Il-Parlament Ewropew
fl-azzjoni
Punti Prinċipali 1999-2004

 
Il-Parlament Ewropew
Riforma ta’ l-UE
Tkabbir
L-għaxar Stati Membri ġodda
Il-pożizzjoni u l-qbil tal-Parlament
Il-passi li jmiss
Id-drittijiet taċ-ċittadini
Il-Ġustizzja
u l-affarijiet ta’ l-intern
Relazzjonijiet barranin
Protezzjoni Ambjentali /
tal-Konsumatur
Trasport / Politika Reġjonali
Agrikoltura / Sajd
Il-politika ekonomika
u monetarja
Il-Politika ta’ l-Impjiegi
u Soċjali / Drittijiet tan-nisa
Suq intern / Industrija / Enerġija / Riċerka
 

EPP-ED PSE Group ELDR GUE/NGL The Greens| European Free Alliance UEN EDD/PDE

> EPP-ED Enlargement
> Enlargement of the EU
> Policy of Enlargement


Unjoni ikbar u aktar b’saħħitha

L-akbar tkabbir fl-istorja ta' l-UE seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, meta l-Unjoni Ewropea magħmula minn ħmistax-il membru, f’daqqa waħda, kisbet għaxar membri ġodda - ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja. Dan l-avveniment storiku wasal ftit aktar minn sena wara li l-Parlament Ewropew kien approva l-isħubija ta’ dawn il-pajjiżi, li fetħet it-triq sabiex l-adeżjoni tagħhom tkun ratifikata mill-parlamenti nazzjonali tal-25 Stat, kollha kemm huma.

Mill-1997, il-Parlament Ewropew segwa u ssorvelja mill-qrib in-negozjati mal-kandidati għal sħubija fl-UE u l-progress li huma għamlu. Dejjem insista li kull pajjiż għandu jidħol fuq il-meriti tiegħu stess u ma għandux jiġi aċċettat fuq rieda tajba biss. Fit-teorija, dan kien ifisser li xi pajjiżi setgħu jidħlu qabel oħrajn. Iżda, fl-istess ħin, il-Parlament ħadem bis-sħiħ sabiex jiżgura li l-kandidati jkunu jistgħu jikkwalifikaw, billi pprovda għajnuna finanzjarja u teknika, kkritika fejn kien hemm bżonn u nkoraġġixxa fejn possibbli. Meta ta l-verdett finali tiegħu, nhar id-9 ta’ April 2003, kien ikkonkluda bil-ferħ li l-għaxar pajjiżi kandidati li magħhom ġew konklużi n-negozjati kienu rriformaw is-sistemi politiċi, ġudizjarji u ekonomiċi tagħhom biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jidħlu.

Il-mistoqsija ta’ jekk dawn il-pajjiżi għandhomx jidħlu fl-UE b’mod gradwali jew kollha f’daqqa għalhekk ġiet solvuta b'tkabbir f’daqqa. Iżda, sabiex jiġi żgurat li l-pajjiżi li kienu ser jissieħbu jibqgħu fit-triq it-tajba u ma jaqfux il-proċess ta' riforma wara li jiksbu l-approvazzjoni, il-Parlament introduċa “klaswoli ta’ salvagwardja” fit-Trattat ta’ Adeżjoni. Dawn jippermettu li jiddaħħlu sanzjonijiet fuq pajjiżi li ma jkunux ikkonformaw mar-regoli ta’ l-UE sa Mejju 2004. Per eżempju, setgħet tiġi introdotta projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ laħam jekk pajjiż jonqos milli japplika r-regoli ta’ l-iġjene fil-biċċeriji.

Il-mixja lejn l-adeżjoni

Wara l-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin fl-1989, l-UE malajr stabbiliet relazzjonijiet diplomatiċi mal-pajjiżi ta’ l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Matul is-snin disgħin, l-UE kkonkludiet Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma’ għaxra minn dawn il-pajjiżi. U fl-1993, fis-Summit ta' Copenhagen, il-mexxejja tal-gvernijiet ta’ l-UE ħadu pass deċisiv lejn it-tkabbir preżenti, billi qablu li “l-pajjiżi assoċjati fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li jixtiequ jagħmlu dan, għandhom isiru membri ta’ l-Unjoni Ewropea”. F’din il-laqgħa, ġew stabbiliti wkoll il-ħtiġiet għal sħubija fl-UE, magħrufin bħala l-kriterji ta’ Copenhagen. Dawn il-kriterji jeħtieġu istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, r-regola tal-liġi, d-drittijiet umani u r-rispett għall-minoritajiet; l-eżistenza ta’ ekonomija tas-suq li taħdem u li kapaċi tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva tal-forzi tas-suq Ewropew; l-abilità li jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ l-isħubija li jinkludu fedeltà lejn l-għanijiet ta’ l-unjoni politika, ekonomika u monetarja; u l-aġġustament ta’ strutturi amministrattivi, sabiex il-leġislazzjoni ta’ l-UE tkun tista’ tiġi implimentata b’mod effettiv.

F’Marzu 1998 ittieħdet id-deċiżjoni sabiex jibdew in-negozjati ta’ adeżjoni ma’ sitt pajjiżi: Ċipru (li sadanittant applika wkoll sabiex jissieħeb), ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Polonja u l-Islovenja. Malta attivat mill-ġdid l-applikazzjoni tagħha għal sħubija f’Ottubru 1998. Minn dik is-sena, il-Kummissjoni ppubblikat b’mod regolari rapporti dwar il-progress tal-pajjiżi kandidati kollha. Fis-Summit ta’ Helsinki f’Diċembru 1999, il-mexxejja tal-gvernijiet iddeċidew li jibdew negozjati ta’ adeżjoni oħra mar-Rumanija, l-Islovakkja, l-Latvja, l-Litwanja, l-Bulgarija u Malta, u sabiex it-Turkija tiġi rikonoxxuta b’mod formali bħala pajjiż kandidat. Fl-aħħar, fis-Summit ta’ Copenhagen ta’ Diċembru 2002 ġie deċiż li jiġu konklużi n-negozjati ta’ adeżjoni ma’ Ċipru, r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, l-Islovakkja u l-Islovenja. In-negozjati mar-Rumanija u mal-Bulgarija kellhom jibqgħu sejrin bil-għan li dawn il-pajjiżi jitħejjew għall-adeżjoni fl-2007. Deċiżjoni dwar il-ftuħ tan-negozjati mat-Turkija ġew posposti għal Diċembru 2004.

L-iskrutinju tal-Parlament

Il-Parlament Ewropew segwa l-proċess tat-tkabbir mill-qrib. Fl-1998 ħatar Rapporteur għal kull pajjiż kandidat. Kull sena l-Membri tal-Parlament Ewropew (MPE) ħejjew rapport fuq il-bażi tar-rapporti dwar progress ippubblikati mill-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tagħhom stess. Huma żaru l-pajjiżi kandidati b’mod regolari, ħadu sehem f’missjonijiet ta’ tfittxija tal-fatti u tkellmu ma’ politiċi, organizzazzjonijiet mhux governattivi, trade unions u oħrajn. Mill-1999, ippreżentaw ir-rapporti tagħhom lill-Parlament kollu, darba fis-sena. Il-Parlament adotta dawn ir-riżoluzzjonijiet, li fihom faħħar fejn kien hemm bżonn u qajjem l-punti dgħajfin fejn kien jinħtieġ impenn addizzjonali. Kwistjonijiet importanti li ħarġu matul is-snin kienu l-protezzjoni ta’ gruppi ta’ minorità, bħalma huma r-Roma u l-omosesswali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni ta’ l-ambjent.

Ħafna mill-pajjiżi kandidati ħtieġu xi ftit ta' inkoraġġiment fir-rigward tas-sistemi politiċi jew ekonomiċi tagħhom. Iżda, b’mod regolari, il-Parlament għamel pressjoni fuq il-pajjiżi sabiex jieħdu azzjoni kull fejn kien hemm bżonn. B’hekk Malta kienet imħeġġa tapplika kif dovut, liġijiet Ewropej fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali u l-konservazzjoni tan-natura. Il-MPE urew it-tħassib tagħhom fuq l-opinjonijiet differenti dwar l-isħubija fl-UE li kellhom il-gvern Malti u l-oppożizzjoni, kwistjoni li ġiet deċiża darba għal dejjem mill-poplu ta’ Malta f’referendum. L-Islovenja ġiet imwissija sabiex tieħu passi sabiex tiżgura li s-suq intern Ewropew jaħdem kif dovut. Ċipru, minħabba li huwa maqsum f’żona li titkellem bil-Grieg u f’żona li titkellem bit-Tork, kien każ speċjali. Għalkemm il-Parlament dejjem saħaq li l-adeżjoni ta’ Ċipru ma għandhiex tkun dipendenti fuq soluzzjoni għall-qasma tal-gżira, għamel pressjoni kemm fuq il-komunità Ċiprijotta Griega kif ukoll fuq dik Ċiprijotta Torka u fuq il-gvernijiet tal-Greċja u tat-Turkija sabiex jintlaħaq ftehim.

Ir-repubbliċi Baltiċi ta’ l-Estonja, l-Latvja u l-Litwanja malajr issodisfaw l-istandards politiċi u ekonomiċi Ewropej iżda fit-tlett każijiet, il-Parlament ħeġġeġ għal miżuri aktar enerġetiċi kontra l-korruzzjoni. L-Estonja u l-Latvja spiss ġew imħeġġa jtejjbu l-integrazzjoni u l-protezzjoni tal-minoritajiet Russi tagħhom, xi ħaġa li l-Estonja, b’mod partikolari, għamlet minnufih. Madankollu, l-Estonja ħtieġet imbottatura fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali tagħha. Il-Litwanja ġiet imħeġġa telimina d-diskriminazzjoni kontra l-omosesswali u sabiex tieħu l-problema ta’ traffikar tan-nisa aktar bis-serjetà.

Ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Polonja ġew imħeġġa jiġġieldu t-turiżmu sesswali, il-prostituzzjoni tat-tfal u t-traffikar tan-nisa b’aktar serjetà. L-Ungerija u r-Repubblika Ċeka ġew imwissija wkoll sabiex jeliminaw id-diskriminazzjoni kontra r-Roma u sabiex jintroduċu programmi ta’ integrazzjoni għalihom. Żewġ kwistjonijiet oħra fir-rigward tar-Repubblika Ċeka kienu s-sigurtà ta' l-impjant nuklejari ta’ Temelin u n-nuqqas ta’ rieda biex jiġu rrevokati “d-digrieti ta’ Benes”, li lleġittimizzaw l-espulsjoni tal-minorità etnika Ġermaniża wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Gvern tar-Repubblika Ċeka għamel sforzi speċjali sabiex l-impjant nuklejari jissodsifa l-istandards tas-sigurtà Ewropej bil-għajnuna ta’ l-UE u għamel konċessjonijiet importanti sabiex itaffi d-digrieti ta’ Benes.

Tpoġġiet pressjoni fuq l-Ungerija sabiex ittejjeb il-protezzjoni ambjentali tagħha. Il-liġi extraterritorjali fuq minoritajiet Ungeriżi li jgħixu f’pajjiżi ġirien kienet ta’ importanza speċjali. Wara kritika mill-Parlament Ewropew, din il-liġi ġiet modifikata minn gvern sussegwenti.

Il-Polonja ġabet magħha problemi ekonomiċi importanti. Il-Parlament saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu privatizzati l-kumpaniji l-kbar tagħha li kienu propjetà ta’ l-Istat, speċjalment dawk fis-setturi ta’ l-azzar, l-enerġija, il-kimika, l-armamenti, iz-zokkor u d-distilleriji. Wera wkoll biċ-ċar il-ħtieġa għal bidla sħiħa fil-qasam tal-biedja, li tħaddem aktar minn 27% tal-popolazzjoni, meta li l-medja ta’ l-UE hija ta’ 5%. Kwistjoni diffiċli kienet iż-żona Russa mdawwra b’pajjiżi oħra ta’ Kaliningrad, iżda fin-negozjati mal-gvern Russu, ntlaħaq ftehim sodisfaċjenti li jippermetti liċ-ċittadini Russi jkollhom transitu faċli fuq it-territorju ta’ l-UE.

Fil-bidu, l-Islovakkja dehret li kienet f’pożizzjoni bagħtuta biex tissodisfa l-kriterji politiċi. Il-gvern ta’ dak iż-żmien tal-Prim Ministru Meciar kien meqjus li ma kienx qiegħed jagħmel biżżejjed riformi demokratiċi. Iżda wara l-elezzjonijiet ġenerali f’Settembru 1998, l-Islovakkja għamlet progress mgħaġġel f’dan ir-rigward. Il-punti ta’ dgħjufija li l-Parlament qajjem minn dak iż-żmien kellhom x’jaqsmu prinċipalment mat-trattament tal-minorità tar-Roma, is-sigurtà fl-impjanti nuklejari ta’ Bohunice u Mochovce, li issa sejrin jiġu magħluqa fl-2006 u fl-2008, u l-ħtieġa sabiex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Għaxar pajjiżi jirċievu l-approvazzjoni

L-aħħar fost ir-rapporti tal-Parlament dwar il-pajjiżi kandidati differenti ġew ippreżentati nhar id-9 ta’ April 2003. Il-Parlament b'ferħ kbir ikkonkluda li kienu saru sforzi kbar mill-pajjiżi kandidati kollha sabiex isolvu l-problemi li kienu tqajmu matul l-aħħar ftit snin u ddeċieda li jagħti l-approvazzjoni għall-adeżjoni lil kull wieħed mill-għaxar pajjiżi kandidati li miegħu ġew konklużi n-negozjati. Taħt l-Artikolu 49 tat-Trattat ta’ l-UE, l-adeżjoni ta’ kwalunkwe pajjiż ġdid teħtieġ il-kunsens tal-Parlament b’maġġoranza assoluta (iġifieri 314 minn 626 vot). Imbagħad, nhar l-14 ta’ April, il-Kunsill ta’ l-Affarijiet Ġenerali – il-Ministri ta' l-affarijiet barranin ta’ l-UE – approvaw b’mod unanimu Trattat ta’ Adeżjoni waħdieni. Ladarba l-Parlament u l-Kunsill taw l-approvazzjoni tagħhom, it-Trattat ta’ Adeżjoni wasal għar-ratifika fl-intier tiegħu mill-parlamenti tal-ħmistax l-Istat Membru eżistenti u l-għaxar pajjiżi applikanti. Il-pajjiżi l-ġodda kollha ħlief Ċipru għamlu referendum dwar l-isħubija fl-UE u dawn il-voti urew maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni favur l-isħubija.

Fondi biżżejjed għall-pajjiżi ta’ adeżjoni

Meta l-Parlament ta l-kunsens tiegħu għall-adeżjoni ta’ l-għaxar pajjiżi l-ġodda, u wara tilwima iebsa mal-Kunsill tal-Ministri żgura li jkun hemm flus biżżejjed għalihom fil-baġit ta’ l-UE. Il-kunflitt qam meta l-Kunsill iddeċieda, mingħajr ma saqsa għall-kunsens tal-Parlament, li jinkludi figuri fil-baġit li kienu restrittivi għall-għaxar pajjiżi ta’ adeżjoni fit-Trattat ta’ Adeżjoni nnifsu. Dan ġie meqjus mill-Parlament bħala ksur tas-setgħat tal-baġit tiegħu kif ukoll diskriminazzjoni bejn l-Istati Membri preżenti u dawk il-ġodda.

Ġimgħa qabel il-vot tad-9 ta’ April, intlaħaq ftehim dwar dikjarazzjoni mill-Kunsill li huwa kien sejjer jirrispetta d-drittijiet tal-baġit tal-Parlament, mhux biss fir-rigward tal-baġit għat-tlett snin li kienu ġejjin sa l-2006 iżda wkoll fir-rigward ta’ l-ippjanar ta’ baġit futur fuq perjodu ta’ żmien twil mill-2007 il-quddiem taħt il-Perspettiva Finanzjarja. Iżda, l-Parlament xtaq isaħħaħ is-setgħat baġitarji tiegħu minnufih u għalhekk żied il-baġit għall-politika interna sa l-2007, b’€600 miljun. Il-MPE qiesu li hemm bżonn ta’ din is-somma sabiex it-tkabbir jiġi ffinanzjat b’mod adekwat. Wara negozjati diffiċli, id-delegazzjoni tal-PE rnexxielha tikseb €540 miljun, iġġiefiri 90% ta’ kemm kienet talbet.

Il-Kunsill iddikjara wkoll b’mod formali li ma kienx sejjer ikun hemm ebda diskriminazzjoni kontra l-Istati Membri l-ġodda u li l-fondi meħtieġa għat-Turkija, li ġiet aċċettata bħala pajjiż kandidat, jiġu mill-baġit għall-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni milli mill-baġit tal-politika barranija, b’hekk ikun hemm aktar fondi disponibbli għal din ta’ l-aħħar.

Il-benefiċċji tat-tkabbir

Minkejja l-isforzi kollha meħtieġa, il-Parlament Ewropew dejjem kien jappoġġa t-tkabbir. Il-benefiċċji huma politiċi, ekonomiċi u kulturali. Il-firxa tal-paċi, stabbilità u l-prosperità fl-Ewropa sejra ssaħħaħ is-sigurtà tal-popli kollha tagħha. Iż-żieda ta’ aktar minn 100 miljun ruħ, f’ekonomiji li qegħdin jikbru malajr, fis-suq ta’ l-UE ta’ 370 miljun sejra tirrinforza t-tkabbir ekonomiku u toħloq ix-xogħol kemm fl-Istati Membri l-antiki kif ukoll f’dawk ġodda. Sejjer ikun hemm kwalità tal-ħajja aħjar għaċ-ċittadini madwar l-Ewropa kollha filwaqt li l-membri l-ġodda jadottaw politika ta’ l-UE għall-protezzjoni ambjentali u l-ġlieda kontra l-kriminalità, droga u immigrazzjoni illegali. Il-wasla ta’ membri ġodda ser issaħaħ l-UE permezz ta’ diversità kulturali ikbar u fehim aħjar ta’ popli oħra. It-tkabbir sejjer isaħħaħ ir-rwol ta’ l-Unjoni fi kwistjonijiet dinjija – f’politika barranija u f’politika dwar is-sigurtà, il-politika kummerċjali, u f’oqsma globali oħra.

Tabilħaqq, uħud mill-benefiċċji diġà qegħdin jidhru. Fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, feġġew demokraziji stabbli, b’istituzzjonijiet demokratiċi u b’aktar rispett għall-minoritajiet. Skond il-Kummissjoni Ewropea, ir-riformi ekonomiċi f’dawn il-pajjiżi wasslu għal rati għoljin ta’ tkabbir ekonomiku (ogħla mill-UE) u prospetti aħjar ta’ impjiegi. Dan il-proċess ġie megħjun u nkoraġġit bil-prospett ta’ sħubija u bl-għajnuna finanzjarja ta’ l-UE. B’riżultat ta’ dan, l-Unjoni tgawdi minn kummerċ dejjem jikber ma’ dawn il-pajjiżi (kummerċ ta’ surplus ta’ €17 biljun fl-2000), u dan jiġġenera xogħol u tkabbir fl-Istat Membri preżenti.



  
Relaturi:
  
>  Ir-Repubblika Ceka: Jürgen Schröder (EPP-ED, D)
>  L-Estonja: Michael Gahler (EPP-ED, D)
>  Cipru: Jacques Poos (PES, L)
>  Il-Latvja: Elisabeth Schroedter (Greens/EFA, D)
>  Il-Litwanja: Ioannis Souladakis (PES, GR)
>  L-Ungerija: Luís Queiró (UEN, P)
>  Malta: Ursula Stenzel (EPP-ED, A)
>  Il-Polonja: Jas Gawronski (EPP-ED, I)
>  L-Islovenja: Demetrio Volcic (PES, I)
>  L-Islovakkja: Jan Marinus Wiersma (PES, NL)
>  Il-Bulgarija: Geoffrey Van Orden (EPP-ED, UK)
>  Ir-Rumanija: Baroness Nicholson of Winterbourne (ELDR, UK)
>  It-Turkija: Arie Oostlander (EPP-ED, NL)
>   Summit ta’ Copenhagen (Gunju 1993)
>   Summit ta’ Helsinki (Dicembru 1999)
>   Summit ta’ Copenhagen (Dicembru 2002)
>   Trattat ta’ Adezjoni
>   Sit ta’ Tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea
  
Forom ta’ procedura :
  
>  Ir-Repubblika Ceka
>  L-Estonja
>  Cipru
>  Il-Latvja
>  Il-Litwanja
>  L-Ungerija
>  Malta
>  Il-Polonja
>  L-Islovenja
>  L-Islovakkja
>  Il-Bulgarija
>  Ir-Rumanija
>  It-Turkija
  
Atti finali pubblici fil-Gurnal Ufficjali :
  
>  Ir-Repubblika Ceka - test adottat mill-PE
>  L-Estonja - test adottat mill-PE
>  Cipru - test adottat mill-PE
>  Il-Latvja - test adottat mill-PE
>  Il-Litwanja - test adottat mill-PE
>  L-Ungerija - test adottat mill-PE
>  Malta - test adottat mill-PE
>  Il-Polonja - test adottat mill-PE
>  L-Islovenja - test adottat mill-PE
>  L-Islovakkja - test adottat mill-PE
>  Il-Bulgarija
>  Ir-Rumanija
>  It-Turkija - test adottat mill-PE

 

 

 
  Publishing deadline: 2 April 2004