It-trapjanti ta’ ċelloli u tessuti umani huwa qasam tal-mediċina li qed jespandi b’mod mgħaġġel. Iżda, ir-riskji ta’ infezzjoni huma akbar minn dawk tat-trasfużjoni tad-demm. Minħabba li ċ-ċelloli u t-tessuti huma ttrasportati minn naħa għal oħra tal-fruntieri, il-leġislazzjoni ta’ l-UE fuq l-istandards ta’ kwalità u sigurtà kienet imressqa fl-2002. Il-Parlament Ewropew saħħaħ il-leġislazzjoni biex jipprova jiggarantixxi li donaturi potenzjali u kif ukoll l-istabbilimenti li jiġbru t-tessuti u ċ-ċelloli mhumiex influwenzati mill-motiv ta’ qligħ.
Iż-żjieda fit-trapjanti ta’ ċelloli u tessuti hija milqugħa fit-termini li tipprovdi trattamenti ġodda. Hija toffri opportunitajiet kbar għall-pazjenti li jsofru minn mard li s’issa għadu ma jitfejjaqx u potenzjal kbir għall-iżvilupp ekonomiku. Iżda, għandha tingħata attenzjoni biex tiggarantixxi li l-istandards ta’ kwalità u sigurtà huma osservati. Ħafna nies jiftakru l-iskandlu ta’ prodotti tad-demm ikkontaminati bl-HIV. Ir-riskju ta’ infezzjoni miċ-ċelloli u t-tessuti huwa akbar, meta wieħed jikkunsidra in-novità tal-proċess u n-nuqqas ġenerali ta’ proċeduri li jeqirdu l-organiżmi li jikkawżaw l-mard. Kien hemm imwiet li setgħu ġew evitati billi jiġu osservati standards aktar stretti. Minħabba li ħafna ċelloli u tessuti għat-trapjanti huma mibgħuta min-naħa għal oħra tal-fruntieri – 25 fil-mija tat-trapjanti tal-kornea fi Franza huma impurtati, per eżempju – hemm bżonn ta’ ħarsa Ewropea. Dan għandu jagħti liċ-ċittadini ta’ l-UE kunfidenza fi trapjanti impurtati minn Stati Membri oħra.
L-abbozz tad-direttiva tal-Kummissjoni Ewropea tgħid li l-attivitajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ipproċessar, il-konservazzjoni, il-ħażna u d-distribuzzjoni ta’ tessuti u ċelloli umani għat-trapjanti fl-umani, għandhom fil-futur jiġu magħmula biss minn stabbilimenti awtorizzati mill-awtoritajiet relevanti, u li dawn l-awtoritajiet għandhom jagħmlu spezzjonijiet regolari. Il-kap u l-istaff ta’ l-istabbiliment għandhom ikunu kkwalifikati kif suppost. Għandu jkun hemm sistema biex terġa’ ssib ċelloli u donaturi f’każ ta’ xi inċident u xi avvenimenti li ma kienux previsti għandhom jiġu rrapurtati. Għandhom isiru testijiet biex jipproteġu kontra mard infettiv, bħal HIV/AIDS. L-istess standards għandhom jiġu applikati għal ċelloli u tessuti minn barra l-UE.
Donazzjonijiet volontarji u li mhumiex imħallsa
Il-Parlament kien favur l-għan tad-direttiva imma kien ikkonċernat li jekk jippermetti ħlas għat-tessuti u ċelloli – sew lid-donaturi u kif ukoll lill-istabbilimenti li jiġbru t-tessuti – jista’ jipperikola l-istandards ta’ saħħa u sigurtà.
Bħala riżultat, filwaqt li l-abbozz tad-direttiva tal-Kummissjoni kien ippropona li l-Istati Membri għandhom biss “jinkoraġixxu” donazzjonijiet li mhumiex imħallsa, fuq suġġeriment tal-Parlament it-test finali jiddikjara ‘Stati Membri għandhom jagħmlu sforz biex jiggarantixxu donazzjonijiet volontarji u li mhumiex imħallsa ta’ tessuti u ċelloli’, b’kumpens illimitat biex ipatti għall-prezz u l-inkonvenjenza biex issir id-donazzjoni. Dan jista’ jinkludi l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar, per eżempju.
Qbil simili kien milqugħ rigward l-istabbilimenti li jiġbru d-donazzjonijiet: ‘Stati Membri għandhom jagħmlu sforz biex jiggarantixxu li l-ksib tat-tessuti u taċ-ċelloli għandu jsir fuq bażi ta’ mingħajr qliegħ.’ Fl-istess waqt, il-Parlament iggarantixxa li kumpanniji privati jiġu rikonoxxuti bħala stabbilimenti ta’ tessuti, sakemm l-istandards ikunu milħuqa.
Informazzjoni, traċċabilità u privatezza
Il-MPE irnexxilhom jikkonkludu dispożizzjonijiet relattivament dettaljati għall-kunsens infurmat, li jiggarantixxu li d-donaturi huma pprovduti b’informazzjoni addattata.
Il-Parlament saħħaħ ukoll id-dispożizzjonijiet fuq it-traċċabilità, fejn jagħmilha ċara li t-tagħrif neċessarju għat-traċċabilità sħiħa għandu jinżamm għal ta’ l-inqas sa 30 sena wara l-użu. Minn naħa l-oħra, l-MPEs argumentaw b’suċċess li d-donaturi għandhom jibqgħu ġeneralment anonimi, bl-Istati Membri jneħħu l-anonimità biss f’każi eċċezzjonali, bħal donazzjoni ta’ gamete. (Dan jippermetti li tifel/tifla j/tkun j/taf il-ġenituri ġenetiċi tiegħu/tagħha.)
Kwistjonjiet etiċi mħollija f’idejn l-Istati Membri
Ħafna MPEs kienu nkwetati fuq id-dimensjoni etika ta’ din il-kwistjoni u kienu ħerqana biex iżidu dak li huma ħarsu lejhom bħala regoli etiċi, li jinkludu projbizzjoni fuq il-klonazzjoni umana u jħarsu kontra li jsiru aborti biex jieħdu tessuti tal-fetu. Iżda, dan irriżulta li kien barra mill-iskop ta’ din il-leġislazzjoni. Kunsiderazzjonijiet etiċi għandhom b’hekk jiġu mħollija f’idejn l-Istati Membri individwali.
uq il-klonazzjoni, per eżempju, id-direttiva tagħmilha ċara li hi ma tindaħalx fid-deċiżjonijiet ta’ l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-użu u n-nuqqas ta’ użu ta’ xi tip speċifiku ta’ ċellola umana, li jinkludu ċelloli ta’ mikrobu u ċelloli embrijoniċi speċjalizzati.
|