Il-Parlament Ewropew
fl-azzjoni
Punti Prinċipali 1999-2004

 
Il-Parlament Ewropew
Riforma ta’ l-UE
Tkabbir
Id-drittijiet taċ-ċittadini
Iċ-ċittadinanza Ewropea
Il-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali
Id-Drittijiet Fundamentali
L-aċċess pubbliku
għal dokumenti
L-edukazzjoni
u l-mobilità taż-żagħżagħ
Il-Ġustizzja
u l-affarijiet ta’ l-intern
Relazzjonijiet barranin
Protezzjoni Ambjentali /
tal-Konsumatur
Trasport / Politika Reġjonali
Agrikoltura / Sajd
Il-politika ekonomika
u monetarja
Il-Politika ta’ l-Impjiegi
u Soċjali / Drittijiet tan-nisa
Suq intern / Industrija / Enerġija / Riċerka
 

EPP-ED PSE Group ELDR GUE/NGL The Greens| European Free Alliance UEN EDD/PDE


Inqumu għad-drittijiet fundamentali

L-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq id-drittijiet umani, il-libertajiet ċivili u r-regola tal-liġi, iżda il-ksur ta’ dawn id-drittijiet jiġi rapportat b’mod regolari madwar l-Ewropa. Il-Membri tal-Parlament Ewropew jaraw din il-ħaġa bħala d-dover tagħhom, bħala rappreżentanti eletti tal-poplu, li jiżguraw li kull nuqqas fil-libertajiet ċivili mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE jew mill-Istati Membri ma jgħaddihiex lixxa. Arma ewlenija fl-armerija tagħhom hija r-reviżjoni annwali mill-Parlament tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea.

Għalkemm il-ksur tad-drittijiet umani huma ġeneralment meqjusa bħala problema ta’ pajjiżi li mhumiex demokratiċi, il-kompjaċenza hija inqas komuni llum fl-Ewropa, fid-dawl ta’ l-abbużi u l-imwiet taħt il-kustodja tal-pulizija, vjolenza kontra nisa u tfal u trattament ħażin fuq persuni li jfittxu l-asil u immigranti. L-UE issa qegħda tibda tħares lejn dawn is-suġġetti u lejn ħafna oħrajn, li qabel kienu jieħdu ħsiebhom il-gvernijiet nazzjonali, hija nnifisha.

Progress gradwali fuq id-drittijiet bażiċi

It-Trattat oriġinali tal-KE ta’ l-1957 ma kien fih l-ebda dispożizzjoni għad-drittijiet fundamentali, dan kien jitħalla f’idejn il-Qorti tad-Drittijiet Umani ta’ l-Ewropa fi Strasbourg, korp li huwa kompletament separat mill-Komunità Ewropea. Iżda, matul is-snin, inħarġu dikjarazzjonijiet suċċessivi fuq id-drittijiet bażiċi mill-Komunità Ewropea. Barra minn hekk, il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-KE fil-Lussemburgu gradwalment stabbilixxa standards għall-protezzjoni tad-drittijiet umani.

Il-klima nbidlet b’mod sinnifikanti bit-Trattat ta’ Amsterdam fl-1999, li witta’ it-triq għal-leġislazzjoni biex tiġġieled id-diskriminazzjoni ta’ ċerti tipi, per eżempju fuq bażi ta’ sess, razza, reliġjon jew twemmin, disabilità, età jew orjentazzjoni sesswali.

Iċ-Charter ta’ l-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali, iddikjarat fl-2000, stabbilixxa b’mod ċar, għall-ewwel darba, firxa komprensiva ta’ drittijiet bażiċi għaċ-ċittadini ta’ l-UE. Iċ-Charter ġie mehmuż mat-Trattat ta’ Nizza bħala anness mingħajr ebda forza legali li torbot iżda l-Parlament Ewropew ilu jinsisti sabiex dan jiġi inkorporat fil-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-UE, li tagħtih il-forza kollha tal-liġi. Sa mill-1999 il-Kunsill tal-Ministri fassal rapport annwali dwar id-drittijiet umani kemm fl-UE kif ukoll barra mill-UE.

Ħarsa lejn l-Istati Membri

Għalkemm il-Parlament ma għandu l-ebda poteri leġiżlattivi fuq id-drittijiet umani u l-libertajiet ċivili fl-Ewropa, bħala forum demokratiku jista’ juża’ l-poter tal-persważjoni, il-forza morali u n-naħa s-sabiħa tal-pubbliċità biex isir progress f’dal-qasam. Il-MPE ta’ spiss jadottaw riżoluzzjonijiet fuq kwistjonijiet tad-drittijiet umani u matul dawn l-aħħar għaxar snin adottaw rapport annwali fuq il-libertajiet fundamentali fl-UE. Minbarra li jirriflettu l-ħsibijiet tal-MPE, dawn ir-rapporti jistgħu jirrispondu wkoll għar-rapport tal-Kunsill fuq id-drittijiet umani u issa jqisu ċ-Charter bħala punt ta’ referenza.

Ir-rapporti annwali tal-Parlament jipprovdu opportunità biex tiġi eżaminata s-sitwazzjoni ġenerali li għandha x’taqsam mad-drittijiet umani u mal-libertajiet ċivili fl-UE, li jinkudu analiżi tal-leġislazzjoni kurrenti u liema politika tista’ tiġi ntrodotta fil-futur fuq livell Ewropew. Dawn ukoll jgħinu lill-MPE biex jikkritikaw, u jfaħħru okkażjonalment, lill-Istati Membri b’mod individwali.

L-ebda pajjiż ma ħarab iċ-ċensura għal kollox. Fl-1999, il-Parlament innota li ħdax mill-ħmistax-il Stat Membru ġew akkużati mill-Amnesty International b’abbużi serji u inqas serji fuq id-drittijiet umani. Fost il-kwistjonijiet li sar enfażi fuqhom f’dawn l-aħħar ħames snin, il-Greċja ġiet imwissija severament għat-trattatment inġust ta’ persuni li oġġezzjonaw b’mod serju għas-servizz militari. L-Italja ġiet imwissija għan-numru ta’ każijiet fil-qrati li ma ġewx mismugħa fi żmien raġjonevoli. Sar emfażi dwar l-iffullar fil-ħabsijiet fir-Renju Unit, fil-Portugall, fil-Belġju, fl-Italja u fi Franza. Il-Ġermanja, id-Danimarka, Franza, l-Italja u l-Irlanda kienu mġiegħla jagħtu d-dritt ta’ strajk lill-ħaddiema taċ-ċivil. Min-naħa l-oħra l-għarfien tad-drittijiet tat-transesswali fil-Finlandja u l-istituzzjoni ta’ żwiġijiet omosesswali fil-Belġju kienu magħżula biex jiġu mfaħħra, kif seħħ ukoll għall-kampanji ta’ diversi pajjiżi biex jiġġieldu stereotipi kontra l-Islam u kontra l-Lhud wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001.

Jitkellem għal min hu dgħajjef u vulnerabbli

Minbarra li jiffoka fuq l-iżbalji ta’ l-Istati Membri individwali, il-Parlament jisħaq fuq li jsejjaħ għal politika fuq livell ta’ l-UE fejn din tkun tidher li tista’ toffri l-aħjar soluzzjoni. Madwar nofs miljun mara mill-Ewropa ċentrali u tal-Lvant huma miġjuba fl-UE u mibjugħin għall-prostituzzjoni kull sena. Il-MPE qed isejħu għall-politika Ewropea kontra t-traffikar tal-persuni umani, billi jirrakkomandaw li jingħata permess ta’ residenza għal żmien qasir lill-vittmi tat-traffikar li jikkooperaw ma’ l-awtoritajiet.

It-trattament tar-refuġjati u l-immiganti kienet kwistjoni oħra għall-Parlament u ta’ spiss talab għal politika komuni ta’ l-UE dwar l-asil. Il-MPE ikkundannaw ukoll kull forma ta’ diskriminazzjoni, inklużi dawk kontra l-omosesswali u l-minoritajiet etniċi, speċjalment ir-Roma. U ta’ spiss tkellmu għad-drittijiet tat-tfal, l-anzjani u l-persuni b’disabilità.

Kwistjoni oħra kienet il-libertà ta’ l-espressjoni u informazzjoni minħabba l-konċentrazzjoni dejjem tikber fl-industrija tal-media. Il-MPE sejħu għal ‘Suq tal-Media Ewropew’, b’regoli ta’ l-UE dwar l-industrija tal-media, biex jiġġieldu l-inkonsistenza li qegħda tikber fir-regoli nazzjonali u biex tipproteġi l-libertà ta’ l-informazzjoni.

AWara l-11 ta’ Settembru 2001, il-MPE ikkundannaw mingħajr ebda riservi it-terroriżmu imma argumentaw li miżuri biex jipprevenuh u jikkastigawh għandhom josservaw ir-regola tal-liġi. Huma wkoll ippruvaw iħarsu l-privatezza ta’ l-informazzjoni privata minkejja li l-USA riedet li tingħatala informazzjoni fuq il-passiġġieri ta’ l-ajru.

Fl-aħħar, fuq inizjattiva tal-Parlament, ġie imwaqqaf grupp ta’ esperti indipendenti dwar id-drittijiet fundamentali, mill-Kummissjoni f’Settembru ta’ l-2002 u kien mitlub jipprepara rapport annwali fuq l-implimentazzjoni taċ-Charter fl-Istati Membri.



  
Relaturi:
  
>  Rapport annwali, Gunju 1998 sa Gunju 1999: Bertel Haarder (ELDR, DK) – ma ghadux Membru tal-Parlament Ewropew
>  Rapport annwali ghas-sena 2000: Thierry Cornillet (EPP-ED, F)
>  Rapport annwali ghas-sena 2001: Joke Swiebel (PES, NL)
>  Rapport annwali ghas-sena 2002: Fodé Sylla (EUL-NGL, F)
  
Atti finali pubblici fil-Gurnal Ufficjali :
  
>  Rapport annwali, Gunju 1998 sa Gunju 1999 - test adottat mill-PE
>  Rapport annwali ghas-sena 2000 - test adottat mill-PE
>  Rapport annwali ghas-sena 2001 - test adottat mill-PE
>  Rapport annwali ghas-sena 2002 - test adottat mill-PE

 

 

 
  Publishing deadline: 2 April 2004