Il-Parlament Ewropew
fl-azzjoni
Punti Prinċipali 1999-2004

 
Il-Parlament Ewropew
Riforma ta’ l-UE
Tkabbir
Id-drittijiet taċ-ċittadini
Il-Ġustizzja
u l-affarijiet ta’ l-intern
L-asil
L-immigrazzjoni
Il-glieda kontra l-kriminalità organizzata
Il-glieda kontra t-Terroriżmu
Relazzjonijiet barranin
Protezzjoni Ambjentali /
tal-Konsumatur
Trasport / Politika Reġjonali
Agrikoltura / Sajd
Il-politika ekonomika
u monetarja
Il-Politika ta’ l-Impjiegi
u Soċjali / Drittijiet tan-nisa
Suq intern / Industrija / Enerġija / Riċerka
 

EPP-ED PSE Group ELDR GUE/NGL The Greens| European Free Alliance UEN EDD/PDE

> The figth against organised crime
> A safer Union
> Common Asylum Policy


Il-MPE iħeġġu għal trattament aktar uman għar-refuġjati

In-nies jistgħu jaħarbu minn pajjiżhom għal varjetà ta’ raġunijiet: sabiex jaħarbu mill-persekuzzjoni, mill-gwerra jew mill-ġuħ jew inkella sabiex ifittxu ħajja aħjar. Bħala reġjun stabbli u prosperuż tad-dinja, l-UE hija kalamita naturali għar-refuġjati. Iżda l-gvernijiet ta’ l-UE sabu illi ma jistgħux ilaħħqu mal-kwestjoni tar-refuġjati b’mod individwali u għalhekk bdew joħolqu politika konġunta dwar l-asil u r-refuġjati. Il-Parlament Ewropew jaqbel illi hemm bżonn illi r-refuġjati jitqassmu b’mod aktar ġust bejn l-Istati Membri imma huwa ħerqan illi jiżgura illi dawn jiġu ttrattati b’mod uman.

Fl-aħħar snin, l-Ewropa kellha influssi ta’ nies li jfittxu l-asil mill-Bosnia, mill-Kosovo u mill-Afganistan. Matul l-ewwel sitt xhur ta’ l-2003, l-akbar numri ta’ applikazzjonijiet għall-asil irċevewhom ir-Renju Unit (33,133), il-Ġermanja (26,512) u Franza (24,378). Il-Portugall irċieva l-anqas applikazzjonijiet (62). F’termini relattivi, l-aktar li rċeviet applikazzjonijiet kienet l-Awstrija (applikazzjoni għal kull 555 abitant) u l-Isvezja (waħda għal kull 629 abitant). L-anqas applikazzjonijiet kienu mdaħħla fi Spanja (applikazzjoni għal kull 15,356 abitant) u l-Portugall (waħda għal kull 162,936 abitant).
Il-gvernijiet Ewropew bil-mod indunaw bil-bżonn illi jħarsu flimkien lejn din il-kwestjoni. Il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE s’issa iffukat fuq il-proċeduri għall-asil, id-definizzjoni ta’ refuġjati u l-ilqugħ tagħhom malli jaslu. Mhux ta’ min jistagħġeb illi t-tqassim ta’ l-applikazzjonijiet għall-asil bejn l-Istati Membri huwa minn ta’ fuq fl-aġenda, iżda kwisjonijiet importanti oħrajn huma d-drittijiet ta’ dawk li jfittxu l-asil u tar-refuġjati għal dar, xogħol u benefiċċji soċjali.

Taħt it-Trattat ta’ Amsterdam, kellha tkun adottata politika komuni ta’ l-UE dwar l-asil sa l-2004 imma l-progress kien żgħir, minħabba illi l-gvernijiet nazzjonali ma jixtiequx jitilfu l-poter tagħhom f’dan il-qasam. Il-MPE għad ma għandhomx l-aħħar kelma fuq il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE dwar l-asil, għalkemm taħt it-trattat dan sejjer jitbiddel mill-2004.

Proċeduri komuni għall-asil

Politika waħdanija għall-asil għall-Istati Membri kollha tista’ taħdem biss jekk jintużaw proċeduri standard għall-applikazzjonijiet. Meta l-Kummissjoni Ewropea ċċirkolat għall-ewwel darba l-idejat tagħha dwar dan is-suġġett fl-1999, il-Parlament malajr ta s-suġġerimenti tiegħu sabiex jinfluwenza l-leġiżlazzjoni sakemm tkun għadha fil-bidu tagħha.

Wara li l-Kummissjoni, fl-2001, fl-aħħar kixfet l-abbozz tal-leġiżlazzjoni dwar il-proċeduri għall-asil, il-Parlament ħeġġeġ numru ta’ tibdiliet. Il-MPE kienu ħerqana illi jiżżguraw li l-Istati Membri jimxu mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Riedu illi l-gvernijiet nazzjonali jitħallew japplikaw, jekk iridu, regoli aktar ġenerużi minn dawk proposti mill-Kummissjoni. Talbu wkoll għal aċċess akbar għall-proċedura għall-asil u sabiex dawk li jfittxu l-asil jingħataw għajnuna legali aħjar, informazzjoni adegwata u intervista personali bħala parti mill-proċedura. Barra minn hekk il-Parlament ried li jkun hemm anqas bażi permessi fuq x’hiex l-applikanti jinżammu arrestati u li jkun hemm kriterji aktar stretti sabiex jissemmew “pajjiżi siguri” fejn l-applikanti jistgħu jkunu mġiegħela jirritornaw. U l-MPE qalu li għandha tkun aktar diffiċli għall-awtoritajiet illi jirrifjutaw applikazzjoni għall-asil fuq il-bażi li din tkun “b’mod ċar bla raġuni”.

Il-Kummissjoni wieġbet għat-talbiet tal-Parlament u tal-gvernijiet nazzjonali billi ħarġet abbozz ġdid illi jagħti lir-refuġjati garanziji aktar b’saħħithom għall-proċeduri. Madankollu din il-leġiżlazzjoni għadha qegħda titħejja.

Min jitqies refuġjat?

Il-proċeduri huma tabilħaqq importanti, imma aktar kruċjali minn hekk hija l-ħtieġa ta’ definizzjoni ċara ta’ min jitqies refuġjat u min le. U hemm kategorija oħra li ma tistax tiġi minsija: in-nies illi skond il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra mhumiex refuġjati politiċi iżda li ma jistgħux jirritornaw lejn pajjiżhom minħabba l-perikli illi jkunu ser jiltaqgħu magħhom. Il-kunċett ta’ “protezzjoni sussidjarja” ġie mfassal sabiex jgħin lil dawn in-nies.

F’Ottubru 2002, il-Parlament ta l-verdett tiegħu fuq direttiva abbozz dwar l-istandards minimi sabiex jingħataw stat ta’ refuġjat u stat ta’ protezzjoni sussidjarja. Il-MPE ħeġġew għal garanziji u opportunitajiet aħjar għal dawk li jfittxu l-asil sabiex jintegraw fis-soċjetajiet illi jospitawhom. Huma qalu wkoll illi applikanti li huma diġà protetti mill-aġenziji tal-Ġnus Magħquda ma għandhomx jiġu rifjutati l-istat ta’ refuġjat minn pajjiżi ta’ l-UE minħabba l-fatt li diġà jgawdu minn protezzjoni tal-Ġnus Magħquda (eċċezzjoni huma refuġjati ma’ l-UNHCR, li hija attrezzata sabiex tagħti tali protezzjoni). Barra minn hekk, il-Parlament saħaq illi fatturi bħas-sess, l-identità sesswali, l-orjentament sesswali u l-istat ta’ saħħa (eżempju li jkollu l-AIDS) ta’ refuġjat għandhom jiġu kkunsidrati meta ssir l-istima tal-biża’ tiegħu mill-persekuzzjoni.

Il-MPE taw ħafna ħsieb lid-dettall ta’ “protezzjoni sussidjarja”. Huma qalu illi din ma għandhiex tingħata biss lil nies fil-periklu illi jiġu ttorturati iżda wkoll lil dawk fir-riskju tal-piena kapitali u tal-mutilazzjoni tal-ġenitali. Permess għal residenza taħt il-protezzjoni sussidjarja għandu jingħata għal perjodu ta’ mill-anqas ħames snin, l-istess bħar-refuġjati. Meta l-awtoritajiet ikunu qegħdin jiddeċiedu jekk jieħdux lura permess għar-residenza, għandhom jikkunsidraw ir-rabtiet illi jkunu saru mall-pajjiż illi ospithom. Ma kienx hemm raġuni għalfejn nies taħt protezzjoni sussidjarja jiġu ttratati b’mod differenti ħafna mir-refuġjati f’firxa kbira ta’ oqsma, li jinkludu d-dritt għax-xogħol, li jkunu mgħallma l-lingwa tal-pajjiż illi jospithom, illi jsegwu korsijiet ta’ taħriġ vokazzjonali jew li jkollhom aċċess għal kura tat-tfal u programmi ta’ appoġġ.

Il-Kunsill għadu qed jiddibatti l-proposta u l-emendi li għamillu l-Parlament.

L-ilqugħ ta’ dawk li jfittxu l-asil

F’Ápril 2002 il-MPE għamlu numru ta’ rakkomandazzjonijiet dwar direttiva abbozz dwar l-istandards minimi għall-ilqugħ ta’ applikanti għall-asil. Il-Kunsill aċċetta s-suġġeriment tal-Parlament illi jekk Stat Membru jkollu regoli aktar ġenerużi, id-direttiva ma għandhiex tintuża sabiex tnaqqashom. Il-MPE talbu wkoll illi l-applikanti jitħallew jidħlu fis-sistema edukattiva tal-pajjiżi illi jkunu qed jospithom mhux aktar tard minn 21 jum xogħol wara li tkun iddaħħlet l-applikazzjoni; il-Kunsill aċċetta perjodu ta’ tlett xhur. Barra minn hekk, il-Kunsill laqa’ s-suġġeriment tal-Parlament li meta dawk li jfittxu l-asil għandhom tfal taħt l-età jew ikunu huma stess taħt l-età, dawn it-tfal għandhom ikollhom aċċess għall-edukazzjoni fuq l-istess linji ta’ ċittadini tal-pajjiż li jkun qiegħed jospithom. Id-direttiva ġiet adottata mill-Kunsill f’Jannar ta’ l-2003.

 



  
Relaturi:
  
>  Ilqugh ta’ applikanti: Jorge Salvador Hernández Mollar (EPP-ED, E)
>  Status ta’ refugju ghal nazzjonali minn pajjizi terzi u perusni minghajr stat: Jean Lambert (Greens/EFA, UK)
>  Standards komuni ghall-proceduri: Ingo Schmitt (EPP-ED, D)
>  Ghoti u rtirar ta’ l-istatus ta’ refugjati: Graham R. Watson (ELDR, UK)
  
Forom ta’ procedura :
  
>  Ilqugh ta’ applikanti
>  Status ta’ refugju ghal nazzjonali minn pajjizi terzi u perusni minghajr stat
>  Standards komuni ghall-proceduri
>  Ghoti u rtirar ta’ l-istatus ta’ refugjati
  
Atti finali pubblici fil-Gurnal Ufficjali :
  
>  Ilqugh ta’ applikanti
>  Status ta’ refugju ghal nazzjonali minn pajjizi terzi u perusni minghajr stat – test adottat mill-PE 
>  Standards komuni ghall-proceduri – test adottat mill-PE
>  Ghoti u rtirar ta’ l-istatus ta’ refugjati – test adottat mill-PE

 

 

 
  Publishing deadline: 2 April 2004