Id-diossina fit-tiġieġ, ormoni fiċ-ċanga, BSE, il-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer – ruxxmata ta’ biżgħat dwar l-ikel f'dawn l-aħħar snin għamlet l-iġjene u s-sigurtà fl-ikel kwistjoni ta' importanza primarja għall-konsumaturi fl-Ewropa. Dawn il-biżgħat ma jieqfu fl-ebda fruntiera, għalhekk il-pressjoni mill-pubbliku żdiedet għal miżuri f’livell Ewropew biex jilqawlhom mill-ewwel u sabiex jogħlew l-istandards ġenerali dwar l-ittikkettjar u l-ispezzjonijiet. L-UE irrispondiet b'serje ta’ leġislazzjoniet dwar is-sigurtà fl-ikel. Il-MPE appoġġjaw bi sħiħ bosta minn dawn il-miżuri, bħall-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ l-ormoni fit-trobbija ta’ l-annimali, waqt li ssaħħu miżuri oħra, speċjalment ir-regoli dwar l-użu ta' l-addittivi fl-ikel u t-tikketti fuq il-prodotti tal-laħam.
L-ikel li nieklu hu inqas espost għal ċerti riskji milli kien fil-passat, minħabba l-pasturizzazzjoni u standards ogħla ta’ iġjene. Iżda metodi intensivi ta’ biedja fihom riskji għas-saħħa. Barra minn hekk, in-numru ta’ nies li jsofru minn allerġiji għal xi ikel qiegħed dejjem jiżdied. F’dan l-isfond, l-UE bdiet kampanja kbira biex tgħolli l-istandards tas-saħħa u ta' l-iġjene matul l-istajdi kollha tal-produzzjoni. Fil-fatt, waħda mill-aktar prijoritajiet importanti tal-politika tal-Kummissjoni Ewropea magħżula kmieni f'din il-leġislatura kien propju s-sigurta' ta' l-ikel. Il-MPE kienu nvoluti sew fil-bosta leġislazzjonijiet li rriżultaw, minħabba li liġijiet ta’ l-UE dwar is-sigurta' ta' l-ikel ma jistgħux jiġu adottati mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament, dan skond il-proċedura ta’ deċiżjoni konġunta.
Sensiela ta’ inkwiet - mill-mad cow disease għall-antibiotiċi u ormoni
Wara li fid-disgħinijiet tferxet b'mod mgħaġġel ħafna il-bovine spongiform encephalopathy (BSE), magħrufa wkoll bħala l-marda tal-mad cow, kien skopert li xi ngħaġ kienu ġew nfettati billi kienu mitmugħa ikel ikkontaminat bil-BSE. Dan ġiegħel lill-Kummissjoni tipproponi kontrolli akbar fuq it-transmissible spongiform encephalopathies (TSEs) ta’ kull tip fl-annimali u fuq l-prodotti ta’ l-animali kollha. Il-Parlament inkluda l-kundizzjoni li jsiru testijiet dijanjostiki rapidi f’kull każ suspettuż ta’ TSE f'din il-leġislazzjoni. Hu ta l-appoġġ tiegħu ukoll għall-projbizzjoni sħiħa fuq għalf ta' l-annimali kompost minn laħam u għadam (magħmula mill-fdalijiet tal-karkassi ta’ annimali). Din il-leġislazzjoni ilha fis-seħħ fil-Membri Stati kollha minn Lulju 2001.
Problema oħra hi l-antibijotiċi, li huma wżati fit-trobbija intensiva ta’ l-annimali - parti għall-kontroll tal-mard, li hu perfettament legali, imma parti minnhom biex isostnu t-tkabbir ta' l-annimali, li hu illegali. Barra minn hekk, l-użu tant mifrux tagħhom fil-mediċina umana u fil-biedja qed iwassal għal ħolqien ta’ "super-bugs" reżistenti ħafna. Għaldaqstant fl-2001, l-MPE taw l-appoġġ tagħhom għal linji ta’ gwidi ġodda ta’ l-UE fuq l-użu ta’ aġenti antimikrobi fil-mediċina umana, għalkemm huma xtaqu jinkludu wkoll il-mediċina veterinarja u s-saħħa tal-pjanti.
Il-preżenza ta’ ormoni u sustanzi simili fil-laħam ukoll tqanqal l-ansjetà fil-pubbliku. Dawn il-prodotti huma prinċipalment użati biex isemmnu l-annimali tar-razzett imma jistgħu wkoll jidħlu fl-ikel, fejn joħolqu riskji partikolari għal tfal fl-età ta’ qabel il-pubertà billi joħolqu effetti ta’ żvilupp, immunoloġija u newroloġija. Minħabba li l-Ewropa timporta ħafna prodotti ta' l-ikel, kull projbizzjoni fuq dawn is-sustanzi trid tkun konformi mar-regoli tal-kummerċ dinji. Minħabba dan, fl-2000, l-UE kellha terġa teżamina l-leġislazzjoni tagħha dwar din il-kwistjoni. Il-Kummissjoni pproponiet li żżomm il-projbizzjoni fuq l-użu ta’ ħafna mis-sustanzi li jintuzaw fit-trobbija ta’ l-annimali sakemm ikun hemm aktar informazzjoni xjentifika ċara. Il-Parlament appoġġja bil-qawwa din il-pożizzjoni u b’suċċess ħeġġeġ iktar restrizzjonijiet, anki akbar fuq l-użu ta’ sustanza partikolari, l-oestradiol 17 beta, minħabba li hi karċinoġena.
Allerġiji mill-ikel – problema li qed tikber
L-allerġiji mill-ikel jaffettwaw madwar 8% tat-tfal u 3% ta’ l-adulti, u n-numru qiegħed dejjem jiżdied. Dawn jistgħu jikkawżaw kundizzjonijiet li jvarjaw minn allerġiji ħfief għal dawk fatali. L-aktar prodotti li jikkawżaw allerġiji komuni jinkludu l-ħalib tal-baqar, frott, karawett, soja, fażola, bajd, ħut, qamħ u ċerejali oħra. Jekk it-tikketti fuq il-prodotti ta’ l-ikel ma jelenkawx l-ingridjenti u s-sustanzi miżjuda kollha, dawk li jsofru mill-allerġiji ma jkollhom l-ebda mod kif ikunu jistgħu jsiru jafu jekk l-ikel hux perikoluż għalihom jew le. Ingredjenti komposti jistgħu jkunu problema partikolari jekk ma jkunx hemm deskrizzjoni kompluta tal-komponenti tagħhom. F’Lulju 2003, il-Parlament approva aġġornament tal-leġislazzjoni ta’ l-UE dwar it-tikketti fuq l-ikel bl-għan li l-komponenti ta’ ingridjenti komposti jkunu mniżżla b'mod aktar ċar fuq it-tikketti. Wara pressjoni mill-MPE, l-informazzjoni li għandha tidher fuq it-tikketti ta’ l-ikel se tkun aktar kompluta: eżenzjonijiet mill-ħtieġa li jitniżżlu fuq it-tikketti se jingħataw biss jekk dak l-ingredjent jifforma inqas minn 2% tal-prodott final, u l-karfusa u l-mustarda ġew miżjuda mas-sutanzi allerġiċi li għandhom jitniżżlu fuq it-tikketti.
Spezzjonijiet u tikketti aktar retti
Spezzjonijiet u tikketti aktar retti huma kruċjali biex tiġi assigurata s-sigurtà fl-ikel. Il-kwistjoni ta' ‘traċċabilità’ ġiet indirizzata u ġew introdotti regoli aktar stretti dwar it-tikketti għaċ-ċanga. Dawn gew introdotti permezz ta’ liġi ta’ l-UE li ħolqot sistema ta’ identifikazzjoni tal-baqar maqtula minn Settembru tas-sena 2000 'l hawn. It-tikketti għandhom issa jagħmluha possibli għall-konsumatur sabiex ikun jaf mil-liema annimal u biċċerija ġie l-laħam. Il-MPE żguraw li l-post tat-twelid u t-trobbija ta’ l-annimal jiġi wkoll indikat b’mod ċar fuq it-tikketta u li r-regoli dwar it-tikkettjar għaċ-ċanga kkappuljata jkunu aktar retti minn kif kienu pproponuti fil-bidu.
F'Marzu 2004, il-Parlament addotta Regolament dwar is-sigurta fl-ikel, tikketti u spezzjonijiet ta’ ikel u għalf għall-annimali, inklużi dawk impurtati minn pajjiżi barra mill-UE. Fuq pressjoni mill-MPE, l-ispetturi tas-saħħa se jitħallew jagħmlu kontrolli mingħajr avviż minn qabel; waqt l-ispezzjonijiet huma se jkollhom ukoll jikunsidraw is-saħħa ta’ l-annimali; il-gvernijiet iridu jintroduċu pieni kriminali effettivi u preventivi kontra min jikser il-liġi. Fir-rigward tal-kunfidenzjalità tar-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet ta’ l-ikel, il-Parlament iffavorixxa trasparenza akbar sabiex il-pubbliku jkollu aċċess aktar malajr għall-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet. Din il-leġislazzjoni għandha tidħol fis-seħħ f'Jannar 2006.
Fl-istess xahar, il-Parliament ta l-verdett tiegħu fuq pakkett leġislattiv li jaġġorna regoli tekniċi ta’ l-UE fuq l-iġjene ta’ l-ikel u l-ispezzjonijiet tas-saħħa dwar is-sigurta' fl-ikel. L-għan hu li jissaħħu r-regoli – partikolarment dwar il-laħam – u jsiru aktar ibbażati fuq ix-xjenza u r-riskju. Il-MPE laqggħu bil-ħeġġa l-leġislazzjoni imma qed jaħdmu sabiex negozji żgħar ikollhom aktar flessibiltà f'dak li għandu x'jaqsam mal-ispezzjonijiet. Mill-banda l-oħra, huma jemmnu li l-impjegati tal-biċċeriji għandhom jagħmlu spezzjonijiet huma stess fuq żewġ kategoriji biss ta’ laħam: tiġieġ u fniek. Probabilment, il-Parlament se jkollu jinnegozja fuq dawn iż-żewġ punti mal-Kunsill u l-Kummissjoni qabel ma l-leġislazzjoni tkun tista' tiġi ffinalizzata.
L-Awtorità Ewropea għas-Sigurta' fl-Ikel
Minn issa ’l quddiem, l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), li twaqqfet fl-2003, ser tkun il-bażi fundamentali tal-politika tal-UE. Ix-xogħol ta’ din l-awtorità hu li tipprovdi pariri indipendenti xjentifiċi u tekniċi sabiex issaħħaħ il-politika u l-leġislazzjoni ta’ l-UE dwar is-sigurtà fl-ikel, li toħroġ avviżi minn qabel dwar riskji fl-ikel u li żżomm lill-pubbliku infurmat dwar kwistjonijiet ta’ sigurta fl-ikel. Il-Parlament minn dejjem sostna t-twaqqif ta' din l-Awtorità u kien hu li ried iżid il-kelma "Sigurtà" fl-isem tagħha, biex b'hekk jenfasiżża dan l'aspett tax-xogħol tagħha bħala Awtorità. Il-Parlament ried jiżgura wkoll li 4 mill-14 'il membru fuq il-Bord tat-tmexxija jkollhom esperjenza fil-qasam tal-konsumatur u s-settur ta' l-ikel. F'Diċembru 2003 kien deċiz li l'Awtorità ġġorr mill-bażi temporanja fi Brussel għas-sede permanenti tagħha f'Parma, l-Italja.
N.B. F'din is-serje ta' noti wieħed jista jsib aktar informazzjoni dwar il-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer kif ukoll dwar l-organiżmi genetikament mmodifikati. Dan is-suġġett ta' l-aħħar hu ttrattat fin-nota tal-Kumitati Temporanji tal-Parlament Ewropew.
|