Din l-iskeda informattiva tispjega r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, reġjun ta’ importanza strateġika dejjem tikber. Tħares lejn is-sitwazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u tad-drittijiet tal-bniedem f’kull wieħed mill-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u tiddeskrivi kif l-UE tikkoopera mal-pajjiżi individwali u mar-reġjun kollu kemm hu. Tiddeskrivi wkoll il-kontribut tal-Parlament għall-azzjoni tal-UE fir-reġjun.

Il-bażi legali

  • It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: it-Titolu V jkopri l-azzjoni esterna tal-UE, jiġifieri r-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi mhux tal-UE.
  • It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: l-Artikoli 206 u 207 jindirizzaw il-kummerċ, filwaqt li l-Artikoli 216-219 ikopru l-ftehimiet internazzjonali.
  • Il-Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK): l-UE ffirmat ftehimiet mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali biex tirregola r-relazzjonijiet bilaterali tagħha magħhom:
    • il-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-Każakistan, li daħal fis-seħħ bis-sħiħ fl-1 ta’ Marzu 2020;
    • il-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-Kirgistan, li ġie ffirmat f’Ġunju 2024;
    • il-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-Użbekistan, li ġie ffirmat f’Ottubru 2025;
    • il-Ftehim Kummerċjali Interim mat-Turkmenistan, li daħal fis-seħħ f’Awwissu 2010;
    • il-FSK mat-Taġikistan, li daħal fis-seħħ fl-2010 u dalwaqt se jiġi sostitwit bi ftehim imsaħħaħ ta’ sħubija u kooperazzjoni;
    • il-FSK mal-Mongolja, li daħal fis-seħħ f’Novembru 2017.
    • Il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u r-relazzjonijiet tal-UE mal-Asja Ċentrali

      L-Asja Ċentrali tgħaqqad il-kontinent enormi tal-Asja mal-Ewropa. L-UE tirrikonoxxi l-importanza strateġika tagħha fir-rotot kummerċjali u tal-enerġija, kif ukoll fir-riżorsi bħall-gass, iż-żejt u l-minerali (b’mod partikolari d-deheb, l-uranju u t-tipi kollha ta’ materjali tal-art rari). Fl-2019, l-UE aġġornat l-Istrateġija tagħha għall-Asja Ċentrali biex tiffoka fuq ir-reżiljenza (li tkopri oqsma bħad-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà tal-fruntieri u l-ambjent), il-prosperità (b’enfasi qawwija fuq il-konnettività) u l-kooperazzjoni reġjonali.

      Għal snin sħaħ, ir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali kienu ġeneralment ħżiena, minħabba tilwim dwar il-fruntieri u r-riżorsi. Madankollu, is-sitwazzjoni nbidlet b’mod rapidu wara l-bidla fit-tmexxija fl-Użbekistan fl-2016, u dan fetaħ possibbiltajiet ġodda għall-kooperazzjoni reġjonali.

      Is-summits regolari tal-mexxejja tal-Asja Ċentrali huma l-pedament tad-diplomazija reġjonali. L-ewwel summit tal-mexxejja tal-Asja Ċentrali dwar il-kooperazzjoni reġjonali sar f’Astana f’Marzu 2018, filwaqt li s-seba’ Laqgħa Konsultattiva tal-Kapijiet ta’ Stat tal-Asja Ċentrali saret f’Tashkent f’Novembru 2025. L-enerġija rinnovabbli, il-konnettività tat-trasport u l-ġestjoni tal-ilma jibqgħu oqsma importanti għall-kooperazzjoni reġjonali. L-ekonomija reġjonali bħalissa qed tiffaċċja inċertezza b’riżultat tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-gwerra fil-Golf Persjan, l-inflazzjoni globali u ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi.

      L-ambitu tar-relazzjonijiet tal-UE huwa marbut mal-prontezza tal-pajjiżi individwali tal-Asja Ċentrali biex iwettqu riformi u jsaħħu d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura. Il-pajjiżi jridu jkunu ppreparati wkoll biex jimmodernizzaw u jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom, inkluż billi jappoġġjaw is-settur privat u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. L-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali ġiet approvata mill-Kunsill f’Ġunju 2019. Biex tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet bilaterali, l-UE nnegozjat Ftehimiet Imsaħħa ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali.

      Il-pajjiżi kollha tal-Asja Ċentrali jsegwu politika barranija multidimensjonali, u jfittxu li jibbilanċjaw ir-rabtiet mar-Russja, maċ-Ċina, mal-UE u mal-Istati Uniti b’mod partikolari. Ir-relazzjonijiet mat-Turkija u mal-Iran huma importanti wkoll għar-reġjun. It-Turkmenistan ilu magħluq fil-biċċa l-kbira għall-kumplament tad-dinja, u l-istatus ta’ “newtralità permanenti” tiegħu huwa saħansitra rikonoxxut min-NU. Wara l-ħtif tal-poter mit-Talibani f’Awwissu 2021, is-sitwazzjoni fl-Afganistan mhux biss saret kwistjoni globali, iżda wkoll waħda ta’ tħassib ewlieni tal-gvernijiet tal-Asja Ċentrali. Ir-reġjun kollu tal-Asja Ċentrali sar żona kruċjali biex jitrażżan l-estremiżmu reliġjuż u n-networks terroristiċi, kif ukoll it-traffikar tad-drogi fil-fruntieri tiegħu.

      Il-kriżi umanitarja fl-Afganistan wasslet biex ħafna rifuġjati Afgani jaħarbu lejn l-Asja Ċentrali. Dawn huma r-riċevituri ewlenin ta’ appoġġ addizzjonali tal-UE permezz ta’ programmi bilaterali u reġjonali fil-qafas tal-programm indikattiv pluriennali 2021-2027.

      Is-sitwazzjoni fl-Afganistan enfasizzat l-importanza tal-Asja Ċentrali għas-sigurtà u għall-istabbiltà. L-irvellijiet ta’ Jannar 2022 fil-Każakistan, li ntemmu wara li l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva bagħtet truppi mmexxija mir-Russja, u l-ġlied mal-fruntiera bejn il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali juru r-riskju ta’ instabbiltà f’dan ir-reġjun tradizzjonalment taħt l-influwenza ta’ Moska. Ir-Russja tibqa’ fornitur ewlieni tas-sigurtà, b’faċilitajiet militari fi tliet pajjiżi tal-Asja Ċentrali. Tikkontrolla wkoll żewġ terzi tal-importazzjonijiet tal-armi tar-reġjun u tappoġġja lill-gvernijiet tar-reġjun. Madankollu, l-influwenza tagħha fl-Asja Ċentrali qed tiddgħajjef b’riżultat tal-invażjoni tagħha tal-Ukrajna u l-konċentrazzjoni tat-truppi fuq quddiem. Din il-bidla ħolqot opportunitajiet biex il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali joħorġu bħala atturi reġjonali aktar indipendenti u fetħet toroq ġodda għal sħubija u kooperazzjoni mal-UE f’oqsma bħall-enerġija, il-materja prima u l-konnettività.

      L-ewwel summit UE-Asja Ċentrali li qatt sar ġie organizzat fit-3 u fl-4 ta’ April 2025 f’Samarkand, fl-Użbekistan. Għalih attendew il-President tal-Kunsill Ewropew António Costa, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-mexxejja tal-Użbekistan, tal-Każakistan, tal-Kirgistan, tat-Taġikistan u tat-Turkmenistan. F’xenarju ġeopolitiku globali u reġjonali li qed jevolvi, il-mexxejja tal-UE u tal-Asja Ċentrali ddeċidew li jaġġornaw ir-relazzjoni tagħhom għal sħubija strateġika u affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jsaħħu r-rabtiet kummerċjali u japprofondixxu l-kooperazzjoni f’oqsma bħall-enerġija, l-ekonomija, l-investiment, il-konnettività ta’ kwalità għolja, id-diġitalizzazzjoni u s-sigurtà (inkluż ir-rispons għat-theddid ibridu). Huma ddiskutew ukoll l-azzjoni klimatika, id-drittijiet tal-bniedem u r-riżorsi strateġiċi (inkluża l-materja prima kritika). Din hija opportunità importanti għall-UE biex turi l-interess ġeopolitiku tagħha fl-intensifikazzjoni tal-involviment bilaterali u fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali mal-Asja Ċentrali, biex tnaqqas id-dipendenza tagħha miċ-Ċina u mir-Russja fil-kuntest ta’ bidliet ġeopolitiċi globali.

      Il-Konferenza Internazzjonali dwar il-Konnettività UE-Asja Ċentrali (Global Gateway) saret f’Novembru 2022 f’Samarkand, l-Użbekistan. Saret enfasi wkoll fuq l-importanza ta’ approċċ reġjonali u kooperazzjoni reġjonali fil-Laqgħat Ministerjali UE-Asja Ċentrali.

      L-20 Laqgħa Ministerjali bejn l-UE u l-Asja Ċentrali saret f’Marzu 2025 f’Ashgabat, it-Turkmenistan. Hija affermat mill-ġdid il-progress li sar fil-Pjan Direzzjonali Konġunt għall-Approfondiment tar-Rabtiet tal-2023 u ddeskriviet l-oqsma u l-punti ta’ azzjoni għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni prattika. Il-pjan direzzjonali jenfasizza t-titjib tal-konnettività, b’mod partikolari permezz ta’ proġetti kummerċjali, ta’ investiment u ta’ infrastruttura, u għalhekk jallinja mal-istrateġija ta’ investiment Global Gateway tal-UE.

      F’dan il-kuntest, il-ministri fakkru wkoll fil-Forum tal-Investituri tal-Global Gateway ta’ Jannar 2024 għall-Konnettività tat-Trasport bejn l-UE u l-Asja Ċentrali fi Brussell, fejn l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali indikaw ir-rieda tagħhom li jimpenjaw EUR 10 biljun biex jappoġġjaw l-iżvilupp tar-Rotta tat-Trasport Internazzjonali Trans-Kaspju, li hija maħsuba bħala rotta multimodali kompetittiva u moderna li tgħaqqad l-Ewropa u l-Asja Ċentrali.

      Fl-2024, il-kummerċ tal-merkanzija bejn l-UE u l-Asja Ċentrali ammonta għal EUR 54.2 biljun, b’surplus kummerċjali ta’ EUR 16-il biljun favur l-Asja Ċentrali. L-Asja Ċentrali tipprovdi l-aktar lill-UE b’materja prima bħaż-żejt grezz, il-gass naturali, il-metalli u l-qoton. Min-naħa tagħha, l-UE primarjament tesporta makkinarju, tagħmir tat-trasport u oġġetti manifatturati, li flimkien jammontaw għal aktar minn nofs l-esportazzjonijiet totali tagħha lejn ir-reġjun.

      L-influwenza Ċiniża fil-kummerċ u fl-investiment qed tikber b’riżultat tal-Inizjattiva “Belt and Road”. B’reazzjoni għal dan, l-UE żiedet l-involviment u l-investiment tagħha fir-reġjun permezz tal-Global Gateway. Pereżempju, fis-summit bejn l-UE u l-Asja Ċentrali ta’ April 2025, l-UE ħabbret pakkett ta’ investiment ta’ EUR 12-il biljun maħsub biex itejjeb ir-rotot kummerċjali, u l-fondi għandhom jitwasslu permezz tal-Global Gateway. Meta titqies l-assistenza tal-Istati Membri individwali, l-UE saret l-akbar donatur fl-Asja Ċentrali, billi allokat aktar minn EUR 550 miljun għall-programm indikattiv pluriennali reġjonali tal-Asja Ċentrali għall-2021-2027.

      L-attivitajiet tal-Parlament Ewropew mal-Asja Ċentrali jitwettqu prinċipalment mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għas-Sigurtà u d-Difiża u d-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Asja Ċentrali, u permezz tal-kumitati parlamentari ta’ kooperazzjoni, fost korpi oħra. Il-Parlament Ewropew jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u jagħmel enfasi fuq kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, is-sitwazzjoni politika, il-kooperazzjoni ekonomika u tal-iżvilupp, u l-proċessi elettorali. Huwa jibqa’ jenfasizza l-importanza tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-iżvilupp soċjali, filwaqt li jissottolinja r-rwol tad-diplomazija parlamentari u jappoġġja bil-qawwa d-demokrazija u l-istat tad-dritt.

      Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022 u d-deċiżjoni tal-UE li timponi għadd ta’ pakketti ta’ sanzjonijiet fuq ir-Russja, xi pajjiżi tal-Asja Ċentrali, b’mod partikolari l-Każakistan, il-Kirgistan u l-Użbekistan, saru ċentri possibbli biex jiġu evitati s-sanzjonijiet, sitwazzjoni ddenunzjata f’diversi riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

      F’Jannar 2024, il-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjoni dwar l-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali, filwaqt li aġġorna l-approċċ komprensiv tiegħu għar-reġjun u laqa’ l-pjanijiet għall-ewwel summit UE-Asja Ċentrali, li sar f’April 2025. Ir-riżoluzzjoni tapprova wkoll il-Pjan Direzzjonali Konġunt għall-Approfondiment tar-Rabtiet bejn l-UE u l-Asja Ċentrali ta’ Ottubru 2023, li jservi bħala pjan strateġiku biex jitmexxew ’il quddiem id-djalogu u l-kooperazzjoni.

      Wara li bdew in-negozjati għall-faċilitazzjoni tal-viża tal-UE għaċ-ċittadini tal-Każakistan, f’Diċembru 2025, il-President tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Asja Ċentrali ħarġet dikjarazzjoni li tappoġġja l-ftuħ ta’ negozjati simili mal-pajjiżi kollha tal-Asja Ċentrali.

      L-ewwel Forum Parlamentari bejn l-Asja Ċentrali u l-UE sar fit-30 u l-31 ta’ Marzu 2026 f’Samarkand, l-Użbekistan, li mmarka titjib importanti fir-relazzjonijiet parlamentari billi żied, mal-laqgħat bilaterali eżistenti, format ġdid fejn il-membri parlamentari jistgħu jiddiskutu l-isfidi reġjonali u l-politiki komuni.

      Il-Każakistan

      Il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim imsaħħaħ ta’ sħubija u kooperazzjoni mal-Każakistan f’Diċembru 2017, filwaqt li saħaq fuq l-importanza tal-prinċipju “aktar għal aktar” biex jiġu stimulati r-riformi politiċi u soċjoekonomiċi. Il-ftehim imsaħħaħ ta’ sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan daħal fis-seħħ f’Marzu 2020, meta l-Każakistan irratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi. Fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, il-Każakistan iffirma t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, bl-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt, f’Settembru 2020, u eventwalment abolixxa l-piena tal-mewt f’Diċembru 2021.

      L-eks President Nursultan Nazarbayev irriżenja f’Marzu 2019 wara tletin sena fil-poter, iżda, bħala “Mexxej Suprem” u “Missier in-Nazzjon” tal-eks repubblika Sovjetika, żamm influwenza sinifikanti u setgħat formali sal-2022. Żieda qawwija fil-prezzijiet tal-gass naturali likwifikat f’Jannar 2022 wasslet għal protesti, u wara dawn il-protesti, il-vjolenza ġiet provokata minn persuni armati mhux magħrufa, imħarrġa sew u organizzati. B’reazzjoni għal dan, il-President Kassym-Jomart Tokayev iddikjara stat ta’ emerġenza. Bi tweġiba għat-talba tal-President Tokayev, l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva, alleanza militari mmexxija mir-Russja, qablet li tibgħat suldati (“forzi għaż-żamma tal-paċi”) fil-Każakistan mir-Russja, mill-Belarussja, mit-Taġikistan, mill-Armenja u mill-Kirgistan.

      Il-President Tokayev assuma l-kariga ta’ President tal-Kunsill tas-Sigurtà, li kien okkupat minn Nazarbayev sa dak il-punt, u ħatar prim ministru ġdid, filwaqt li membri ewlenin tal-familja ta’ Nazarbayev tilfu l-pożizzjonijiet tagħhom ta’ influwenza. F’Settembru 2022, il-Parlament tal-Każakistan biddel lura l-isem tal-belt kapitali tan-nazzjon minn Nur-Sultan għal Astana, l-aħħar pass biex il-pajjiż jitbiegħed minn Nazarbayev.

      F’Ġunju 2022, il-Każakistan organizza referendum kostituzzjonali li introduċa bidliet istituzzjonali sostanzjali, inkluż billi naqqas il-poter tal-president u saħħaħ ir-rwol tal-parlament. F’Marzu 2023, il-Każakistan organizza elezzjonijiet parlamentari bikrija, filwaqt li implimenta sistema elettorali mħallta b’70% tas-siġġijiet allokati fuq bażi proporzjonali u 30% fuq bażi ta’ maġġoranza. L-elezzjonijiet wasslu biex il-partit Amanat kiseb maġġoranza ta’ 53.9% tal-voti, u kiseb 64 minn 98 siġġu fit-tieni kamra. F’Marzu 2026, il-Każakistan approva kostituzzjoni ġdida permezz ta’ referendum.

      Matul l-aħħar għaxar snin, il-PDG tal-Każakistan kiber b’mod konsistenti, ħlief fl-2020, sena kkaratterizzata mill-pandemija tal-COVID-19. L-ekonomija tal-Każakistan kellha prestazzjoni b’saħħitha fl-2025, bi tkabbir tal-PDG reali li laħaq is-6.5%, xprunat mid-domanda domestika, mill-infiq fuq l-infrastruttura u miż-żieda fl-output taż-żejt. Għall-2026, kien mistenni tkabbir ta’ 4.4% sakemm faqqgħet il-gwerra fil-Golf Persjan.

      Madankollu, għad hemm inċertezzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-produzzjoni taż-żejt u l-kundizzjonijiet ekonomiċi globali. Il-pajjiż qed ikompli jaħdem lejn l-għan fit-tul tiegħu li jissieħeb mat-30 pajjiż l-aktar żviluppati fid-dinja sal-2050, kif deskritt fl-istrateġija tal-Każakistan għall-2050. Il-Każakistan ikompli jsegwi l-liberalizzazzjoni u jaħdem lejn l-adattament għal ekonomija orjentata soċjalment. Il-baġit tal-pajjiż għall-2025 sal-2027 iżomm enfasi soċjali b’saħħitha, b’investimenti sinifikanti fil-programmi tal-edukazzjoni, tas-saħħa u soċjali. Il-gvern intensifika l-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni.

      L-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Każakistan u l-akbar investitur barrani. Fl-2024, l-esportazzjonijiet tal-Każakistan lejn l-UE ammontaw għal EUR 33.5 biljun, filwaqt li l-importazzjonijiet mill-UE lejn il-Każakistan laħqu l-EUR 11.5-il biljun. B’mod ġenerali, il-kummerċ tal-merkanzija żdied b’6% meta mqabbel mal-2023.

      Il-21 laqgħa tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan saret f’Ottubru 2024. Din il-laqgħa poġġiet enfasi fuq it-tisħiħ tal-konnessjonijiet tat-trasport, speċjalment ir-Rotta tat-Trasport Trans-Kaspju. Iż-żewġ naħat irrikonoxxew il-progress li sar fir-rigward tal-Ftehim Orizzontali dwar l-Avjazzjoni u s-sħubija tagħhom dwar il-materja prima kritika. Fit-22 laqgħa tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan, li saret fi Brussell f’Diċembru 2025, l-UE faħħret il-kontributi tal-Każakistan għas-sigurtà tal-enerġija u l-impenn tiegħu li jikseb in-newtralità karbonika sal-2060, kif ukoll il-parteċipazzjoni tiegħu fil-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan. Iż-żewġ partijiet iddiskutew ukoll il-ftehimiet li ġejjin dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u r-riammissjoni.

      Il-Parlament Ewropew ilu ma jibgħat delegazzjoni ta’ osservazzjoni elettorali fil-Każakistan mill-2005 minħabba n-nuqqas ta’ konformità tal-pajjiż mar-rakkomandazzjonijiet relatati mal-libertajiet fundamentali, l-imparzjalità tal-amministrazzjoni elettorali u l-eliġibbiltà. Madankollu, l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE/ODIHR) bagħat osservaturi elettorali fil-Każakistan, billi bagħat Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali biex tosserva l-elezzjonijiet parlamentari bikrija tal-Każakistan f’Marzu 2023.

      Il-Parlament Ewropew enfasizza l-ħtieġa li jiġu garantiti l-libertajiet fundamentali, li tintemm id-detenzjoni arbitrarja ta’ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u membri ta’ movimenti politiċi tal-oppożizzjoni, u li jiġu żgurati d-drittijiet tal-persuni LGBTIQA+ u s-sikurezza tal-Każakistani u ta’ gruppi ta’ minoranza etnika oħra. Barra minn hekk, appella għal sanzjonijiet individwali possibbli kontra uffiċjali li huma direttament responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem.

      Il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-protesti u l-vjolenza fil-Każakistan f’Jannar 2022, li fiha tenna t-tħassib tiegħu dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem wara li faqqgħu l-protesti fil-pajjiż, inkluż l-użu mifrux tat-tortura u n-nuqqas ta’ rispett għad-demokrazija.

      Il-Kumitat Parlamentari ta’ Kooperazzjoni UE-Każakistan huwa responsabbli għall-ġestjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Każakistan. Il-ħidma tiegħu tiffoka fuq it-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi, il-ġlieda kontra ċ-ċirkomvenzjoni u l-evażjoni tas-sanzjonijiet, l-iżvilupp tar-Rotta tat-Trasport Trans-Kaspju u t-tisħiħ tal-kollaborazzjoni dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, mal-Parlament Ewropew li jenfasizza l-importanza tad-diversità politika u l-libertà tal-media fil-Każakistan u l-involviment mad-difensuri u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem. It-22 laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta’ Kooperazzjoni UE-Każakistan saret fi Brussell f’Novembru 2025 u indirizzat kooperazzjoni bilaterali usa’, inkluż il-kummerċ u l-investiment, ir-rwol tal-Każakistan fil-konnettività, il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, id-drittijiet tal-bniedem u t-tibdil fil-klima.

      Il-Kirgistan

      Il-FSK UE-Kirgistan, li ilu fis-seħħ mill-1999, għandu jiġi ssostitwit bi ftehim imsaħħaħ ta’ sħubija u kooperazzjoni, li ġie ffirmat f’Ġunju 2024, iżda għadu ma ġiex irratifikat. Il-ftehim imsaħħaħ ta’ sħubija u kooperazzjoni jkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma, inklużi d-djalogu politiku, il-kummerċ u l-investiment, l-iżvilupp sostenibbli, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, kif ukoll l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili. Jippermetti wkoll il-kooperazzjoni fil-politika barranija u ta’ sigurtà, inklużi l-prevenzjoni tal-kunflitti, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-istabbiltà reġjonali.

      L-UE hija waħda mill-isponsors ewlenin għall-iżvilupp sostenibbli u r-riformi fil-Kirgistan. Il-programm indikattiv pluriennali 2021-2027 għall-Kirgistan iwieġeb għall-istrateġija nazzjonali ta’ żvilupp tal-Kirgistan għall-2040, li tistabbilixxi pjan direzzjonali fit-tul intiż li jippermetti lill-Kirgistan joħroġ bħala pajjiż b’saħħtu, awtosuffiċjenti u prosperu.

      Is-sħubija attwali UE-Kirgistan tagħmel enfasi fuq ir-reżiljenza għall-klima, l-infrastruttura tal-enerġija u l-appoġġ għaż-żgħażagħ. L-inizjattivi ewlenin jinkludu l-programm tar-riżorsi tal-ilma reżiljenti għall-Kirgistan, li jikkombina self ta’ EUR 42 miljun mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp ma’ għotja tal-UE ta’ EUR 15-il miljun biex tittejjeb il-ġestjoni tal-ilma. L-UE adottat ukoll inizjattiva ta’ EUR 5 miljun li tagħmel enfasi fuq iż-żgħażagħ, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-UE tkompli toffri aktar minn 300 borża ta’ studju kull sena lill-istudenti Kirgistani, kollha f’konformità mal-istrateġija tal-Global Gateway tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli.

      Il-Kirgistan ilu mill-2016 jibbenefika minn aċċess mingħajr tariffi u mingħajr kwoti għas-suq tal-UE għal żewġ terzi tal-prodotti tiegħu skont l-arranġament tal-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi Plus (SĠP+). Fl-2024, il-kummerċ UE-Kirgistan ammonta għal EUR 2.8 biljun.

      L-OSKE/ODIHR tosserva regolarment l-elezzjonijiet parlamentari u l-elezzjonijiet presidenzjali tal-Kirgistan. L-elezzjonijiet parlamentari saru fil-Kirgistan f’Ottubru 2020 u sussegwentement ġew invalidati wara protesti tal-massa kontra l-irregolaritajiet u x-xiri tal-voti. Il-President, Sooronbay Jeenbekov, irriżenja f’Ottubru 2020 u l-pajjiż kellu l-elezzjonijiet presidenzjali f’Jannar 2021, u wara dan, Sadyr Japarov beda l-mandat tiegħu bħala s-sitt President tal-Kirgistan. L-UE nnotat il-parteċipazzjoni baxxa tal-votanti, in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kandidati, ksur tal-proċeduri tal-kampanji elettorali u abbuż ta’ riżorsi amministrattivi.

      L-elezzjonijiet parlamentari bikrija ta’ Novembru 2025 komplew jikkonsolidaw is-setgħa tal-President Japarov. Il-parteċipazzjoni tal-votanti kienet baxxa, b’rata ta’ 36.9%, u l-ebda kandidat tal-oppożizzjoni ma rebaħ siġġu. L-elezzjonijiet presidenzjali huma skedati għal Jannar 2027. Fi Frar 2026, il-Qorti Kostituzzjonali tal-Kirgistan ikkonfermat li mhux se jkun hemm elezzjoni presidenzjali bikrija u li l-mandat presidenzjali attwali jrid jintemm kollu.

      Il-kunflitt tal-fruntiera bejn il-Kirgistan u t-Taġikistan qatel u darab mijiet ta’ persuni, u sposta eluf oħra. F’Marzu 2025, il-Kirgistan u t-Taġikistan iffirmaw ftehim finali dwar id-delimitazzjoni u d-demarkazzjoni tal-fruntiera komuni tagħhom. Il-Parlament Ewropew laqa’ dan l-istadju importanti, peress li l-ftehim se jsaħħaħ ir-reżiljenza u l-istabbiltà tal-Asja Ċentrali.

      Il-Kirgistan huwa sieħeb kruċjali tad-diplomazija parlamentari Ewropea, b’kuntatti regolari u diskussjoni miftuħa dwar l-istat tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, il-pożizzjoni tiegħu dwar ir-Russja u l-gwerra kontra l-Ukrajna. F’Lulju 2023, il-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjoni dwar il-libertà tal-espressjoni fil-Kirgistan, b’reazzjoni għall-abbozz ta’ liġi kontroversjali tal-Kirgistan dwar il-media u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Din kienet waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li tqajmu fid-djalogu interparlamentari meta d-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijiet mal-Asja Ċentrali żaret il-Kirgistan f’Diċembru 2023 għas-16-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta’ Kooperazzjoni UE-Kirgistan. Minn dak iż-żmien ’l hawn, id-djalogu kompla, l-aktar reċentement fit-18-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta’ Kooperazzjoni UE-Kirgistan, li saret f’Bishkek u Osh fi Frar 2026, li ffukat fuq ir-ratifika tal-ftehim imsaħħaħ ta’ sħubija u kooperazzjoni, il-proċessi demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-media, ir-riskji ta’ ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet u l-kriżi klimatika.

      L-14-il Djalogu UE-Kirgistan dwar id-Drittijiet tal-Bniedem sar f’Novembru 2024, u kien l-ewwel laqgħa ta’ dan it-tip minn meta ġie ffirmat il-ftehim imsaħħaħ ta’ sħubija u kooperazzjoni f’Ġunju 2024. L-UE esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-polza restrittiva Kirgistana ta’ April 2024 dwar l-aġenti barranin immudellata wara l-leġiżlazzjoni Russa u rrimarkat il-potenzjal għall-iskuntentizza tal-pubbliku. Qajmet ukoll is-suġġett tal-libertajiet tal-espressjoni, tal-media, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, u enfasizzat l-ispazju dejjem jonqos għas-soċjetà ċivili, filwaqt li saħqet fuq ir-rwol essenzjali li għandhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-media indipendenti biex jiżguraw l-istabbiltà ta’ soċjetà demokratika. F’Ottubru 2025, il-President Japarov beda l-abbozzar ta’ proposta biex terġa’ tiddaħħal il-piena tal-mewt għall-aktar reati serji kontra t-tfal u n-nisa. L-indiċi globali tan-nisa, tal-paċi u tas-sigurtà 2023/24 jikklassifika lill-Kirgistan bħala l-aktar pajjiż perikoluż għan-nisa fl-Asja Ċentrali.

      Il-Parlament Ewropew jinsab ferm imħasseb dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Kirgistan. Investigazzjoni dwar il-mewt taħt kustodja tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem, Azimjon Askarov, f’Lulju 2020, ingħalqet u mbagħad reġgħet infetħet iżda għadha ma ttieħdet l-ebda responsabbiltà.

      Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Diċembru 2024 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kirgistan qajmet tħassib dwar l-arrest ta’ Temirlan Sultanbekov, il-mexxej tal-partit tad-Demokratiċi Soċjali tal-Kirgistan, flimkien ma’ attivisti oħra favur id-demokrazija, li qajmu dubji dwar il-leġittimità tad-detenzjoni tagħhom qabel l-elezzjonijiet muniċipali ta’ Novembru 2024. Ir-riżoluzzjoni kkritikat it-tnaqqis fil-prattiki demokratiċi u fid-drittijiet tal-bniedem fil-Kirgistan, inkluż it-trażżin tal-media indipendenti u tal-partiti tal-oppożizzjoni.

      Il-Parlament Ewropew jinsisti li l-impenji dwar id-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu rispettati bħala parti mis-sħubija UE-Kirgistan, inklużi l-ftehim imsaħħaħ ta’ sħubija u kooperazzjoni u l-SĠP+.

      L-Użbekistan

      L-Użbekistan sar id-disa’ pajjiż benefiċjarju tal-arranġament tal-SĠP+ tal-UE f’April 2021. B’riżultat ta’ dan, l-esportazzjonijiet mill-Użbekistan huma eżentati mit-tariffi għal żewġ terzi tal-linji ta’ prodotti koperti mill-SĠP+. L-istrument jagħti spinta lill-esportazzjonijiet tal-pajjiż u jgħin biex jattira l-investiment barrani. Min-naħa tiegħu, l-Użbekistan mistenni jimplimenta 27 konvenzjoni internazzjonali ewlenija dwar il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, u l-protezzjoni ambjentali u klimatika. L-arranġament speċjali ta’ inċentivi għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2027.

      F’Ottubru 2025, ġie ffirmat il-ftehim imsaħħaħ ta’ sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Użbekistan, intiż li jipprovdi qafas ġdid, modern u ambizzjuż biex tiżdied is-sħubija bejn l-UE u l-Użbekistan. It-18-il laqgħa tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Użbekistan saret f’Ottubru 2025 fil-Lussemburgu. Iż-żewġ naħat skambjaw fehmiet dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni finanzjarja, teknika, kummerċjali, ekonomika u ta’ investiment, b’enfasi fuq miżuri li jilliberalizzaw u jissimplifikaw il-proċeduri kummerċjali permezz tal-benefiċċji tal-SĠP+. Iż-żewġ partijiet enfasizzaw sforzi biex tingħata spinta lill-proġetti tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija ekoloġika, flimkien mal-kooperazzjoni fl-espansjoni tat-trasport, inkluż ir-Rotta tat-Trasport Internazzjonali Trans-Kaspju. F’Ottubru 2025, l-UE u l-Użbekistan ħabbru l-konklużjoni tan-negozjati bilaterali tagħhom dwar l-aċċess għas-suq għas-servizzi u l-oġġetti, filwaqt li enfasizzaw l-appoġġ politiku tal-UE għall-adeżjoni tal-Użbekistan mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

      Fl-2024, l-Użbekistan importa EUR 3,959 miljun f’oġġetti mill-UE, filwaqt li l-esportazzjonijiet tiegħu lejn l-UE ammontaw għal EUR 845 miljun, li jirrifletti żieda ta’ 8.2% mill-2023. L-istatus tal-SĠP+ ikkontribwixxa għal dan it-tkabbir, u l-esportazzjonijiet tal-Użbekistan lejn l-UE ilhom jiżdiedu b’mod sostanzjali mill-2021.

      Il-programm indikattiv pluriennali 2021-2027 tal-UE għall-Użbekistan alloka EUR 76 miljun għall-perjodu tal-2021-2024 u EUR 43 miljun addizzjonali għal inizjattivi bilaterali ġodda għall-2025-2027, b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-governanza demokratika, l-avvanz tat-trasformazzjoni diġitali, il-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli, u t-trawwim tal-iżvilupp ta’ settur agroalimentari intelliġenti u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

      Minn meta l-President Shavkat Mirziyoyev ħa l-kariga fl-2016, l-Użbekistan għadda minn bidliet demokratiċi mifruxa u mgħaġġlin. Dawn huma żviluppi pożittivi, li jinkludu diversi riformi ambizzjużi u bidliet interni, bħar-rilaxx ta’ għadd ta’ priġunieri politiċi.

      Fi Frar 2021, Mirziyoyev iffirma liġi biex l-elezzjoni presidenzjali titressaq għal Ottubru 2021. L-OSKE/ODIHR tenna r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fuq il-finanzjament tal-partiti politiċi, l-għadd imħaffef tal-voti u t-tnaqqis tar-riżorsi tal-istat għall-kampanji elettorali. Elezzjoni presidenzjali oħra bikrija saret f’Lulju 2023, u l-President Mirziyoyev reġa’ ġie elett b’87.1% tal-voti. Huwa biħsiebu jkompli r-riformi ambizzjużi ppjanati skont l-Istrateġija għall-Iżvilupp 2022-2026, bil-għan li tinkiseb bidla ġenwina fil-pajjiż f’termini ta’ żvilupp soċjoekonomiku; amministrazzjoni effiċjenti; sistema ġudizzjarja aktar indipendenti; u rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali.

      L-Użbekistan interaġixxa mat-Taliban dwar kwistjonijiet kummerċjali u interazzjoni ekonomika, filwaqt li żgura s-sigurtà tal-fruntieri u l-kooperazzjoni fl-enerġija, fit-trasport u fil-merkanzija internazzjonali, u dwar il-proġett ferrovjarju li jgħaqqad il-belt mal-fruntiera tal-Użbekistan ta’ Termez mal-belt Pakistana ta’ Peshawar permezz ta’ Mazar-i-Sharif u Kabul fl-Afganistan.

      Ir-relazzjonijiet bejn l-Użbekistan u r-Russja ssaħħew taħt il-President Mirziyoyev. Fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, l-Użbekistan astjena milli jivvota biex jikkundanna l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u adotta uffiċjalment pożizzjoni “newtrali”. Ir-Russja u l-Użbekistan għandhom kooperazzjoni militari-teknika, li tkopri l-akkwist konġunt tal-armi, l-isforzi ta’ riċerka u modernizzazzjoni. Barra minn hekk, bħala sieħeb kummerċjali ewlieni, ir-Russja tikkollabora mal-Użbekistan fl-industrija taż-żejt u tal-gass. F’Jannar 2025, ir-Russja u l-Użbekistan ifformalizzaw sħubija strateġika militari, flimkien ma’ inizjattivi strateġiċi usa’ li jestendu sal-2030.

      F’Jannar 2024, il-President Ċiniż Xi Jinping kellu taħditiet mal-President Mirziyoyev. Huma ħabbru li ċ-Ċina u l-Użbekistan iddeċidew li jiżviluppaw sħubija strateġika komprensiva dejjiema għal era ġdida.

      Il-Parlament Ewropew ġie mistieden josserva l-elezzjonijiet leġiżlattivi fl-Użbekistan għall-ewwel darba f’Diċembru 2019, iżda rrifjuta minħabba li l-elezzjonijiet la kienu ħielsa u lanqas ġusti, li jindika l-fatt li l-kandidati kollha ġew minn partiti favur ir-reġim. L-elezzjonijiet għalhekk ġew immonitorjati biss mill-OSKE/ODIHR.

      Madankollu, il-Parlament Ewropew aċċetta l-istedina li jimmonitorja l-elezzjoni presidenzjali ta’ Ottubru 2021, minkejja li l-ħames kandidati rreġistrati mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali allegatament kienu favur il-gvern.

      Id-19-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta’ Kooperazzjoni UE-Użbekistan saret fis-26 ta’ Frar 2026 fi Brussell. Il-parteċipanti evalwaw is-sħubija tagħhom u ddiskutew oqsma għal kooperazzjoni futura.

      It-Turkmenistan

      Ir-relazzjonijiet formali bejn l-UE u t-Turkmenistan bdew fl-1997, u ż-żewġ partijiet iffirmaw FSK fl-1998. L-Istati Membri kollha tal-UE u t-Turkmenistan irratifikaw il-FSK, iżda dan irid jiġi ratifikat mill-Parlament Ewropew qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ. Il-Parlament irrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għar-ratifika tal-FSK UE-Turkmenistan minħabba t-tħassib serju tiegħu dwar il-punti ta’ riferiment fuq terminu qasir għall-progress tat-Turkmenistan rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u t-Turkmenistan għalhekk, bħalissa huma rregolati mill-Ftehim Kummerċjali Interim tal-2010. F’Marzu 2024, it-Turkmenistan u l-UE ffirmaw Protokoll għall-FSK fi Brussell, li kien pass kruċjali lejn it-tisħiħ tas-sħubija tagħhom u witta t-triq għal kooperazzjoni msaħħa.

      It-Turkmenistan ħa passi biex jiftaħ il-pajjiż u joħloq aktar spazju għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Madankollu, il-pajjiż għadu taħt it-tmexxija awtoritarja tal-President Serdar Berdymukhamedov. L-iżviluppi reċenti juru li ma sarx progress fl-iżvilupp demokratiku, u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għadha ma ttejbitx wisq. Fl-2021, it-Turkmenistan introduċa xi riformi kostituzzjonali, inkluż il-ħolqien ta’ kamra superjuri, iżda r-rwol tal-Parlament Turkmeni għadu limitat.

      Minbarra l-oqfsa reġjonali UE-Asja Ċentrali, l-UE u t-Turkmenistan iżommu djalogi bilaterali annwali: il-Kumitat Konġunt UE-Turkmenistan u d-Djalogu UE-Turkmenistan dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. L-24 laqgħa tal-Kumitat Konġunt UE-Turkmenistan saret f’Novembru 2025 f’Ashgabat biex jiġu żviluppati aktar is-sħubija u l-kooperazzjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kummerċ, tal-konnettività, tal-enerġija u tal-ambjent. L-UE affermat mill-ġdid li l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma aspetti essenzjali tar-relazzjoni bejn l-UE u t-Turkmenistan. Is-17-il Djalogu annwali UE-Turkmenistan dwar id-Drittijiet tal-Bniedem sar f’Ġunju 2025. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-passi konkreti tat-Turkmenistan biex tittejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, inkluż għal individwi li d-drittijiet tal-bniedem tagħhom ġew miksura, u biex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet fiċ-ċentri ta’ detenzjoni u fil-ħabsijiet, u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

      Fl-2014, it-Turkmenistan u t-Turkija qablu li jittrasportaw il-gass permezz tal-pipeline Trans-Anatoljan, li bħalissa qed iġorr il-gass miż-żona Shah Deniz tal-Ażerbajġan. Barra minn hekk, fl-2021, il-kumpanija Trans Caspian Resources ippreżentat il-proposta tagħha għall-Interkonnettur Trans-Kaspju, pipeline iżgħar imfassal biex iġorr bejn 10 u 12-il biljun metru kubu ta’ gass kull sena. Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022, l-UE fittxet sorsi alternattivi ta’ enerġija, inkluż il-gass mit-Turkmenistan. Iż-żewġ naħat qed jinnegozjaw ftehim, fejn it-Turkmenistan għandu l-għan li jiddiversifika l-esportazzjonijiet u l-UE qed tfittex provvisti ġodda.

      Il-Parlament Ewropew, b’mod konsistenti, esprima tħassib dwar ir-rekord ħażin tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkmenistan u, għaldaqstant, sa issa mblokka d-dħul fis-seħħ tal-FSK. Il-Parlament qatt ma ġie mistieden josserva l-elezzjonijiet fit-Turkmenistan.

      Fi Frar 2025, id-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijiet mal-Asja Ċentrali vvjaġġat lejn it-Turkmenistan għat-tmien Djalogu Interparlamentari UE-Turkmenistan. It-taħditiet iffukaw fuq ir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar it-Turkmenistan, fuq id-drittijiet tal-bniedem, fuq ir-riformi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fuq l-oqsma ta’ kooperazzjoni bilaterali. Iż-żewġ partijiet enfasizzaw il-pożizzjoni newtrali tat-Turkmenistan fis-sigurtà reġjonali u r-rwol strateġiku tiegħu fl-enerġija u t-trasport. Huma tennew id-dedikazzjoni tagħhom għall-konservazzjoni ambjentali, għar-riformi legali u għall-kollaborazzjoni parlamentari. Id-delegazzjoni interaġġixxiet ukoll mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex tindirizza d-drittijiet tal-bniedem, il-progress soċjali u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili.

      It-Taġikistan

      L-involviment tal-UE mat-Taġikistan żviluppa b’mod sinifikanti. Il-FSK UE-Taġikistan ġie ffirmat f’Ottubru 2004 u daħal fis-seħħ f’Jannar 2010. Il-Parlament Ewropew approva l-konklużjoni tal-FSK fl-2009, iżda appella għal titjib fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tal-korruzzjoni, tas-saħħa u tal-edukazzjoni. Il-FSK ikkontribwixxa għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali u żied il-profil tal-UE fit-Taġikistan, u stabbilixxa pjattaforma għal djalogu politiku u kellu l-għan li jippromwovi l-kummerċ bilaterali u r-relazzjonijiet ekonomiċi. Dan jinkludi wkoll artikoli dwar il-kooperazzjoni, dwar il-migrazzjoni u dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, id-drogi u t-terroriżmu.

      Bħala pass ’il quddiem fir-relazzjonijiet tagħhom, fl-2023, l-UE u t-Taġikistan fetħu uffiċjalment negozjati dwar ftehim imsaħħaħ ta’ sħubija u kooperazzjoni, u kkonkludewhom fl-2024. Il-ftehim imsaħħaħ ta’ sħubija u kooperazzjoni ġie inizjalat f’Lulju 2025, u fetaħ it-triq għall-iffirmar u għar-ratifika formali miż-żewġ partijiet.

      L-UE wriet l-impenn tagħha li tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli tat-Taġikistan permezz ta’ inizjattivi ffokati fuq oqsma ewlenin bħall-iżvilupp tal-bniedem, l-ekonomija ekoloġika u diġitali inklużiva, il-ġestjoni tal-ilma, it-tibdil fil-klima, u l-konnettività fl-oqsma tal-enerġija u tat-trasport, permezz tal-programm indikattiv pluriennali 2021-2027 għat-Taġikistan.

      It-Taġikistan huwa sieħeb importanti tal-UE u għandu interess qawwi li jissieħeb fl-iskema kummerċjali preferenzjali SĠP+, iżda bħalissa qed jiffaċċja diversi sfidi, bħall-impatt tas-sanzjonijiet internazzjonali u r-ritorn ta’ bosta migranti Taġikistani mir-Russja wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, u s-sitwazzjoni kritika tad-drittijiet tal-bniedem. Wara t-teħid tal-kontroll mit-Talibani fl-Afganistan, it-Taġikistan ilu jospita eluf ta’ rifuġjati Afgani. Il-pajjiż huwa impenjat li jiġġieled it-tixrid tal-estremiżmu u r-radikaliżmu fl-Asja Ċentrali.

      Il-11-il laqgħa tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u t-Taġikistan saret f’Novembru 2025, fi Brussell. L-UE qed tħeġġeġ lit-Taġikistan itejjeb ir-rekord tiegħu tal-libertajiet fundamentali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-15-il Djalogu UE-Taġikistan dwar id-Drittijiet tal-Bniedem sar f’Novembru 2024.

      Fl-2024, l-esportazzjonijiet tat-Taġikistan lejn l-UE żdiedu b’67%, u laħqu l-EUR 291 miljun, filwaqt li l-importazzjonijiet tiegħu mill-UE ammontaw għal EUR 275 miljun. L-involviment tal-UE fit-Taġikistan jestendi lil hinn mir-rabtiet ekonomiċi, li jinkludu oqsma bħall-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili.

      Fl-elezzjonijiet parlamentari li saru fit-Taġikistan f’Marzu 2025, il-Partit Demokratiku tal-Poplu fit-tmexxija kiseb 49 minn 63 siġġu. Dawn kienu l-ewwel elezzjonijiet f’25 sena mingħajr osservaturi indipendenti tal-Punent, peress li l-missjoni tal-OSKE/ODIHR ġiet ikkanċellata minħabba li l-awtoritajiet Taġikistani naqsu milli jipprovdu garanziji ta’ akkreditazzjoni. Għalkemm fl-elezzjoni ħadu sehem ħames partiti oħra, il-gruppi tal-oppożizzjoni li l-aktar opponew b’qawwa r-reġim ġew esklużi.

      Il-Parlament Ewropew kien kritiku ħafna dwar id-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem fit-Taġikistan, iż-żieda fl-għadd ta’ detenzjonijiet u arresti ta’ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, avversarji politiċi u membri tal-familja tagħhom, u r-restrizzjonijiet stretti mmens fuq il-media indipendenti.

      Il-Parlament Ewropew kemm-il darba esprima tħassib dwar il-ġlied fil-fruntiera bejn il-Kirgistan u t-Taġikistan u laqa’ l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied li ntlaħaq f’April 2021. Madankollu, f’Settembru 2022, il-vjolenza żdiedet bejn il-gwardji tal-fruntiera tul diversi siti. Fi Frar 2024, il-Kirgistan u t-Taġikistan laħqu soluzzjoni biex jintemmu għexieren ta’ snin ta’ tilwim ostili billi qablu dwar id-delimitazzjoni ta’ 90% tat-territorju preċedentement ikkontestat. Il-Parlament Ewropew laqa’ din il-kooperazzjoni transfruntiera u d-demarkazzjoni tal-fruntieri bejn il-Kirgistan u t-Taġikistan, u dan kien ikkonfermat matul laqgħa tal-mexxejja tal-Kirgistan, tat-Taġikistan u tal-Użbekistan f’Jannar 2025.

      F’Lulju 2022, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni fil-Provinċja Awtonoma ta’ Gorno-Badakhshan u f’Jannar 2024, tenna t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament tar-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-pajjiż f’riżoluzzjoni dwar ir-repressjoni tal-istat kontra l-media indipendenti fit-Taġikistan.

      It-12-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta’ Kooperazzjoni UE-Taġikistan saret f’Dushanbe f’Settembru 2025. Din il-laqgħa indirizzat kwistjonijiet bħall-pożizzjoni newtrali tat-Taġikistan dwar il-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna, il-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali, l-impatt tat-tibdil fil-klima fl-Asja Ċentrali u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Taġikistan.

      Il-Parlament Ewropew qed iżid l-iskrutinju tiegħu fil-qasam tad-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż. It-titjib f’dan il-qasam huwa essenzjali biex jissaħħu aktar ir-relazzjonijiet bilaterali bejn it-Taġikistan u l-UE.

      Il-Mongolja

      Għalkemm il-Mongolja mhijiex koperta mill-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali, il-Parlament Ewropew ikklassifika l-pajjiż bħala parti mir-reġjun fi ħdan il-qafas tad-delegazzjonijiet permanenti tiegħu. Madankollu, il-Mongolja tikkondividi ħafna aspetti kulturali, storiċi u ekonomiċi ma’ dawk li qabel kienu r-repubbliki Sovjetiċi li jinsabu fl-Asja Ċentrali.

      Matul dawn l-aħħar tletin sena, il-Mongolja ddistingwiet ruħha bħala “oasi tad-demokrazija” bi tkabbir ekonomiku sod, minkejja li ċerti żviluppi fl-2019 qajmu tħassib dwar l-erożjoni demokratika. Fl-2017, il-Parlament ta l-kunsens tiegħu għall-FSK UE-Mongolja.

      Il-politika tal-Mongolja bħalissa hija ddominata mill-konsolidazzjoni tal-Partit tal-Poplu tal-Mongolja, li għandu maġġoranza kbira fil-Parlament tal-Mongolja u l-kontroll presidenzjali. L-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ġunju 2024 fil-Mongolja introduċew riforma kostituzzjonali, filwaqt li żiedu l-għadd ta’ siġġijiet parlamentari għal 126 u reġgħu introduċew sistema elettorali mħallta. Il-Partit tal-Poplu tal-Mongolja rebaħ maġġoranza iżgħar minn dik li kellu qabel, u s-sehem ta’ rappreżentanti nisa żdied minn 17.3% għal 25.4%. Il-kwistjonijiet ewlenin fl-elezzjonijiet kienu jinkludu l-korruzzjoni, l-ekonomija, il-qgħad u l-inflazzjoni.

      It-23 laqgħa tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja saret f’Ulaanbaatar f’April 2025 u fittxet li tiġi affermata mill-ġdid is-sħubija bbażata fuq valuri kondiviżi bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u r-rispett tal-prinċipji tal-Karta tan-NU. Il-kumitat iffoka fuq it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni fl-enerġija rinnovabbli u t-tranżizzjoni ekoloġika, u fuq iż-żieda fil-fatturat tal-kummerċ billi jiżdiedu l-esportazzjonijiet fil-qafas tal-SĠP+ tal-UE, u b’hekk isir użu akbar mill-iskema preferenzjali. Iż-żewġ naħat skambjaw ukoll fehmiet dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri deskritti fil-pjan direzzjonali għall-Memorandum ta’ Qbil tas-Sħubija dwar il-Foresti. Iż-żewġ partijiet iddiskutew il-progress li nkiseb bl-implimentazzjoni tal-programm indikattiv pluriennali tal-Mongolja għall-2021-2027.

      Id-dikjarazzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar il-Mongolja kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom relatati ma’ kwistjonijiet ekonomiċi, iżda wkoll mal-ħtiġijiet umanitarji u ta’ żvilupp tal-pajjiż, li huma marbuta mal-kundizzjonijiet estremi tat-temp. Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew osservat l-elezzjoni parlamentari tal-2016 u l-elezzjoni presidenzjali tal-2017 fil-Mongolja, u nnotat li l-pajjiż qed jiżviluppa demokrazija soda. Il-pandemija tal-COVID-19 waqqfet lill-Parlament milli josserva l-elezzjoni parlamentari ta’ Ġunju 2020 u l-elezzjoni presidenzjali ta’ Ġunju 2021, iżda delegazzjoni tal-Parlament setgħet tosserva l-elezzjoni parlamentari tal-2024. Hija nnotat li kien sar progress iżda li kien għad hemm lok għal titjib.

      Is-17-il laqgħa Interparlamentari UE-Mongolja, li saret f’Marzu 2025 fi Brussell, iffokat fuq ir-relazzjonijiet bilaterali, il-kwistjonijiet reġjonali ġeostrateġiċi, id-drittijiet tal-bniedem, it-tibdil fil-klima, il-konnettività u l-kuntatti bejn il-persuni.

       

      Jorge SOUTULLO SANCHEZ / Niccolò RINALDI