Il-Parlament Ewropew
fl-azzjoni
Punti Prinċipali 1999-2004

 
Il-Parlament Ewropew
Riforma ta’ l-UE
Tkabbir
Id-drittijiet taċ-ċittadini
Il-Ġustizzja
u l-affarijiet ta’ l-intern
Relazzjonijiet barranin
Protezzjoni Ambjentali /
tal-Konsumatur
Ir-responsabilità ambjentali
It-tniġġis ta’ l-arja
Il-gassijiet tas-serra
Iż-żjut tal-karozzi II
L-iskart elettroniku
L-iskart ta’ l-ippakkjar
Is-sigurtà ta’ l-ikel
Il-GMOs
It-tabakk
It-tniġġis bil-ħsejjes
Il-kosmetici
It-tessuti u ċ-ċelloli umani
Trasport / Politika Reġjonali
Agrikoltura / Sajd
Il-politika ekonomika
u monetarja
Il-Politika ta’ l-Impjiegi
u Soċjali / Drittijiet tan-nisa
Suq intern / Industrija / Enerġija / Riċerka
 

EPP-ED PSE Group ELDR GUE/NGL The Greens| European Free Alliance UEN EDD/PDE


Projbizzjoni totali tat-testijiet ta’ prodotti kosmetiċi fuq l-annimali fl-orizzont

L-ittestjar ta’ kosmetiċi fuq l-annimali hija kwestjoni li tqajjem emozzjonijiet qawwija. Is-sigurtà tal-konsumatur, il-ġid ta’ l-annimali, ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ u l-kompetittività ta’ kumpaniji tal-kosmetiċi bbażati fl-UE huma kollha nvoluti. Direttiva inizjali ta’ l-UE fis-snin 1990 sabiex jiġi projbit il-bejgħ ta’ ingredienti kosmetiċi ittestjati fuq l-annimali spiċċat fix-xejn. Issa għaddiet liġi rreveduta li tistabbilixxi skala ta’ żmien sabiex jiġu mneħħija t-testijiet tal-kosmetiċi fuq l-annimali fl-UE. Bis-saħħa tal-Parlament Ewropew din tipprojbixxi wkoll il-bejgħ ta’ kull prodott u ingredjent kosmetiku ittestjat fuq l-annimali, anke dawk minn barra l-UE.

Prodotti bħal make-up, lipsticks, ġel għax-xawer u xampu kollha jridu jiġu ttestjati għall-effetti li jħallu fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem, iżda l-esperimenti fuq l-annimali huma l-mira ta’ aktar u aktar kritika. Skond il-grupp għall-ġid ta’ l-annimali, madwar 38,000 annimal jintuża fis-sena fl-UE sabiex jiġu żviluppati u ttestjati prodotti w ingredjenti kosmetiċi ġodda. Barra minn hekk, la darba 9,000 ingredient kosmetiku diġà ġie ttestjat u huwa disponibbli għall-industrija, hemm min jgħid li ma hemm l-ebda bżonn urġenti li jiġu ttestjati ingredjenti ġodda fuq l-annimali.

Il-bejgħ ta’ ingredjenti kosmetiċi ttestjati fuq l-annimali suppost illi ġie pprojbit sa l-1998 f’direttiva ta’ l-UE, imma l-projbizzjoni ma ġietx fis-seħħ. Ir-raġunijiet prinċipali kienu n-nuqqas ta’ metodi alternattivi ta’ ttestjar u l-ħtieġa illi jiġu obduti r-regoli ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li ma jippermettux diskriminazzjoni ta’ prodotti minn barra l-UE. Fi sforz ġdid sabiex issolvi l-kwistjoni, il-Kummissjoni fasslet proposta illi jiġu pprojbiti t-testijiet fuq l-annimali iżda mhux il-bejgħ ta’ prodotti illi ġew ittestjati fuq l-annimali. Il-projbizzjoni kellha tifrex fuq prodotti lesti w ingredjenti.

Il-Parlament sostna illi ma kienx biżżejjed illi l-ittestjar fuq l-annimali jiġi pprojbit fl-Ewropa. Il-MPE kienu tal-fehma li l-pjan tad-direttiva ta’ qabel sabiex jiġi pprojbit il-bejgħ fl-UE ta’ prodotti ttestjati fuq l-annimali minn kull parti tad-dinja għandu jitkompla, minħabba illi dan ikopri prodotti ittestjati f’pajjiżi mhux ta’ l-UE. B’hekk ikun żgurat illi tali prodotti ma jkunux jistgħu jiġu mpurtati għall-Ewropa, illi l-ittestjar ta’ l-annimali ma jimxix għal pajjiżi mhux ta’ l-UE u li l-kumpaniji tal-kosmetiċi Ewropew ma jkunux fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ dawk ibbażati barra mill-UE.

Dati ta’ waqfien ċari għall-esperimenti fuq l-annimali

F’negozjati sussegwenti bejn il-Parlament u l-Kunsill tal-Ministri, iż-żewġ naħat kellhom fehmiet ferm differenti dwar kienx hemm bżonn ta’ dati ta’ waqfien. Il-Ministri sostnew illi s-saħħa u s-sigurtà tal-konsumatur jiġu qabel kollox u li ma kellhom jiġu stabbiliti l-ebda dati ta’ għeluq fissi fil-każ li ma jinstabux testijiet alternattivi. Iżda l-Parlament insista li kellu jkun hemm dati ċari ta’ waqfien li fihom, l-ittestjar u l-bejgħ, kellhom jiġu ddikjarati kompletament kontra l-liġi, għaliex qalu illi dan kien l-aħjar mod kif iġġiegħel li jiġu żviluppati metodi alternattivi ta’ ttestjar.

Wara negozjati iebsin, il-Parlament u l-Kunsill fl-aħħar qablu illi t-testijiet fuq l-annimali għal prodotti kosmetiċi lesti jiġu ddikjarati kontra l-liġi, fl-UE kollha, sa mill-2004. Barra minn hekk, qablu li jdaħħlu bil-mod projbizzjonijiet fuq testijiet ta’ ingredjenti kosmetiċi li jużaw l-annimali u wkoll – sabiex jiġi żgurat illi l-importazzjoni tkun koperta – fuq kull bejgħ fl-UE ta’ prodotti u ingredjenti ttestjati fuq l-annimali. Dawn il-projbizzjonijiet sejrin jidħlu bil-mod, kif u meta jinstabu metodi alternattivi ta’ ttestjar, b’data finali ta’ waqfien fl-2009.

Tlett tipi ta’ testijiet illi huma diffiċli li jinbidlu sejrin ikollhom jibqgħu jintużaw sa l-2013 iżda wara din id-data, il-bejgħ ta’ prodotti li jużaw dawn it-testijiet sejjer ikun ipprojbit anke jekk ma jkunux instabu testijiet alternattivi. Id-data ta’ għeluq ta’ l-2013 tista’ tiġi estiża iżda meta jasal il-waqt, il-Parlament ikollu l-aħħar kelma taħt il-proċedura ta’ deċiżjoni konġunta. Metodi alternattivi ġodda ta’ ttestjar sejrin ikunu vvalidati mill-UE imma, sabiex ikun sodisfatt it-tħassib dwar regoli internazzjonali tal-kummerċ, għandhom jiġu kkunsidrati l-iżviluppi fl-OECD.

Il-leġiżlazzjoni tintroduċi wkoll projbizzjoni fuq ċerti sustanzi kanċiroġeni, mutaġeniċi jew tossiċi għas-sistema riproduttiva tal-bniedem. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Parlament, ir-regoli dwar l-ittikkettjar ġew imtejba, sabiex il-konsumaturi jkunu jafu l-ħajja ta’ ħżin ta’ prodotti kosmetiċi u jkunu konxji ta’ rejazzjonijiet allerġiċi potenzjali.

Il-gruppi għall-ġid ta’ l-annimali kienu talbu għal projbizzjoni fuq l-ittestjar fuq l-annimali aktar kmieni. Imma, minħabba r-resistenza iebsa li ta l-Kunsill dwar id-dati ta’ waqfien, u tabilħaqq ir-rikonoxximent illi l-industrija tal-kosmetiċi kellha bżonn ta’ żmien sabiex taddatta, ir-riżultat finali kien meqjus mill-MPE bħala pass kbir ‘il quddiem.



  
Relatur:
  
Prodotti kosmetici: esperimenti fuq l-annimali: Dagmar Roth-Behrendt (PES, D)
  
Atti finali pubblici fil-Gurnal Ufficjali :
  
Prodotti kosmetici: esperimenti fuq l-annimali

 

 

 
  Publishing deadline: 2 April 2004