ servizzi. Għandhom l-għan li jnaqqsu l-burokrazija, jgħinu lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) permezz tad-“dokument uniku Ewropew tal-akkwist”, u jħeġġu li l-kuntratti jinqasmu f’lottijiet. L-akkwist elettroniku jingħata prijorità, b’deskrizzjoni tat-tekniki speċifiċi tal-akkwist elettroniku. Id-direttivi jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-għoti ta’ kuntratti interni (in-house) u jsaħħu r-regolamenti kontra l-kunflitti ta’ interess u l-korruzzjoni.
Barra minn hekk, ir-regoli jenfasizzaw l-akkwist ekoloġiku, filwaqt li jqisu l-impatt ambjentali u jippermettu referenzi għall-ekotikketta. L-akkwist pubbliku ekoloġiku (APE) huwa definit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Akkwist pubbliku għal ambjent aħjar” bħala “proċess li permezz tiegħu l-awtoritajiet pubbliċi jiksbu prodotti, servizzi u xogħlijiet li jkollhom inqas impatt fuq l-ambjent matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom meta mqabbla ma’ prodotti, servizzi u xogħlijiet li kieku jinkisbu u li jkollhom l-istess funzjoni primarja”. Il-Kummissjoni ilha tiżviluppa kriterji volontarji tal-APE għal diversi gruppi ta’ prodotti u qed tipproponi kriterji u miri minimi obbligatorji tal-APE fil-leġiżlazzjoni settorjali bħad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa (id-Direttiva (UE) 2019/1161), ir-Regolament dwar l-Ekodisinn, ir-Regolament dwar il-Prodotti Ġodda għall-Bini u r-Regolament dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ.
Wara l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari tal-2020, fil-11 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta’ ħidma dwar il-kriterji tal-APE għaċ-ċentri tad-data, il-kmamar tas-servers u s-servizzi tal-cloud bil-għan li tiżgura li t-tagħmir u s-servizzi taċ-ċentri tad-data jiġu akkwistati b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent f’konformità mal-objettivi tal-UE dwar l-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.
B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni pproponiet il-programm l-UE għas-Saħħa, li għandu l-għan li jżid b’mod sinifikanti l-baġit għall-akkwist fil-qasam tas-saħħa pubblika, inklużi l-mediċini, il-vaċċini u s-sistemi tad-data dwar is-saħħa. Regolament li jistabbilixxi l-programm l-UE għas-Saħħa għall-2021-2027 kien effettiv mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-Kummissjoni pprovdiet gwida ġdida għax-xerrejja pubbliċi għall-akkwist rapidu ta’ tagħmir essenzjali, tat bidu għal ħames akkwisti konġunti ta’ tagħmir protettiv mal-Istati Membri, u enfasizzat id-diġitalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku permezz tal-pjattaformi nazzjonali tal-akkwist elettroniku, bħala parti mill-istrateġija usa’ tagħha ta’ rkupru wara l-COVID-19.
Fir-rigward tal-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża, f’Ottubru 2023, ġie adottat ir-Regolament EDIRPA li jistabbilixxi strument għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża permezz tal-akkwist komuni. Dan ir-regolament għandu l-għan li jagħti spinta sostanzjali lill-infiq fuq id-difiża, jippromwovi investimenti kollaborattivi fi proġetti konġunti, ittejjeb l-akkwist konġunt tal-kapaċitajiet tad-difiża, isaħħaħ l-investiment f’diversi kapaċitajiet ta’ missjoni, jisfrutta s-sinerġiji, jixpruna l-innovazzjoni u jirrinforza l-industrija tad-difiża Ewropea, b’enfasi fuq l-appoġġ għall-SMEs.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament kellu rwol ċentrali fl-adozzjoni tal-pakkett tal-akkwist pubbliku tal-2014. Huwa appella b’mod konsistenti għal regoli aktar sempliċi, ċertezza legali akbar, aċċess aħjar għall-SMEs, użu usa’ tal-għodod diġitali u appoġġ aktar b’saħħtu għas-sostenibbiltà fl-akkwist pubbliku.
Qabel ma adotta l-pakkett dwar l-akkwist pubbliku fil-15 ta’ Jannar 2014, il-Parlament kien adotta diversi riżoluzzjonijiet, inklużi:
Bħala parti mill-isforzi biex ikompli jittejjeb l-akkwist pubbliku tal-UE, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-pakkett tal-istrateġija dwar l-akkwist pubbliku fl-4 ta’ Ottubru 2018. Ir-riżoluzzjoni, infurmata minn analiżi tal-qafas legali tal-akkwist pubbliku tal-UE, talbet użu aħjar tat-teknoloġiji diġitali fl-akkwist pubbliku fl-UE, miżuri ta’ faċilitazzjoni għall-SMEs u għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, aċċess aħjar għall-fornituri tal-UE fir-rigward tas-swieq tal-akkwist pubbliku ta’ pajjiżi terzi, u l-professjonalizzazzjoni tax-xerrejja. F’Novembru 2020, studju dwar l-ostakli legali nazzjonali għar-regoli tas-suq uniku sab li d-disparitajiet fil-professjonaliżmu fl-akkwist pubbliku fost l-Istati Membri kienu kawża sinifikanti ta’ aċċess mhux uniformi għall-akkwist pubbliku.
Riċerka dwar l-akkwist pubbliku tal-UE stmat li l-attività leġiżlattiva reċenti tal-Parlament iġġenerat sa EUR 2.88 biljun fis-sena. Fl-istess waqt, id-direttivi tal-2014 dwar l-akkwist pubbliku wasslu għal żieda fil-valuri ta’ għoti totali minn anqas minn EUR 200 biljun għal madwar EUR 525 biljun.
F’April 2020, briefing dwar il-qafas dwar l-akkwist pubbliku tal-UE eżamina kif dan il-qafas jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi fil-Ftehim ta’ Pariġi u l-Istrateġija tal-Ekonomija Ċirkolari. Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO) tal-Parlament talab dan id-dokument ta’ riċerka li pprovda l-bażi għal riżoluzzjoni bit-titolu “Lejn suq uniku aktar sostenibbli għall-impriżi u l-konsumaturi”, adottata fil-25 ta’ Novembru 2020.
Fit-22 ta’ Frar 2021, studju dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq is-suq intern ġie kondiviż mal-Kumitat IMCO. Huwa ssuġġerixxa approċċi ta’ politika għal kriżijiet futuri, inklużi fondi riżervati għall-iżvilupp tal-vaċċini u l-koordinazzjoni tar-regoli fil-livell tal-UE. L-istudju indika li l-Istati Membri malajr raw l-importanza ta’ sforzi kkoordinati fl-akkwist ta’ tagħmir mediku u tagħmir protettiv personali minħabba l-intensità tal-kriżi.
Fl-1 ta’ Diċembru 2021, il-Kumitat IMCO organizza seduta ta’ smigħ pubbliku dwar l-akkwist pubbliku sostenibbli flimkien mal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament. L-objettiv kien li wieħed jara kif l-akkwist pubbliku jista’ jappoġġja l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
F’Mejju 2022, studju għall-Kumitat IMCO bit-titolu “The Digital Single Market and the digitalisation of the public sector” (Is-Suq Uniku Diġitali u d-diġitalizzazzjoni tas-settur pubbliku) esplora l-potenzjal ta’ pjattaforma GovTech tal-UE biex jiġi mmodernizzat is-settur pubbliku.
Fid-9 ta’ Settembru 2025, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-akkwist pubbliku, li tistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-qafas attwali, tnaqqas il-burokrazija u l-piżijiet regolatorji, filwaqt li żżomm standards soċjali u ambjentali għoljin u tagħti spinta lill-kompetittività tal-UE.
Fl-14 ta’ Ottubru 2025, il-Kummissjoni ppubblikat l-evalwazzjoni tagħha tat-tliet direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku. Filwaqt li tkopri l-perjodu 2016-2024, l-evalwazzjoni tifforma parti mit-tħejjijiet għall-Att dwar l-Akkwist Pubbliku li jmiss, mistenni fit-tieni trimestru tal-2026, u ssegwi l-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar. L-evalwazzjoni ġiet diskussa mill-Kumitat IMCO matul skambju ta’ fehmiet mal-Kummissjoni fil-11 ta’ Novembru 2025.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew dwar l-Ekonomija u t-Tkabbir. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, żur is-sit web tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur.
Georgios ATHANASIADIS