Il-proprjetà intellettwali
Din l-iskeda informattiva tispjega l-qafas tal-UE għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li jinkludu l-proprjetà industrijali u kummerċjali (privattivi, trademarks, disinji, sigrieti kummerċjali u indikazzjonijiet ġeografiċi) u d-drittijiet tal-awtur. Tispjega wkoll ir-rwol tal-Parlament Ewropew fl-armonizzazzjoni tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali.
Il-bażi legali
L-Artikoli 114 u 118 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) ikopru l-armonizzazzjoni tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali u l-ħolqien ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-UE kollha.
L-objettivi
Għalkemm huma regolati b’diversi liġijiet internazzjonali u nazzjonali, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (DPI) huma wkoll armonizzati mil-leġiżlazzjoni tal-UE. L-Artikolu 118 tat-TFUE jipprevedi li, fil-kuntest tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq uniku, il-Parlament u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri dwar il-ħolqien tal-liġi tal-UE dwar il-proprjetà intellettwali, sabiex tingħata protezzjoni uniformi għad-DPI madwar l-UE, u arranġamenti ta’ awtorizzazzjoni, ta’ koordinazzjoni u ta’ kontroll ċentralizzati fil-livell tal-Unjoni. L-attività leġiżlattiva tal-UE tikkonsisti primarjament fl-armonizzazzjoni ta’ aspetti tad-DPI permezz tal-ħolqien ta’ sistema tagħha stess, kif inhu l-każ għat-trademark tal-UE u d-disinn komunitarju rreġistrat, u, mill-2023, għall-privattivi wkoll. Ħafna mill-istrumenti tal-UE jirriflettu wkoll l-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri skont il-Konvenzjonijiet ta’ Bern u ta’ Ruma, kif ukoll skont il-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (Ftehim TRIPS) u t-Trattati internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) tal-1996.
Il-kisbiet
A. L-armonizzazzjoni leġiżlattiva
1. It-trademarks, id-disinji u l-mudelli
Il-qafas legali tal-UE għat-trademarks huwa bbażat fuq sistema b’erba’ livelli għar-reġistrazzjoni, inkluż sistemi nazzjonali tat-trademarks armonizzati permezz tad-Direttiva dwar it-Trademarks (id-Direttiva (UE) 2015/2436), bl-għan li jiġu allinjati l-liġijiet dwar it-trademarks tal-Istati Membri). Il-protezzjoni tat-trademarks fl-UE, minbarra l-mogħdija nazzjonali (reġistrazzjoni għall-protezzjoni tat-trademarks permezz ta’ uffiċċju nazzjonali tat-trademarks), hija possibbli anke permezz tar-rotta Benelux, it-trademark tal-UE, li ġiet introdotta fl-1994, u r-rotta internazzjonali. Ir-Regolament dwar it-Trademarks tal-UE (ir-Regolament (UE) 2017/1001) jikkodifika u jissostitwixxi r-regolamenti preċedenti kollha dwar it-trademarks tal-UE. Il-kodifikazzjoni saret fl-interess taċ-ċarezza, billi s-sistema tat-trademarks tal-UE kienet ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi. It-trademark tal-UE għandha karattru unitarju u effett ugwali madwar l-UE. L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) huwa l-uffiċċju responsabbli għall-ġestjoni tat-trademarks u tad-disinni tal-UE. Ir-Regolament dwar it-Trademark tal-UE jistabbilixxi wkoll l-ammonti tat-tariffi pagabbli lill-EUIPO. Dawn huma stabbiliti f’livell li jiżgura li d-dħul li jipproduċu jkopri l-ispejjeż tal-EUIPO filwaqt li jikkomplementaw is-sistemi eżistenti tat-trademarks nazzjonali.
Ir-Regolament dwar id-disinji tal-Unjoni Ewropa (ir-Regolament (KE) Nru 6/2002) stabbilixxa sistema Komunitarja għall-protezzjoni tad-disinji u l-mudelli. F’dawn l-aħħar snin, l-UE mmodernizzat il-qafas tagħha fir-rigward tad-disinn permezz tal-pakkett ta’ riforma leġiżlattiva fir-rigward tad-disinn tal-UE tal-2024, filwaqt li rrevediet il-leġiżlazzjoni sabiex issaħħaħ u tarmonizza l-protezzjoni tad-disinji li tkun ta’ benefiċċju għad-disinjaturi indipendenti, kif ukoll għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u għall-industriji fejn id-disinji għandhom rwol ewlieni. Ir-Regolament tad-Disinji tal-UE (ir-Regolament (UE) 2024/2822) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2025 u għandu l-għan li jiżgura li s-sistema ta’ protezzjoni tad-disinji tiġi adattata għall-era diġitali, filwaqt li jespandi l-kunċetti u d-definizzjonijiet biex jibqgħu applikabbli għaċ-ċirkostanzi attwali u futuri. Barra minn hekk, ifittex li jtejjeb l-aċċessibbiltà, l-effettività u l-affordabbiltà tas-sistema ta’ protezzjoni tad-disinji, billi jissimplifika l-proċeduri għall-SMEs u l-industriji intensivi fid-disinn u jottimizza l-livell u l-istruttura tat-tariffi pagabbli.
Barra minn hekk, id-Direttiva dwar id-Disinji (id-Direttiva (UE) 2024/2823) għandha wkoll l-għan li tadatta s-sistema għall-era diġitali (b’mod partikolari għall-wasla tal-printers 3D) u li tagħmilha aktar aċċessibbli u effettiva b’mod sinifikanti billi tnaqqas il-kostijiet, tissimplifika l-proċeduri, ittejjeb l-effiċjenza u l-prevedibbiltà ta’ tali proċeduri, u żżid iċ-ċertezza legali. L-Istati Membri huma obbligati li jittrasponu d-Direttiva dwar il-protezzjoni legali tad-disinji fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom sad-9 ta’ Diċembru 2027.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/954/KE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2006 rabtu s-sistema għar-reġistrazzjoni ta’ disinji tal-UE mas-sistema internazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ disinji jew mudelli industrijali tad-WIPO.
2. Id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati
Id-drittijiet tal-awtur jiżguraw li l-awturi, il-kompożituri, l-artisti, il-produtturi tal-films u oħrajn jirċievu ħlas u protezzjoni għal xogħolhom. It-teknoloġiji diġitali biddlu b’mod profond il-mod kif il-kontenut kreattiv jiġi prodott u distribwit, u kif jinkiseb aċċess għalih. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur hija sett ta’ tlettax-il direttiva u żewġ regolamenti li, flimkien, jarmonizzaw id-drittijiet essenzjali tal-awturi, tal-artisti, tal-produtturi u tax-xandara. L-istabbiliment ta’ standards fil-livell tal-UE jagħti lok biex jitnaqqsu d-diskrepanzi nazzjonali, jiġi żgurat il-livell ta’ protezzjoni meħtieġ biex jitrawmu l-kreattività u l-investiment fiha, tiġi promossa d-diversità kulturali u jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-konsumaturi u n-negozji għall-kontenut u s-servizzi diġitali fis-suq uniku kollu.
a. Id-drittijiet tal-awtur
Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur(id-Direttiva (UE) 2019/790) tarmonizza d-drittijiet tal-awtur madwar l-UE għall-konsumaturi, il-kreaturi u l-kumpaniji. Hija tipprevedi protezzjoni anċillari tad-drittijiet tal-awtur għall-pubblikaturi tal-istampa u remunerazzjoni ġusta għal kontenut protett minn dritt tal-awtur. Introduċiet ukoll responsabbiltà legali għall-pjattaformi online rigward l-użu u l-uploading ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur fuq is-siti tagħhom. Madankollu, ir-rekwiżiti ma japplikawx għall-upload mhux kummerċjali ta’ xogħlijiet protetti minn dritt tal-awtur f’enċiklopediji online bħal Wikipedia. Id-Direttiva dwar it-trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u t-trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju (id-Direttiva (UE) 2019/789 (id-Direttiva CabSat II)) għandha l-għan li żżid l-għadd ta’ programmi tat-televiżjoni u tar-radju online disponibbli għall-konsumaturi tal-UE. Tintroduċi l-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini ħalli tiffaċilita l-liċenzjar tad-drittijiet għal ċerti programmi offruti mix-xandara fil-pjattaformi online tagħhom, pereżempju servizzi ta’ xandir simultanju u ripetizzjoni. Ix-xandara jridu jiksbu permessi tad-drittijiet tal-awtur fil-pajjiż ta’ stabbiliment tagħhom fl-UE biex ikunu jistgħu jagħmlu l-programmi tar-radju, l-aħbarijiet fuq it-televiżjoni, il-programmi tal-ġrajjiet kurrenti flimkien mal-produzzjonijiet tagħhom, li jkunu ffinanzjaw kompletament huma stess, disponibbli online fil-pajjiżi kollha tal-UE.
Id-Direttiva dwar l-aċċess għal kotba u materjal stampat (id-Direttiva (UE) 2017/1564) tippermetti ċerti użi ta’ xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’vista batuta jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, f’formati aċċessibbli.
Ir-Regolament dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online (ir-Regolament (UE) 2017/1128) għandu l-għan li jiżgura li l-konsumaturi li jixtru jew li jabbonaw għal kontenut online bħal films, xandiriet sportivi, mużika, kotba elettroniċi u logħob ikunu jistgħu jaċċessawh meta jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra tal-UE.
b. Il-perjodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati
Id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati huma protetti matul il-ħajja tal-awtur jew tal-kreatur u għal 70 sena wara mewtu. Id-Direttiva tal-2011 dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur (id-Direttiva 2011/77/UE) estendiet l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal artisti ta’ reġistrazzjonijiet awdjo minn 50 għal 70 sena wara r-reġistrazzjoni, u għall-awturi ta’ mużika, bħall-kompożituri u bħal dawk li jikkomponu l-lirika, għal 70 sena wara l-mewt tal-awtur. Il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ 70 sena sar standard internazzjonali għar-reġistrazzjonijiet awdjo. Fil-preżent, 64 pajjiż madwar id-dinja jipproteġu r-reġistrazzjonijiet awdjo għal 70 sena jew aktar.
c. Il-programmi tal-kompjuter u l-bażijiet ta’ data
Id-Direttiva dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (id-Direttiva 2009/24/KE) tirrikjedi li l-Istati Membri jipproteġu l-programmi tal-kompjuter permezz tad-drittijiet tal-awtur bħala xogħlijiet letterarji skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Bern għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi. Id-Direttiva dwar il-Bażijiet ta’ Data (id-Direttiva 96/9/KE) tipprevedi l-protezzjoni legali għall-bażijiet ta’ data, u tiddefinihom bħala “kollezzjoni ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra rranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra”. Id-Direttiva dwar il-Bażijiet tad-Data tistipula li l-bażijiet ta’ data huma protetti kemm bid-drittijiet tal-awtur, li jkopru l-kreazzjoni intellettwali nnifisiha, kif ukoll bi dritt sui generis, li jipproteġi l-investiment ta’ flus, ir-riżorsi umani, ix-xogħol u l-enerġija biex jinkiseb, jiġi vverifikat jew jiġi ppreżentat il-kontenut ta’ bażi tad-data.
L-Att dwar id-Data (ir-Regolament (UE) 2023/2854) jistabbilixxi regoli dwar il-kondiviżjoni tad-data ġġenerata minn prodotti konnessi jew servizzi relatati, bħall-Internet tal-Oġġetti (IoT) u l-magni industrijali. L-Att jirrikjedi d-divulgazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ data li tista’ tiġi protetta mis-sigrieti kummerċjali, mid-drittijiet tal-awtur jew minn DPI oħra tad-detentur tad-data jew ta’ parti terza, u jippermetti lill-utenti jaċċessaw id-data li jiġġeneraw. Jipprevedi regoli ġodda li jispeċifikaw min jista’ jaċċessa u juża d-data ġġenerata fl-UE fis-setturi ekonomiċi kollha.
Fl-2022, l-Att dwar il-Governanza tad-Data (ir-Regolament (UE) 2022/868) introduċa mekkaniżmi biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data protetta tas-settur pubbliku, tiżdied il-fiduċja fis-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u jitrawwem l-altruwiżmu mil-lat ta’ data madwar l-UE.
L-abbozz ta’ liġi “Omnibus VII” propost huwa pakkett ta’ leġiżlazzjoni mfassal biex jissimplifika u jikkonsolida diversi regolamenti diġitali tal-UE, bħall-Att dwar id-Data u l-Att dwar il-Governanza tad-Data. Wieħed mill-punti ewlenin tar-regolament Omnibus Diġitali, propost mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Novembru 2025, huwa l-armonizzazzjoni tal-interfaċċi mal-Att dwar id-Data u mal-Att dwar il-Governanza tad-Data. L-għan ta’ din ir-reviżjoni huwa li jinħoloq pedament konsistenti għall-ekonomija Ewropea tad-data, li tikkombina l-protezzjoni tad-data u l-innovazzjoni. Għandha l-għan li tnaqqas il-kumplessità billi tikkonsolida r-regoli u tistandardizza t-terminoloġija. In-negozjati tat-trilogu bejn il-Kunsill u l-Parlament ġew konklużi bi ftehim proviżorju dwar il-pakkett. Il-Ftehim issa jeħtieġ li jiġi adottat formalment miż-żewġ istituzzjonijiet (magħrufa wkoll bħala l-koleġiżlaturi).
d. Drittijiet ta’ kiri u self
Id-Direttiva dwar il-Kiri u s-Self (id-Direttiva 2006/115/KE) kienet strument leġiżlattiv bikri tal-UE dwar id-drittijiet tal-awturi li adotta approċċ orizzontali. Id-Direttiva introduċiet dritt irrevokabbli għal remunerazzjoni, peress li x-xogħol kreattiv u artistiku tal-awturi u l-artisti jirrikjedi introjtu adegwat u l-investimenti meħtieġa għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma partikolarment għoljin.
e. Is-soċjetajiet kollettriċi
Qabel ma jkun jista’ jinxtered kontenut protett, trid tinkiseb liċenzja mid-detenturi differenti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati. Id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jafdaw id-drittijiet tagħhom f’idejn soċjetà kollettriċi, li timmaniġġjahom f’isimhom. Sakemm organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma jkollhiex raġunijiet ġustifikati biex tirrifjuta li timmaniġġja dawk id-drittijiet, hija obbligata timmaniġġjahom. Id-Direttiva dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur (id-Direttiva 2014/26/UE) tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, bil-ħsieb li tiżgura standards għoljin ta’ governanza, immaniġġjar finanzjarju, trasparenza u rapportar. Hija għandha l-għan li tiżgura li d-detenturi tad-drittijiet ikunu involuti fl-immaniġġjar ta’ drittijiethom u tipprevedi għal funzjonament aħjar tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv permezz ta’ standards madwar l-UE kollha. L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jaġixxu fl-aħjar interessi tad-detenturi tad-drittijiet li jirrappreżentaw.
3. Il-privattivi
Privattiva hija titolu legali li jista’ jingħata lil kwalunkwe invenzjoni li jkollha natura teknika, dment li tkun ġdida, tinvolvi pass inventiv u li jaf ikollha applikazzjoni industrijali. Privattiva tagħti lil sidha d-dritt li jwaqqaf lil ħaddieħor milli jipproduċi, juża jew ibigħ invenzjoni mingħajr permess. Il-privattivi jinkoraġġixxu lill-kumpaniji jagħmlu l-investiment meħtieġ fl-innovazzjoni u jipprovdu inċentiv biex l-individwi u l-kumpaniji jiddedikaw riżorsi għar-riċerka u l-iżvilupp. Fl-Ewropa, l-invenzjonijiet tekniċi jistgħu jiġu protetti jew minn privattivi nazzjonali mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew minn privattivi Ewropej mogħtija ċentralment mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi. Dan tal-aħħar huwa l-fergħa eżekuttiva tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi, li issa tinkludi 39 stat kontraenti. L-UE nnifisha mhijiex membru ta’ din l-organizzazzjoni.
Wara snin ta’ diskussjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Parlament u l-Kunsill approvaw il-bażi legali għal privattiva Ewropea b’effett unitarju (privattiva unitarja) fl-2012. Għaldaqstant, ftehim internazzjonali bejn l-Istati Membri jistabbilixxi ġuriżdizzjoni unika u speċjalizzata għall-privattivi.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Mejju 2015 fil-kawżi C-146/13 u C-147/13, ikkonfermat il-pakkett tal-privattiva unitarja, li witta t-triq għal privattiva verament Ewropea.
Mid-dħul fis-seħħ tagħha fl-1 ta’ Ġunju 2023, il-privattiva unitarja tal-UE, li tingħata mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, ipprovdiet protezzjoni uniformi b’effett ugwali fil-pajjiżi parteċipanti kollha tal-UE. In-negozji għandhom l-għażla li jipproteġu l-invenzjonijiet tagħhom fl-Istati Membri kollha tal-UE permezz ta’ privattiva vera tal-UE. Huma jistgħu wkoll jikkontestaw u jiddefendu l-privattivi unitarji f’azzjoni waħda quddiem qorti permezz tal-qorti l-ġdida li nħolqot, jiġifieri l-Qorti Unifikata tal-Privattivi (QUP). Dan jissimplifika s-sistema u jiffranka spejjeż ta’ traduzzjoni. Il-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi (UPCA) jirregola li l-primazija tal-liġi tal-UE trid tiġi rispettata (l-Artikolu 20 tal-UPCA) u li d-deċiżjonijiet tal-QĠUE huma vinkolanti fuq il-QUP. Il-QUP bħalissa għandha ġuriżdizzjoni fuq 18-il Stat Membru tal-UE. Hija magħmula minn Qorti tal-Prim’Istanza, Qorti tal-Appell u Reġistru. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha struttura deċentralizzata u tinkludi diviżjoni ċentrali f’Pariġi b’sezzjonijiet fi Munich u f’Milan, kif ukoll diviżjoni reġjonali u diversi diviżjonijiet lokali madwar l-Ewropa kollha. Il-Qorti tal-Appell hija bbażata fil-Lussemburgu u tisma’ l-appelli kontra deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tqis it-talbiet għal smigħ mill-ġdid tad-deċiżjonijiet finali tal-Qorti. Kwalunkwe kulleġġ ġudikanti tal-Qorti tal-Appell jiltaqa’ f’kompożizzjoni multinazzjonali ta’ tliet imħallfin ikkwalifikati legalment u żewġ imħallfin ikkwalifikati teknikament bi kwalifiki u esperjenza fil-qasam tat-teknoloġija kkonċernata, f’konformità mal-Artikolu 9(1) tal-UPCA.
4. Is-sigrieti kummerċjali
Il-prattika li ċerta informazzjoni kummerċjali (għarfien prattiku) tinżamm kunfidenzjali ilha titħaddan għal sekli sħaħ. F’ħafna pajjiżi jeżistu strumenti legali għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, kemm jekk ikunu definiti li huma parti mid-DPI u kemm jekk le. Il-livell ta’ protezzjoni mogħti lill-informazzjoni kunfidenzjali ma jistax jitqabbel ma’ dak ta’ oqsma oħra tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali bħall-privattivi, id-drittijiet tal-awtur u t-trademarks, iżda jista’, fil-prinċipju, japplika b’mod indefinit, minflok għal perjodu limitat biss. Il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tvarja aktar bejn pajjiż u ieħor milli jiġri f’oqsma oħra tad-DPI, u tista’ tkun anke aktar vantaġġuża u irħas milli wieħed ifittex protezzjoni tal-privattiva formali. Fl-2016, ġiet adottata direttiva dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali (id-Direttiva (UE) 2016/943) għall-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom.
5. Id-DPI għal varjetajiet ta’ pjanti
Il-protezzjoni ta’ varjetà ta’ pjanta, magħrufa wkoll bħala d-“dritt fuq varjetà ta’ pjanta”, hija għamla ta’ DPI mogħti lil min inissel varjetà ġdida ta’ pjanta. Is-sistema globali tal-UE għall-protezzjoni ta’ varjetajiet ta’ pjanti, ibbażata fuq il-prinċipji tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti tal-1991, tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-agrikoltura u tal-ortikultura. Il-leġiżlazzjoni tal-UE stabbiliet sistema speċifika għall-protezzjoni tad-drittijiet fuq varjetajiet ta’ pjanti. Din tippermetti li d-DPI jingħataw lil varjetajiet ta’ pjanti. L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti jimplimenta u japplika din l-iskema.
6. L-indikazzjonijiet ġeografiċi
Fis-sistema tad-DPI tal-UE għall-prodotti agrikoli, l-ismijiet ta’ prodotti rreġistrati bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ) jiġu legalment protetti minn imitazzjonijiet u użu ħażin fl-UE u f’pajjiżi mhux tal-UE li magħhom ikun ġie ffirmat ftehim speċifiku dwar il-protezzjoni. L-ismijiet tal-prodotti jistgħu jingħataw IĠ jekk ikollhom rabta speċifika mal-post fejn isir il-prodott. Dan ir-rikonoxximent jippermetti lill-konsumaturi jafdaw u jiddistingwu l-prodotti ta’ kwalità filwaqt li jgħin ukoll lill-produtturi jikkummerċjalizzaw aħjar il-prodotti tagħhom. Rikonoxxuti bħala proprjetà intellettwali, l-IĠ qed ikollhom rwol dejjem aktar importanti fin-negozjati kummerċjali bejn l-UE u pajjiżi oħra. Pereżempju, l-Istati Uniti għadhom imħassba dwar il-protezzjoni tal-IĠ tal-UE, li għandha impatt kemm fuq il-protezzjoni tat-trademarks tal-Istati Uniti kif ukoll fuq l-aċċess għas-suq għall-prodotti tal-Istati Uniti li jużaw ismijiet komuni fis-swieq tal-UE u mhux tal-UE[1]. Ir-Regolament dwar l-IĠ għall-prodotti alkoħoliċi u agrikoli (ir-Regolament (UE) 2024/1143) jidentifika prodotti li għandhom kwalitajiet, karatteristiċi jew reputazzjoni minħabba fatturi naturali u umani marbuta mal-post tal-oriġini tagħhom. Il-prodotti li jkunu qed jiġu kkunsidrati biex jingħataw rikonoxximent ta’ IĠ jew li jkunu ngħataw rikonoxximent ta’ IĠ jiġu elenkati fir-reġistri tal-IĠ. Regolament simili dwar il-protezzjoni tal-IĠ għall-prodotti artiġjanali u industrijali ġie adottat fl-2023 (ir-Regolament (UE) 2023/2411). Dan ir-Regolament jipproteġi lill-prodotti industrijali assoċjati maż-żona ġeografika tal-produzzjoni tagħhom, bħas-skieken tal-Albacete, il-ħġieġ tal-Bohemia u l-porċellana ta’ Limoges, b’mod simili għall-protezzjoni mogħtija lill-ikel u lix-xorb prodott reġjonalment.
Fil-livell internazzjonali, id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Att ta’ Ġinevra (id-Deċiżjoni (UE) 2019/1754) taħtar lill-EUIPO bħala l-awtorità kompetenti għall-IĠ. L-Istati Uniti għadhom ferm imħassba dwar l-eżitu tan-negozjati tad-WIPO tal-2015 biex jiġi estiż il-Ftehim ta’ Liżbona għall-Protezzjoni tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini.
7. Il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni
Skont l-estimi, l-importazzjonijiet ta’ prodotti ffalsifikati u oġġetti pirata fl-UE jammontaw għal madwar EUR 85 biljun (sa 5% tal-importazzjonijiet totali). Madwar id-dinja, il-kummerċ ta’ oġġetti pirata jammonta għal 2.5% tal-kummerċ u jilħaq it-EUR 338 biljun, u dan huwa ta’ ħsara sinifikanti għad-detenturi tad-drittijiet, għall-gvernijiet u għall-ekonomiji.
Peress li d-differenzi fis-sistemi nazzjonali ta’ sanzjonijiet kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija kienu qegħdin jagħmluha diffiċli għall-Istati Membri biex jiġġieldu dawn ir-reati b’mod effettiv, bħala pass inizjali l-Parlament u l-Kunsill adottaw Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (id-Direttiva 2004/48/KE). Din id-Direttiva għandha l-għan li tintensifika l-ġlieda kontra l-piraterija u l-falsifikazzjoni billi tallinja s-sistemi leġiżlattivi nazzjonali sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju għall-proprjetà intellettwali fis-suq uniku u tipprevedi miżuri, proċeduri u kumpens fl-ambitu tal-liġi ċivili u amministrattiva. Ir-Regolament dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (ir-Regolament (UE) Nru 608/2013) jipprevedi regoli proċedurali maħsuba biex l-awtoritajiet doganali jinfurzaw id-DPI fir-rigward tal-oġġetti li jkunu soġġetti għal superviżjoni jew kontrolli doganali.
B. Il-kunċett tal-“eżawriment tad-drittijiet”
1. Id-definizzjoni
L-eżawriment tad-drittijiet huwa duttrina legali li tapplika għall-oqsma kollha tal-proprjetà industrijali, u tistipula li DPI jiġi eżawrit wara li prodott kopert minn DPI, bħal privattiva, ikun inbiegħ mid-detentur tad-drittijiet jew minn oħrajn bil-kunsens tas-sid.Fl-UE, il-QĠUE interpretat b’mod konsistenti t-Trattati tal-UE bħala li jfissru li, fi ħdan is-suq uniku, id-DPI jiġu eżawriti ladarba l-prodotti rilevanti jkunu tqiegħdu fis-suq mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu. Id-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali industrijali jew kummerċjali protett mil-liġi ta’ Stat Membru ma jistax joqgħod fuq din il-liġi biex jipprevjeni l-importazzjoni ta’ prodotti li jkunu diġà tqiegħdu fis-suq ta’ Stat Membru ieħor.
2. Il-limiti
L-“eżawriment” tad-drittijiet tal-UE ma japplikax għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti iffalsifikati, jew ta’ prodotti kkumerċjalizzati barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (l-Artikolu 6 tal-Ftehim TRIPS). Fl-1999, il-QĠUE, fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-173/98 (Sebago Inc. u Ancienne Maison Dubois & Fils SA vs GB-Unic SA, iddeċidiet li l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trademark fir-rigward ta’ prodotti li jkunu ġew introdotti fis-suq f’pajjiżi mhux membri.
3. L-atti legali f’dan il-qasam
Ir-regoli tal-UE dwar l-eżawriment tad-drittijiet huma fil-biċċa l-kbira r-riżultat tal-ġurisprudenza tal-QĠUE li tinterpreta l-Artikolu 34 tat-TFUE dwar miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi bejn l-Istati Membri[2]. Din il-ġurisprudenza hija riflessa f’kull waħda mill-partijiet rilevanti tal-liġi tal-UE marbuta mad-DPI.
C. Il-każistika reċenti tal-QĠUE
Fl-2012, il-QĠUE kkonfermat, fil-paragrafu 32 tas-sentenza tagħha fil-Kawża C-406/10 (SAS Institute Inc. vs World Programming Ltd), li, f’konformità mad-direttiva dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (id-Direttiva 91/250/KEE; imħassra mid-Direttiva 2009/24/KE), hija biss l-espressjoni ta’ programm tal-kompjuter li hija protetta mid-drittijiet tal-awtur, u li l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi tal-loġika, tal-algoritmi u tal-lingwi ta’ programmar mhumiex protetti taħt din id-direttiva. Il-Qorti saħqet li la l-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter u lanqas il-lingwa ta’ programmar u l-format tal-fajls bid-data użati biex jiġu sfruttati wħud mill-funzjonijiet tal-programm ma jikkostitwixxu forma ta’ espressjoni ta’ dak il-programm għall-finijiet tal-Artikolu 1(2) tad-direttiva (punt 39 tas-sentenza).
Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-160/15 (GS Media BV vs Sanoma Media Netherlands BV et al), il-QĠUE sostniet li jekk fuq sit web jittella’ iperlink għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li ġew ippubblikati fuq sit web ieħor mingħajr il-kunsens tal-awtur ma jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku” fejn il-persuna li tqiegħed dak il-link ma tfittixx gwadann finanzjarju u ma tkunx konxja li x-xogħlijiet ġew ippubblikati illegalment.
Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-484/14 (Tobias Mc Fadden vs Sony Music Entertainment Germany GmbH), il-QĠUE sostniet li, jekk network tal-W-Fi jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali mingħajr ħlas sabiex jiġbed l-attenzjoni tal-klijenti potenzjali lejn il-prodotti u s-servizzi ta’ ħanut, dan jikkostitwixxi “servizz minn soċjetà tal-informazzjoni” skont id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (id-Direttiva 2000/31/KE), u tikkonferma li, taħt ċerti kundizzjonijiet, fornitur ta’ servizz li jipprovdi aċċess għal network ta’ komunikazzjoni ma jistax jitqies responsabbli. B’konsegwenza ta’ dan, id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur mhumiex intitolati jitolbu kumpens għall-fatt li n-network intuża minn partijiet terzi bi ksur ta’ drittijiethom. Il-protezzjoni tal-konnessjoni mal-internet permezz ta’ password, tiżgura bilanċ bejn, minn naħa, id-DPI tad-detenturi u, min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ intrapriża tal-fornituri tal-aċċess u l-libertà ta’ informazzjoni tal-utenti tan-network.
Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-265/19 (Recorded Artists Actors Performers Ltd vs Phonographic Performance (Ireland) Ltd et. al), il-QĠUE ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jiċħad id-dritt għal remunerazzjoni lill-artisti tal-ispettaklu minn pajjiżi barra miż-Żona Ekonomika Ewropea billi jinvoka l-klawżola ta’ reċiproċità tat-Trattat tad-WIPO. Il-produtturi u l-artisti kollha tar-reġistrazzjoni awdjo mill-partijiet kontraenti għat-Trattat tad-WIPO dwar l-Interpretazzjonijiet, l-Eżekuzzjonijiet u l-Fonogrammi huma intitolati għal remunerazzjoni ekwa. Bi tweġiba għas-sentenza tal-QĠUE, il-Kummissjoni fetħet konsultazzjoni fil-11 ta’ Settembru 2023 dwar il-kundizzjonijiet għar-remunerazzjoni tal-artisti tal-mużika u tal-produtturi tad-diski minn pajjiżi mhux tal-UE għal mużika rrekordjata li tindaqq fl-UE, wara xi tħassib imqajjem minn partijiet ikkonċernati tal-Istati Uniti dwar iż-żamma ta’ royalties minn produtturi u artisti tal-Istati Uniti.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-proprjetà intellettwali toħloq valur miżjud għan-negozji u l-ekonomiji tal-UE. Il-protezzjoni u l-infurzar uniformi jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku. Il-Parlament huwa għaldaqstant impenjat li jarmonizza d-DPI billi joħloq sistema unika tal-Unjoni, parallela mas-sistemi nazzjonali, kif inhu l-każ għat-trademarks tal-UE u għad-disinji komunitarji rreġistrati, kif ukoll għall-privattiva unitarja Ewropea.
Permezz ta’ diversi riżoluzzjonijiet dwar id-DPI, u b’mod partikolari dwar il-protezzjoni legali tal-bażijiet ta’ data, l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi u d-drittijiet tal-awtur, il-Parlament argumenta favur l-armonizzazzjoni progressiva ta’ dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, huwa oppona wkoll l-għoti ta’ privattivi li jkopru partijiet tal-ġisem tal-bniedem. Fis-27 ta’ Frar 2014, il-Parlament adotta riżoluzzjoni fuq inizjattiva proprja dwar imposti għall-ikkopjar privat (id-dritt li jiġu prodotti kopji privati ta’ kontenut akkwistat legalment), peress li l-ikkopjar diġitali f’livell privat assuma importanza ekonomika sostanzjali b’riżultat tal-progress teknoloġiku. Il-Parlament żvolġa wkoll rwol attiv ħafna fl-abbozzar tat-Trattat tad-WIPO dwar l-eċċezzjonijiet mid-drittijiet tal-awtur għall-persuni b’vista batuta (it-Trattat ta’ Marrakexx).
Matul it-tiġdid tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur (ara t-taqsima dwar id-drittijiet tal-awtur), kien hemm dibattitu pubbliku intensiv dwar l-Artikoli 11 u 13 tal-abbozz tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur. Dan id-dibattitu wassal għal vot tal-Parlament li saħħaħ l-isforzi biex jinħoloq kemm dritt ġdid li jistabbilixxi li l-pubblikaturi ta’ mezzi tal-informazzjoni jistgħu jimmonetizzaw il-kontenut fuq ċerti pjattaformi tal-aħbarijiet kbar kif ukoll dritt ġdid li jagħmilha aktar faċli li jiġi ttraċċat il-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq l-internet. Filwaqt li l-industrija kreattiva kienet sodisfatta f’dan ir-rigward, ir-rappreżentanti tal-kumpaniji teknoloġiċi kkritikaw il-proposti b’mod qawwi.
Fl-10 ta’ Marzu 2026, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u l-intelliġenza artifiċjali ġenerattiva – opportunitajiet u sfidi, abbażi ta’ rapport mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI). Ir-riżoluzzjoni tappella għal trasparenza, remunerazzjoni ġusta u l-possibbiltà għad-detenturi tad-drittijiet li jipprevjenu l-użu tal-kontenut protett tagħhom fit-taħriġ dwar l-intelliġenza artifiċjali (IA). L-istudju tal-Kumitat JURI bit-titolu “Metaverse” jindika li l-IA tqajjem sfidi ġodda għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari fir-rigward tat-taħriġ mhux żvelat tal-mudelli tal-IA fuq materjal protett bid-drittijiet tal-awtur jew data protetta u l-ġenerazzjoni sussegwenti ta’ kontenut minn tali mudelli tal-IA. Id-Dipartiment Tematiku għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali organizza workshop speċjalizzat dwar l-IA ġenerattiva u d-drittijiet tal-awtur biex jappoġġja l-ħidma tal-Kumitat JURI f’dan il-qasam[3].
Barra minn hekk, ir-riċerka mħejjija għall-Parlament tindika li għadd ta’ arranġamenti kuntrattwali jiffaċilitaw it-tneħħija tad-DPI relatati mad-data jew jippermettu li jinkisbu d-DPI tas-suġġetti. Dan jista’ jseħħ fuq il-bażi li x-xogħlijiet ġew ippubblikati fuq pjattaforma partikolari jew li kreazzjoni jew invenzjoni ġiet prodotta fil-qafas ta’ kuntratt ta’ servizz. Dawn l-arranġamenti jinkludu:
- arranġamenti legali li jċaħħdu lill-kreaturi mid-DPI jew iġiegħluhom jagħtu liċenzji mhux remunerati fir-rigward ta’ kontenut imqiegħed fuq is-servizzi u s-servers tal-pjattaformi diġitali, u/jew li jittrasferixxu tali drittijiet lill-pjattaformi;
- kuntratti ta’ akkwiżizzjoni li permezz tagħhom il-pjattaformi jakkwistaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-kreaturi;
- arranġamenti legali li jċaħħdu lill-impjegati, lill-inventuri jew lill-kreaturi mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fir-rigward ta’ kontenut maħluq matul l-impjieg jew is-servizz tagħhom, u/jew li jittrasferixxu dawn id-drittijiet lill-impjegatur (“work-for-hire”)[4].
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.
Jagoda Karolina MACIEJEWSKA / JEREMY JULIAN OKORN / Mariusz MACIEJEWSKI