Il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali
Din l-iskeda informattiva tispjega li fl-UE l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali hija bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, u li dan jinkludi miżuri għall-approssimizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri f’diversi oqsma. It-Trattat ta’ Liżbona pprovda bażi aktar b’saħħitha għall-iżvilupp ta’ spazju ta’ ġustizzja kriminali, filwaqt li stabbilixxa wkoll setgħat ġodda għall-Parlament Ewropew.
Il-bażi legali
- L-Artikoli 82 sa 86 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
- Il-Kummissjoni tikkondividi s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha mal-Istati Membri, dment li dawn jirrappreżentaw kwart tal-membri tal-Kunsill (l-Artikolu 76 tat-TFUE);
- il-Parlament jiġi sempliċement ikkonsultat dwar miżuri speċifiċi għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li mbagħad jiġu adottati b’mod unanimu mill-Kunsill. F’każ ta’ nuqqas ta’ unanimità fil-Kunsill, għadu possibbli li disa’ Stati Membri jew aktar jaħdmu flimkien abbażi ta’ kooperazzjoni msaħħa.
- id-direttiva dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (id-Direttiva 2010/64/UE tal-20 ta’ Ottubru 2010);
- id-direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (id-Direttiva 2012/13/UE tat-22 ta’ Mejju 2012);
- id-direttiva dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (id-Direttiva 2013/48/UE tat-22 ta’ Ottubru 2013);
- id-direttiva dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (id-Direttiva (UE) 2016/343 tad-9 ta’ Marzu 2016);
- id-direttiva dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-11 ta’ Mejju 2016);
- id-direttiva dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (id-Direttiva (UE) 2016/1919 tas-26 ta’ Ottubru 2016);
- ir-regolament dwar it-trasferiment tal-proċedimenti f’materji kriminali (ir-Regolament (UE) 2024/3011 tas-27 ta’ Novembru 2024).
- id-direttiva dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (id-Direttiva (UE) 2016/681 tas-27 ta’ April 2016);
- id-direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-15 ta’ Marzu 2017);
- ir-regolament dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online (ir-Regolament (UE) 2021/784 tad-29 ta’ April 2021);
- ir-regolament dwar l-iskambju ta’ informazzjoni diġitali f’każijiet ta’ terroriżmu, li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ir-Regolament (UE) 2023/2131 tal-4 ta’ Ottubru 2023).
- id-direttiva dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (id-Direttiva dwar iċ-Ċiberkriminalità) (id-Direttiva 2013/40/UE tat-12 ta’ Awwissu 2013);
- id-direttiva dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (id-Direttiva 2014/42/UE tat-3 ta’ April 2014);
- id-direttiva dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (id-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq) (id-Direttiva 2014/57/UE tas-16 ta’ April 2014);
- id-direttiva dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI (id-Direttiva 2014/62/UE tal-15 ta’ Mejju 2014);
- id-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-5 ta’ Lulju 2017);
- id-direttiva li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (id-Direttiva (UE) 2018/843 tat-30 ta’ Mejju 2018);
- id-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva (UE) 2018/1673 tat-23 ta’ Ottubru 2018);
- ir-regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ordnijiet ta’ konfiska (ir-Regolament (UE) 2018/1805 tal-14 ta’ Novembru 2018);
- id-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI (id-Direttiva (UE) 2019/713 tas-17 ta’ April 2019);
- id-direttiva dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi (id-Direttiva (UE) 2024/1260 tal-24 ta’ April 2024);
- ir-regolament dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ir-Regolament (EU) 2024/1624 tal-31 ta’ Mejju 2024);
- id-direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (id-Direttiva 2014/41/UE tat-3 ta’ April 2014);
- ir-regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) (ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-14 ta’ Novembru 2018);
- ir-regolament dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (ir-Regolament (UE) 2018/1862 tat-28 ta’ Novembru 2018);
- ir-regolament li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ir-Regolament (UE) 2019/816 tas-17 ta’ April 2019); dan ir-regolament huwa konness mad-direttiva dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dwar is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), li temenda d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI (id-Direttiva (UE) 2019/884 tas-17 ta’ April 2019);
- ir-regolament dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni (ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-20 ta’ Mejju 2019);
- id-direttiva dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI (id-Direttiva (UE) 2023/977 tal-10 ta’ Mejju 2023);
- ir-Regolament dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej u l-Ordnijiet ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ kustodja wara proċedimenti kriminali (ir-Regolament (UE) 2023/1543 tat-12 ta’ Lulju 2023);
- id-direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta’ stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-fini ta’ ġbir ta’ evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali (id-Direttiva (UE) 2023/1544 tat-12 ta’ Lulju 2023).
- id-direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ tali traffikar (id-Direttiva 2011/36/UE tal-5 ta’April 2011);
- id-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija (id-Direttiva 2011/93/UE tat-13 ta’ Diċembru 2011);
- id-direttiva dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni (id-Direttiva 2011/99/UE tat-13 ta’ Diċembru 2011);
- id-direttiva li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (id-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta’ Ottubru 2012);
- id-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (id-Direttiva (UE) 2024/1385 tal-14 ta’ Mejju 2024);
- id-direttiva li temenda d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (id-Direttiva (UE) 2024/1712 tat-13 ta’ Ġunju 2024).
L-objettivi
L-eliminazzjoni progressiva tal-kontrolli fil-fruntieri fi ħdan l-UE ffaċilitat konsiderevolment il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE, iżda għamlitha wkoll aktar faċli biex il-persuni kriminali joperaw fuq livell tranżnazzjonali. Sabiex tiġi indirizzata l-isfida tal-kriminalità tranżnazzjonali, l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jinvolvi miżuri li jippromwovu l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fost l-Istati Membri. Il-punt tat-tluq huwa l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Ġew adottati miżuri speċifiċi biex jiġu miġġielda l-kriminalità u t-terroriżmu tranżnazzjonali u biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-vittmi, tal-persuni suspettati u tal-priġunieri jiġu protetti fl-UE kollha.
Il-kisbiet
A. L-atti leġiżlattivi ewlenin tal-UE dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali
1. Il-proċeduri tal-adozzjoni
Skont it-TFUE, il-biċċa l-kbira tal-miżuri għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u huma soġġetti għal rieżami ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, anke jekk ma jiġux ikkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (l-Irlanda u d-Danimarka ma jipparteċipawx (ara l-Protokolli 21 u 22 annessi mat-TFUE) u r-rwol privileġġjat għall-parlamenti nazzjonali (ara l-Protokolli 1 u 2)), il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, flimkien mal-kooperazzjoni tal-pulizija, għadhom ma ġewx kompletament integrati fil-qafas tal-UE u żammu xi wħud mill-karatteristiċi oriġinali tagħhom minn qabel it-Trattat ta’ Liżbona:
2. L-atti leġiżlattivi ewlenin adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja
a. L-istandards minimi komuni għall-proċedimenti kriminali:
b. Il-ġlieda kontra t-terroriżmu:
c. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, iċ-ċiberkriminalità, il-frodi u l-ħasil tal-flus:
d. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE:
e. Il-protezzjoni tal-vittmi:
B. L-aġenziji għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u korpi relatati oħra
1. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust)
Il-Eurojust tistimula u ttejjeb il-koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, kif ukoll il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet fl-Istati Membri. B’mod partikolari, din tiffaċilita l-eżekuzzjoni ta’ talbiet ta’ għajnuna legali reċiproka internazzjonali u l-implimentazzjoni ta’ talbiet ta’ estradizzjoni. Il-Eurojust tappoġġja lill-awtoritajiet tal-Istati Membri bi kwalunkwe mod possibbli sabiex l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tagħhom relatati mal-kriminalità tranżnazzjonali jkunu aktar effettivi.
Il-Eurojust tista’ tgħin lil Stat Membru, fuq talba tiegħu, f’investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li jikkonċernaw l-Istat Membru inkwistjoni u Stat mhux Membru jekk il-Eurojust u l-Istat mhux Membru jkunu kkonkludew ftehim ta’ kooperazzjoni jew jekk ikun intwera interess essenzjali.
Il-Eurojust tkopri l-istess tipi ta’ delitti u reati li għalihom l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għandha kompetenza, bħalma huma t-terroriżmu, it-traffikar tad-droga, it-traffikar ta’ bnedmin, il-kontrafazzjoni, il-ħasil tal-flus, iċ-ċiberkriminalità, ir-reati kontra l-proprjetà jew il-beni pubbliċi, inklużi l-frodi u l-korruzzjoni, ir-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, ir-reati ambjentali u l-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali. Il-Eurojust tista’, fuq talba ta’ Stat Membru, tgħin ukoll f’investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ta’ tipi oħra ta’ reati.
Wara l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fi Frar 2022, skwadra ta’ investigazzjoni konġunta tal-UE appoġġjata mill-Eurojust (SIK) bdiet topera fl-Ukrajna minn Marzu 2022. Fl-14 ta’ April 2023, is-seba’ membri tas-SIK qablu li jinvestigaw mhux biss l-allegati delitti tal-gwerra, iżda wkoll id-delitti ta’ ġenoċidju mwettqa fl-Ukrajna. Iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna, ċentru ġudizzjarju inkorporat fil-Eurojust, jippermetti l-iskambju ta’ evidenza u strateġija komuni ta’ prosekuzzjoni. Il-Eurojust tospita wkoll Bażi ta’ Data ta’ Evidenza dwar Delitti Internazzjonali Ewlenin biex tappoġġja l-ħidma tas-SIK u investigazzjonijiet oħra dwar delitti internazzjonali. Fit-2 ta’ April 2024, il-Eurojust attendiet il-konferenza internazzjonali dwar “Ir-Restawr tal-Ġustizzja għall-Ukrajna” f’The Hague biex tevalwa l-progress li sar fl-investigazzjoni ta’ delitti, fil-prosekuzzjoni tat-trasgressuri u fil-koordinazzjoni tal-isforzi internazzjonali. Fit-2 ta’ Ottubru 2025, il-Eurojust ospitat laqgħa mal-Kunsill tal-Ewropa biex tippreżenta l-ħidma preparatorja mwettqa fl-ICPA dwar it-Tribunal Speċjali li jmiss għad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna.
F’Settembru 2024, il-Eurojust ospitat it-tnedija uffiċjali tan-Network Ġudizzjarju Ewropew dwar il-Kriminalità Organizzata (EJOCN), li jservi bħala ċentru ta’ għarfien espert speċjalizzat biex jappoġġja lill-awtoritajiet ġudizzjarji fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.
F’April 2022, il-Kummissjoni ppubblikat proposta biex tespandi l-mandat tal-Eurojust. Il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim dwar il-mandat rivedut ftit ġimgħat wara, li qed jippermetti lill-Eurojust tippreserva, tanalizza u taħżen evidenza ta’ delitti tal-gwerra, ta’ ġenoċidju u ta’ delitti kontra l-umanità u taqsamha mal-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri u mal-Qorti Kriminali Internazzjonali. Ir-Regolament dwar il-Eurojust il-ġdid ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fil-31 ta’ Mejju 2022 u daħal fis-seħħ l-għada.
Il-qafas legali preċedenti għall-Eurojust (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/426/ĠAI dwar it-tisħiħ tal-Eurojust tas-16 ta’ Diċembru 2008) daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ġunju 2009. Fit-12 ta’ Diċembru 2019, beda japplika r-Regolament (UE) 2018/1727. Il-bażi legali attwali tal-Eurojust hija r-Regolament (UE) 2022/838 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 fir-rigward tal-preservazzjoni, tal-analiżi u tal-ħżin fil-Eurojust ta’ evidenza relatata ma’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u reati kriminali relatati.
Kull sena, il-Eurojust tippubblika rapport annwali. Fil-15 ta’ Mejju 2025, il-Eurojust ippubblikat ir-rapport annwali 2024 tagħha. It-tmexxija tar-rispons ġudizzjarju tal-UE għall-gwerra fl-Ukrajna u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi mhux tal-UE kienu fil-qalba tal-ħidma tal-Eurojust fl-2024. F’Jannar 2025, il-Eurojust u l-Europol ippubblikaw rapport intitolat “Common challenges in cybercrime” (Sfidi komuni fiċ-ċiberkriminalità).
Il-Eurojust hija bbażata f’The Hague fin-Netherlands.
2. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)
Ir-regolament tal-Kunsill li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE (ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017) ilu fis-seħħ mill-20 ta’ Novembru 2017. Il-Parlament approva l-abbozz ta’ regolament tal-Kunsill fil-pożizzjoni tiegħu tal-5 ta’ Ottubru 2017.
L-UPPE huwa uffiċċju indipendenti inkarigat mill-investigazzjoni, mill-prosekuzzjoni u mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja għal delitti kontra l-baġit tal-UE, bħall-frodi, il-korruzzjoni jew il-frodi tranżnazzjonali tal-VAT b’valur ta’ aktar minn EUR 10 miljun. Il-lista ta’ delitti tista’ tiġi estiża fil-futur biex tinkludi, pereżempju, it-terroriżmu.
Fl-2019, il-Parlament u l-Kunsill ħatru, bi qbil komuni, l-ewwel Kap Prosekutur Ewropew, Laura Codruța Kövesi, għal mandat ta’ seba’ snin li ma jiġġeddidx.
S’issa, 24 Stat Membru ngħaqdu mal-UPPE u l-ftit Stati Membri li mhumiex parteċipanti jistgħu jipparteċipaw fi kwalunkwe mument. L-uffiċċju ċentrali tal-UPPE huwa bbażat fil-Lussemburgu, flimkien mal-uffiċċji tal-Kap Prosekutur u tal-Kulleġġ ta’ Prosekuturi mill-Istati Membri parteċipanti kollha. Huma jmexxu l-investigazzjonijiet kriminali attwali mwettqa mill-prosekuturi delegati.
L-UPPE beda l-operazzjonijiet tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 2021 u diġà qed iwettaq ħafna investigazzjonijiet. Qed tkompli wkoll il-ħidma f’għadd ta’ oqsma, inkluż l-adattament tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali għar-regolamenti tal-UPPE, il-ħatra tal-Prosekuturi Delegati Ewropej u r-reklutaġġ tal-persunal.
Fid-19 ta’ Marzu 2025, l-UPPE ppreżenta r-rapport annwali 2024 tiegħu f’laqgħa konġunta tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament. Fi tmiem l-2024, l-UPPE kellu total ta’ 2,666 investigazzjoni attiva (żieda ta’ 38% mis-sena preċedenti), bi ħsara stmata għall-baġit tal-UE ta’ EUR 24.8 biljun (22.5% aktar milli fl-2023). Aktar minn nofs il-ħsara stmata (EUR 13.15-il biljun) hija marbuta mal-frodi transfruntiera tal-VAT, bl-involviment kważi sistematiku tal-organizzazzjonijiet kriminali, li joħloq riskju kbir għas-sigurtà interna.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament żvolġa rwol ewlieni fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, billi għamel il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-korruzzjoni prijorità politika. Huwa qed jaħdem fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fuq bażi ugwali mal-Kunsill. Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tapplika għal kważi l-oqsma kollha tal-liġi kriminali tal-UE, bi ftit eċċezzjonijiet, inkluża, b’mod partikolari, il-proċedura ta’ approvazzjoni biex jiġi stabbilit l-UPPE.
L-istrument ewlieni biex tinkiseb kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fost l-Istati Membri huwa l-Eurojust. Waqt ir-riforma tal-Eurojust, il-Parlament ippromwova b’mod attiv skrutinju parlamentari akbar u regoli tal-protezzjoni tad-data mtejba.
Fl-1 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament organizza (permezz ta’ parteċipazzjoni remota minħabba l-COVID-19) l-ewwel laqgħa interparlamentari tal-kumitati (ICM) dwar l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Eurojust. Il-laqgħa kienet iddedikata għall-ewwel valutazzjoni tal-attivitajiet tal-Eurojust mill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 85 tat-TFUE u r-Regolament (UE) 2018/1727. It-tieni laqgħa interparlamentari tal-kumitati dwar l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Eurojust ġiet organizzata fl-1 ta’ Frar 2022, filwaqt li t-tielet waħda saret fit-30 ta’ Novembru 2022, u r-raba’ fis-7 ta’ Novembru 2023 fi Brussell. Il-ħames laqgħa interparlamentari tal-kumitati saret fit-2 ta’ Diċembru 2024 u s-sitt laqgħa interparlamentari tal-kumitati saret fl-20 ta’ Novembru 2025.
Fl-20 ta’ Jannar 2021, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tal-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (u approva wkoll rapport ta’ implimentazzjoni dwar id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002, adottata qabel it-Trattat ta’ Liżbona). F’din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament ivvaluta r-riżultati tal-proċedura ġudizzjarja ta’ konsenja tranżnazzjonali ssimplifikata li fl-2004 ssostitwiet il-proċeduri twal ta’ estradizzjoni tal-UE, abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.
Fis-6 ta’ Ottubru 2021, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali fil-liġi kriminali u l-użu tagħha mill-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji f’materji kriminali. Fit-13 ta’ Marzu 2024, il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta għal regolament dwar ir-regoli armonizzati dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (l-Att dwar l-IA adottat fit-13 ta’ Ġunju 2024).
Reċentement il-Parlament ħejja rapporti u riżoluzzjonijiet dwar il-kwistjonijiet li ġejjin: il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika; il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ tali traffikar; it-trasferiment ta’ proċedimenti kriminali; id-drittijiet tal-vittmi; il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; il-konfiska u l-irkupru tal-assi; id-diskors ta’ mibegħda online; id-detezzjoni u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal; iċ-ċiberkriminalità; id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja; il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi; it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni vjolenti; u software ta’ spjunaġġ intrużiv.
Fit-12 ta’ Marzu 2024, il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar direttiva ġdida mmirata lejn il-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE. F’Diċembru 2022, b’reazzjoni għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-Kummissjoni pproponiet din id-direttiva, adottata fl-24 ta’ April 2024. Din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi definizzjoni ta’ reati kriminali u pieni għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-UE, filwaqt li tikkriminalizza wkoll iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet.
Il-politiki għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali għadhom qed jiżviluppaw, u qed issir enfasi speċjali fuq ġlieda aktar effettiva kontra t-theddid u l-kriminalità madwar l-UE. Il-Parlament adotta miżuri speċifiċi biex jiġġieled it-terroriżmu, il-kriminalità tranżnazzjonali, il-korruzzjoni, il-frodi u l-ħasil tal-flus u biex jipproteġi d-drittijiet tal-vittmi, il-persuni suspettati u l-priġunieri madwar l-UE. Ġew adottati wkoll diversi miżuri maħsuba biex itejbu l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri.
It-tielet laqgħa plenarja tal-Forum ta’ Livell Għoli dwar il-futur tal-ġustizzja kriminali tal-UE saret fi Brussell fl-1 u fit-2 ta’ Ottubru 2025.
Il-Parlament se jeżamina u jivvota fuq il-proposti leġiżlattivi futuri dwar il-futur tal-Eurojust u dwar ir-regoli għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, kif imħabbar fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2026.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern.
Mariusz Maciejewski / Alessandro Davoli