| It-trasparenza u l-aċċess faċli għal informazzjoni miżmuma minn awtoritajiet pubbliċi jinsabu fil-qalba ta' kull demokrazija. Mingħajr dan, il-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jistgħux jinżammu responsabbli. It-Trattat ta' Amsterdam għalhekk stabbilixxa fl-1999, li kull ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkollu "dritt għall-aċċess" għad-dokumenti ta' l-UE. Madankollu, il-Parlament Ewropew kellu jagħmel minn kollox sabiex dan il-prinċipju jiġi maqlub għal liġi.
Meta f'Jannar 2000 l-MPE raw l-abbozz tal-liġi dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti ta' l-UE li kienet proposta mill-Kummissjoni kienu ddiżappuntati ħafna. Sa dak inhar it-tlett istituzzjonijiet involuti - il-Parlament, il-Kunsill tal-Ministri u l-Kummissjoni - kellhom sistemi volontarji mwaqqfa sabiex jipprovdu informazzjoni għall-pubbliku u l-liġi l-ġdida fil-fatt dehret qisha pass lura.
Wisq eżenzjonijiet
Il-Parlament iddeċieda illi n-numru ta' eżenzjonijiet proposti mill-Kummissjoni, jiġifieri, każijiet fejn id-dokumenti setgħu jinżammu mill-pubbliku, kellhom jiġu mnaqqsa b'mod sinifikanti. Kien l-aktar kontra eżenzjonijiet fuq il-bażi li "t-tħaddim effettiv ta' l-istituzzjonijiet" jista' jiddgħajjef u wkoll li tkun eżentata firxa wisgħa ta' dokumenti interni. Il-MPE fehmu għalfejn il-Kummissjoni ma xtaqitx li tagħmel pubblika kull ideja - brillanti jew banali - li uffiċjal seta' jikteb fuq karta jew e-mail fil-proċess tat-twaqqif tal-politika. Għahekk qablu li l-Kummissjoni kellha jkollha xi "spazju fejn taħseb" - kif beda jiġi msejjaħ dan il-prinċipju - imma rrifjutaw l-ideja ta' lista ġenerali li kienet sejra tiġġustifika illi kważi kull dokument jibqa' mistur.
F'Novembru 2000, il-Parlament emenda b'mod sostanzjali l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. Il-pass li jmiss kien illi l-leġislazzjoni tmur quddiem il-gvernijiet ta' l-UE, mlaqqgħin fil-Kunsill tal-Ministri. Numru ta' Stati Membri kienu anzjużi ħafna illi jżommu grad għoli ta' segretezza dwar il-politika barranija u kwestjonijiet ġuridiċi. Iżda l-gvernijiet kienu maqsuma. Ftit ma kellhomx leġislazzjoni nazzjonali tagħhom dwar l-informazzjoni pubblika filwaqt li oħrajn kellhom tradizzjoni twila ta' trasparenza u għarfien. Fl-aħħar il-Parlament irnexxielu juża dan il-qsim sabiex iwessa' il-firxa ta' dokumenti li kellhom isiru pubbliċi.
Ħila fin-negozzjar
Bl-għarfien illi l-gvernijiet kellhom opinjonijiet differenti, il-Parlament għolla l-pożizzjoni tan-negozzjar tiegħu b'tali mod li jġib biżżejjed Stati Membri fuq in-naħa tiegħu fil-Kunsill. Fil-proċess il-Parlament ħadem mill-qrib mal-gvern Svediż li kien il-president tal-Kunsill ta' l-UE għall-ewwel sitt xhur ta' l-2001 u li għamel pressjoni qawwija fuq il-gvernijiet l-oħrajn sabiex jaslu għal qbil. Wara li l-Parlament kien iżżgura qbil mal-Kunsill, il-Kummissjoni fl-aħħar qablet mat-test.
U għalhekk, f'Mejju ta' l-2001, ir-regolament dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea ġie iffirmat bħala liġi. Dan ifisser illi kwalunkwe membru tal-pubbliku jista' issa jfittex fuq l-internet sabiex jara x'dokumenti hemm disponibbli minn dawn it-tlett istituzzjonijiet. Bis-saħħa tal-Parlament dan ir-regolament sejjer japplika wkoll għal aġenziji ta' l-UE bħall-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent, Iċ-Ċentru ta' Kontroll tad-Drogi u tad-Dipendenza fuq id-Drogi u l-Aġenzija għall-Evalwazzjoni tal-Prodotti Mediċinali. Id-definizzjoni ta' "dokumenti" ma tinkludix biss dawk id-dokumenti maħruġa minn dawn l-istituzzjonijiet iżda wkoll dawk li jirċievu minn partijiet terzi. U jistgħu ikunu testi fuq karti, informazzjoni elettronika jew vidjo rrekordjat. Anke dokumenti kklassifikati jistgħu jiġu mniżżla - bil-kunsens ta' "l-oriġinatur”.
Bażi għal rifjut
Dokumenti jistgħu jiġu mitluba mill-internet jew permezz ta' ittra u għandha tingħata tweġiba fi żmien 15-il ġurnata tax-xogħol. Jekk l-aċċess għad-dokument jiġi rifjutat, iridu jingħataw ir-raġunijiet. Applikant jista' jitlob li r-rifjut jerġa' jiġi kkunsidrat. Jekk it-talba tibqa' ma tintlaqax, l-applikant jista' mbagħad jitla' l-qorti jew idaħħal ilment ma' l-Ombudsman Ewropew.
L-aċċess għall-informazzjoni jista' jiġi rrifjutat biss jekk il-wiri tiegħu jista' jtellef l-interess pubbliku fl-oqsma tas-sigurtà pubblika, kwestjonijiet ta' difiża u militar, relazzjonijiet internazzjonali jew il-politika monetarja u ekonomika ta' l-UE jew Stat Membru jew jekk tikser id-dritt għall-privatezza. Barra minn hekk, jekk il-wiri ta' l-infomazzjoni jista' jnaqqas l-interessi kummerċjali ta' individwu jew kumpanija, jew itellef xi proċedimenti w investigazzjonijiet jew verifiki tal-qorti, dan jista' jikkostitwixxi raġuni għar-rifjut ta' l-aċċess sakemm il-wiri ma jilħaqx interess pubbliku aktar importanti.
Fl-ewwel sena minn mindu l-liġi l-ġdida daħlet fis-seħħ, in-numru ta' l-applikazzjonijiet żdied b'aktar mid-doppju.
|