Il-Parlament Ewropew
fl-azzjoni
Punti Prinċipali 1999-2004

 
Il-Parlament Ewropew
Riforma ta’ l-UE
Tkabbir
L-għaxar Stati Membri ġodda
Il-pożizzjoni u l-qbil tal-Parlament
Il-passi li jmiss
Id-drittijiet taċ-ċittadini
Il-Ġustizzja
u l-affarijiet ta’ l-intern
Relazzjonijiet barranin
Protezzjoni Ambjentali /
tal-Konsumatur
Trasport / Politika Reġjonali
Agrikoltura / Sajd
Il-politika ekonomika
u monetarja
Il-Politika ta’ l-Impjiegi
u Soċjali / Drittijiet tan-nisa
Suq intern / Industrija / Enerġija / Riċerka
 

EPP-ED PSE Group ELDR GUE/NGL The Greens| European Free Alliance UEN EDD/PDE

> Turkey - Plenary Speech (Uca - 4/6/2003)


It-Tkabbir – il-passi li jmiss

Il-big bang ta’ l-2004, meta l-Unjoni Ewropea kibret għal 25 membru, ser tkun segwita b’aktar espansjonijiet. Diġà qegħdin isiru negozjati mal-Bulgarija u mar-Rumanija; għandha tittieħed deċiżjoni dwar il-bidu tan-negozjati ta’ adeżjoni mat-Turkija f’Diċembru 2004 u l-Kroazja issa applikat għas-sħubija wkoll.

Għalkemm in-negozjati ta’ adeżjoni mal-Bulgarija u mar-Rumanija bdew fl-1999, bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien ma' l-għaxar pajjiżi li daħlu fl-UE f’Mejju 2004, dawn iż-żewġ pajjiżi għadhom ma ngħatawx id-dawl aħdar. Il-mexxejja tal-gvernijiet ta’ l-UE fis-Summit ta’ Copenhagen ta’ Diċembru 2002 ma kkunsidrawx lill-Bulgarija u lir-Rumanija lesti, għalkemm għarrfu l-progress konsiderevoli li ż-żewġ pajjiżi kienu  għamlu sa dakinhar.

Il-Bulgarija ssoddisfat il-kriterji politiċi, iżda kien fadlilha ħafna x’tagħmel sabiex issaħħaħ il-ġudikatura, tneħħi l-korruzzjoni u delitti li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed u telimina d-diskriminazzjoni kontra l-minorità tar-Roma. Ekonomikament, il-Bulgarija kienet għadha mhiex kapaċi tikkompeti mal-forzi tas-suq ta’ l-UE. Hija kienet meħtieġa wkoll tiżgura proċeduri trasparenti għall-akkwist pubbliku u tipproteġi aħjar id-drittijiet tal-propjetà intellettwali. Il-pajjiż ġie mitlub itejjeb l-istrateġija tal-provvista ta’ l-enerġija u biex jgħalaq erba’ reatturi ta’ l-impjant Nuklejari ta’ Kozloduy. It-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa kien għad jeħtieġ li jiddaħħal f’liġi. Finalment, il-Bulgarija kellha l-ħtieġa li tadotta leġislazzjoni ambjentali aktar b’saħħitha. Il-Parlament ikkritika wkoll id-diskriminizzazzjoni kontinwa kontra l-omosesswali.

Ir-Rumanija tissodisfa l-kriterji politiċi wkoll, iżda l-korruzzjoni tibqa’ problema serja. Ekonomikament, s’issa, il-pajjiż mhuwiex kapaċi jikkompeti mal-forzi tas-suq ta’ l-UE. Sar ftit progress fil-moviment liberu tal-merkanzija u ta’ persuni u r-Rumanija għandha nuqqas ta' kapaċità amministrattiva sabiex tinforza l-leġislazzjoni ambjentali ġdida. Il-politika ta’ l-enerġija mhiex konsistenti. Għalkemm il-politika tal-kontroll tal-fruntiera u tal-migrazzjoni tjiebet b’mod sinjifikanti, l-kapaċità ta’ amministrazzjoni tal-fruntiera teħtieġ li tiġi rinfurzata. Id-dgħjufija ta’ l-amministrazzjoni f’bosta setturi importanti għadha kawża ta’ tħassib serju. Fir-rapporti tiegħu, il-Parlament kemm-il darba tkellem dwar l-abbuż u t-traskuraġni ta’ tfal f’istituzzjonijiet ta’ l-istat Rumeni u dwar il-problemi ta’ tfal tat-triq u t-traffikar tat-tfal. Iżda l-pajjiż, minn dak iż-żmien 'l hawn, ħa passi importanti sabiex itejjeb it-trattament tat-tfal. Problemi oħra li semma il-Parlament kienu l-ħtieġa li l-minoritajiet jiġu integrati, speċjalment ir-Roma, li l-industrija nuklejari u l-industrija tal-minjieri jsiru aktar siguri u li tiġi salvagwardjata l-libertà ta’ l-informazzjoni u tal-media indipendenti.

Minħabba din is-sitwazzjoni, il-mexxejja tal-gvernijiet ta’ l-UE, f’Diċembru 2002, f’Copenhagen, iddeċidew li jkomplu n-negozjati ta’ adeżjoni mal-Bulgarija u mar-Rumanija u li jintensifikaw il-ħidmiet sabiex jippreparawhom għad-dħul fl-UE, sa l-2007, jekk ikun possibbli.

Fl-aħħar rapporti tiegħu dwar il-progress li sar mir-Rumanija u l-Bulgarija, l-Parlament faħħar lill-Bulgarija dwar ix-xogħol li għamlet u sostna li b'hekk segħtet tispiċċa n-negozjati ta' l-adeżjoni sa l-aħħar ta' l-2004. Dwar ir-Rumanija, il-Parlament - għalkemm ikkumenta dwar il-fatt li l-pajjiz għamel progress f'ċertioqsma - qal li xorta hemm ċertu problemi biex jiġu ssodisfati l-kriterji ta' Copenhagen. Tabilħaqq, il-Parlament qal li ma kienx possibli għar-Rumanija li ssir membru ta' l-UE qabel ma timplimenta fis-sħiħ ċertu miżuri kontra l-korruzzjoni, tiżgura li l-qrati jkunu indipendenti u jaħdmu kif suppost, kif ukoll li tiżgura l-libertà ta' l-espressjoni tal-media u tieħu ċertu miżuri kontra t-tortura u t-trattament ħażin fl'għases tal-pulizija. Il-Parlament talab ukoll lir-Rumanija toħloq sistema effetiva għall-protezzjoni tat-tfal.

Id-Deċiżjoni dwar il-ftuħ tan-negozjati mat-Turkija fl-2004

Għalkemm it-Turkija daħlet fi ftehim ta’ assoċjazzjoni ma’ l-UE sa mill-1964 u applikat għal sħubija fl-1987, kienet rikonoxxuta biss formalment bħala pajjiż kandidat fis-Summit ta’ Helsinki ta’ l-1999 u s’issa, għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni sabiex jinbdew negozjati ta’ adeżjoni. Problema importanti matul is-snin kienet it-track record tat-Turkija dwar id-Demokrazija, r-regola tal-liġi, id-drittijiet umani u d-drittijiet tal-minoritajiet. Madankollu, f’Diċembru 2002, il-gvernijiet ta’ l-UE rrikonoxxew li f’perjodu relattivament qasir, it-Turkija kienet ħadet passi sinjifikanti sabiex tirriforma l-leġislazzjoni tagħha sabiex tissodisfa l-kriterji politiċi għall-adeżjoni. It-Turkija ġiet imħeġġa tkompli r-riformi tagħha b’mod enerġetiku. U jekk il-Kunsill, fuq il-bażi ta’ rapport u rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni, f’Diċembru 2004, jiddeċiedi li t-Turkija tissodisfa l-kriterji politiċi ta’ Copenhagen, l-UE sejra tiftaħ in-negozjati ta’ adeżjoni minnufih.

F’riżoluzzjoni adottata nhar il-5 ta’ Ġunju 2003, il-Parlament qabel ma’ din l-opinjoni. Huwa laqgħa l-progress li t-Turkija għamlet biex tissodisfa l-kriterji politiċi għal sħubija fl-UE iżda qal li l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ negozjati ta’ adeżjoni għadhom ma ġewx sodisfatti. Il-Membri tal-Parlament Ewropew saħqu fuq il-ħtieġa għal riforma komprensiva ta’ l-istat u esprimew it-tħassib tagħhom fuq “ir-rwol eċċessiv” ta’ l-armata fit-Turkija. Iżda, huma saħqu li anki jekk il-valuri politiċi ta’ l-Unjoni Ewropea – d-demokrazija, ir-regola tal-liġi, id-drittijet tal-bniedem u tal-minoritajiet u l-libertajiet tar-reliġjonijiet u tal-kuxjenza – huma, b’mod ewlieni mfasslin fuq il-kultura Lhudija-Kristjana u umanista ta’ l-Ewropa, huma jistgħu jiġu aċċettati b’mod perfett u ddefendut minn pajjiż fejn il-maġġornaza tal-popolazzjoni hija musulmana. Fi kliem ieħor l-MPE jemmnu li r-reliġjon dominanti ta’ pajjiż kandidat ma tikkostitwix fiha nfisha ostakolu għal sħubija fl-UE.

Ħarsa lejn il-Balkani tal-Punent

Bit-tkabbir ta’ l-2004 u ta’ l-2007 ingħata bidu għal dibattitu dwar il-konfini finali ta’ l-UE. S’issa għad ma tistax tingħata risposta definittiva. Iżda fis-Summit ta’ Thessaloniki ta’ Ġunju 2003, il-mexxejja ta’ gvernijiet ta’ l-UE urew biċ-ċar il-prospett ta’ sħubija fl-UE tal-ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Albanija, l-Bosnia u Herżegovina, il-Kroazja, is-Serbja u l-Montenegro u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent sejrin jissaħħu aktar, għax ser jikkunsidraw l-esperjenza miksuba mill-proċess ta’ adeżjoni tal-pajjiżi ta’ l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. B’konformità ma’ talba mill-Parlament, sejrin jiżdiedu €200 miljun mal-fondi li hemm diġà disponibbli għal dan ir-reġjun għas-snin 2004-2006.  Il-Membri tal-Parlament Ewropew saħqu li kien wasal iż-żmien li dawn il-pajjiżi ma jiqbgħux biss jiffukaw fuq is-sigurtà fir-reġjun imma lijibdew jistinkaw ukoll sabiex ikattru l-ħidma soċjali u ekonomika, għax inkella l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kienu ser jispiċċaw f'faqar permanenti u kien hemm ir-riskju li dan jerġa’ jsir reġjun ta’ kunflitti. Il-Kroazja applikat għas-sħubija fi Frar 2003 u l-Kummissjoni ħarġet opinjoni favorevoli dwar din l-applikazzjoni. Il-Maċedonja applikat għas-sħubija f'Marzu 2004.



  
Relaturi:
  
>  Il-Bulgarija: Geoffrey Van Orden (EPP-ED, UK)
>  Ir-Romanija: Baroness Nicholson of Winterbourne (ELDR, UK)
>  It-Turkija: Arie Oostlander (EPP-ED, NL)
  
Atti finali pubblici fil-Gurnal Ufficjali :
  
>  Il-Bulgarija
>  Ir-Romanija
>  It-Turkija - test adottat mill-PE
>  Thessaloniki European Council

 

 

 
  Publishing deadline: 2 April 2004