Dwar ir-regoli applikabbli għall-Membri

Il-Parlament Ewropew huwa magħmul minn 705 Membri eletti fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir. Sa mill-1979, il-Membri tal-PE jiġu eletti b'suffraġju universali dirett għall-perjodu ta' ħames snin.

Ritratt tal-Emiċiklu ta' Strasburgu waqt sessjoni plenarja

Kull pajjiż jiddeċiedi dwar il-forma tal-elezzjoni tiegħu, iżda jrid jiggarantixxi ugwaljanza bejn il-ġeneri u votazzjoni sigrieta. L-età tal-votazzjoni hija stabbilita għal 16-il sena fl-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja u Malta, 17-il sena fil-Greċja, u 18-il sena fil-bqija tal-Istati Membri.

Is-siġġijiet jiġu allokati abbażi tal-popolazzjoni ta' kull Stat Membru. Aktar minn terz tal-Membri tal-PE huma nisa. Il-Membri jiġu raggruppati skont l-affinità politika u mhux in-nazzjonalità.

Il-Membri jqattgħu ħinhom fil-kostitwenzi tagħhom, fi Strasburgu - fejn kull sena jsiru 12-il sessjoni plenarja - u fi Brussell, fejn jattendu seduti plenarji addizzjonali, kif ukoll laqgħat tal-kumitati u tal-gruppi politiċi.

It-termini u l-kundizzjonijiet għall-Membri huma stabbiliti fl-Istatut tal-2009.

Għal aktar informazzjoni :

L-Integrità fil-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew jagħti importanza kbira lill-integrità, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-attivitajiet politiċi tal-Membri tiegħu. Sabiex jiżgura dan, il-Parlament stabbilixxa għadd konsiderevoli ta’ regoli u miżuri, li ssaħħu aktar bħala parti minn proċess komprensiv ta’ reviżjoni fl-2023.

Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew

Il-Kodiċi ta’ Kondotta daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012 u ġie rivedut l-aħħar fl-2023. Dan jispeċifika, bħala l-prinċipji ta’ gwida tiegħu, li l-Membri għandhom jaġixxu biss fl-interess pubbliku u jwettqu ħidmiethom b’diżinteress, integrità, trasparenza, diliġenza, onestà, responsabbiltà u rispett għad-dinjità u r-reputazzjoni tal-Parlament.

Il-Kodiċi ta’ Kondotta jiddefinixxi l-kunflitti ta’ interess u l-mod kif il-Membri għandhom jindirizzawhom, u jinkludi regoli dwar l-obbligi ta’ divulgazzjoni, l-attivitajiet tal-ex Membri u l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba tal-Membri.

Il-Kodiċi ta’ Kondotta jobbliga wkoll lill-Membri jippreżentaw dikjarazzjoni dettaljata tal-interessi privati tagħhom, dikjarazzjoni tal-assi u, fejn applikabbli, dikjarazzjoni ta’ għarfien dwar il-kunflitti ta’ interess. Barra minn hekk, il-Kodiċi ta’ Kondotta jobbliga lill-Membri jippubblikaw il-laqgħat skedati kollha, anke meta jiġu ddelegati lill-assistenti tagħhom, ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess li jaqgħu taħt ir-Reġistru ta’ Trasparenza u mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi. Il-Membri huma obbligati wkoll li jiddikjaraw l-attendenza tagħhom għal avvenimenti organizzati minn partijiet terzi meta r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni u ta’ sussistenza tal-Membri, jew il-ħlas dirett ta’ dawn l-ispejjeż, ikun kompletament jew parzjalment kopert minn parti terza. L-informazzjoni pprovduta mill-Membri fid-dikjarazzjonijiet tagħhom tista’ tinstab fil-paġni tal-profil individwali tal-Membri, ħlief għad-dikjarazzjoni tal-assi, li mhijiex pubblika.

Il-Membri jridu jiddikjaraw ukoll rigali b’valur approssimattiv ta’ aktar minn EUR 150 li jirċievu meta jirrappreżentaw lill-Parlament f’kariga uffiċjali, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta. Tali rigali jitniżżlu fir-reġistru tar-rigali.

Kwalunkwe Membru li jinstab ħati bi ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta jista’ jingħata piena mill-President. Din il-piena titħabbar mill-President fil-Plenarja u tiġi ppubblikata b’mod prominenti fuq is-sit web tal-Parlament.

Għal aktar informazzjoni ara:

Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba tal-Membri

Il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba tal-Membri huwa l-korp inkarigat sabiex jiggwida lill-Membri dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta. Fuq talba tal-President jew wara li jiġi kkuntattjat direttament, il-Kumitat Konsultattiv jevalwa wkoll il-każijiet ta’ allegat ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta u jagħti parir lill-President dwar il-miżuri eventwali li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat Konsultattiv jimmonitorja b’mod proattiv il-konformità tal-Membri mal-Kodiċi ta’ Kondotta u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

Il-Kumitat Konsultattiv huwa magħmul minn tmien Membri. Huma jinħatru mill-President abbażi tal-esperjenza tagħhom u ta’ bilanċ politiku u bejn il-ġeneri. Kull sitt xhur, il-kariga ta’ President tal-Kumitat Konsultattiv tinbidel bejn il-membri tal-Kumitat fuq bażi ta’ rotazzjoni. Il-President jaħtar ukoll membru ta’ riserva għal kwalunkwe grupp politiku li nkella ma jkunx rappreżentat fil-Kumitat Konsultattiv.

Il-Kumitat Konsultattiv jippubblika rapport annwali dwar il-ħidma tiegħu.

Għal aktar informazzjoni ara:
Is-seba' leġiżlatura:
Is-tmien' leġiżlatura:
Is-disa' leġiżlatura:

Regoli oħra dwar it-Trasparenza u l-Etika tal-Membri

It-trasparenza u r-responsabbiltà

Lil hinn mill-obbligi fuq il-Membri kollha skont il-Kodiċi ta’ kondotta, il-Parlament Ewropew daħħal fis-seħħ sensiela ta’ regoli speċifiċi li jtejbu t-trasparenza u l-etika fl-oqsma kollha ta’ attività. Hemm enfasi partikolari fuq l-etika tal-lobbjar.

Il-parteċipazzjoni tal-lobbisti fl-avvenimenti

Organizzazzjonijiet soġġetti għar-regoli tar-Reġistru tat-Trasparenza biss huma permessi jorganizzaw jew jospitaw avvenimenti b’mod konġunt fil-Parlament jekk ikunu rreġistraw sewwa fir-reġistru.

Għal aktar informazzjoni:

Regoli dwar l-ex Membri

L-ex Membri huma pprojbiti milli jillobbjaw lill-Parlament għall-ewwel sitt xhur wara t-tmiem tal-mandat tagħhom. Jekk iwettqu attivitajiet ta’ lobbjar wara s-sitt xhur, huma jridu jirreġistraw fir-Reġistru tat-Trasparenza. L-ex Membri huma permessi jidħlu fil-bini tal-Parlament f’dik il-kapaċità, iżda ma jistgħux jużaw dak l-aċċess biex iwettqu attivitajiet ta’ lobbjar.

Għal aktar informazzjoni:

Salarji u pensjonijiet

Salarji tal-Membri tal-PE

Il-Membri tal-PE, b’mod ġenerali, jirċievu l-istess salarju skont l-istatut uniku li daħal fis-seħħ fl-Lulju 2009.

Mill-1 ta’Lulju 2023, is-salarju ta’ kull xahar tal-Membri tal-PE skont l-istatut uniku huwa €10,075.18 qabel ma tinqata’ t-taxxa. Is-salarju jitħallas mill-baġit tal-Parlament u huwa soġġett għal taxxa tal-UE u għal kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni, u wara dan it-tnaqqis is-salarju nett huwa €7,853.89. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħmlu dan is-salarju soġġett għat-taxxi nazzjonali tagħhom. Is-salarju bażiku huwa stabbilit fil-livell ta’ 38.5% ta’ dak ta’ mħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Hemm xi eċċezzjonijiet: dawk il-Membri tal-PE li kienu fil-Parlament qabel l-elezzjonijiet tal-2009 setgħu jagħżlu li jżommu s-sistema nazzjonali preċedenti għas-salarju, għall-allowance tranżizzjonali u għall-pensjonijiet.

Il-pensjonijiet

Skont l-istatut, ex Membri huma intitolati għal pensjoni mill-età ta’ 63 sena. Il-pensjoni hija ugwali għal 3.5% tas-salarju tal-Membri tal-PE għal kull sena sħiħa ta’ eżerċizzju ta’ mandat, u wieħed minn tnax ta’ dik iċ-ċifra għal kull xahar sħiħ addizzjonali tal-mandat, iżda fit-total mhux aktar minn 70% tas-salarju tal-Membri tal-PE. L-ispiża ta’ dawn il-pensjonijiet titħallas mill-baġit tal-Unjoni Ewropea.

Skema ta’ pensjoni addizzjonali, li kienet ġiet introdotta għall-Membri tal-PE fl-1989, minn Lulju 2009 ma baqgħetx tilqa’ membri ġodda u qed tiġi eliminata gradwalment.

Allokazzjonijiet li jitħallsu lill-Membri tal-Parlament Ewropew

Bħall-Membri tal-parlamenti nazzjonali, il-Membri tal-Parlament Ewropew jirċievu numru ta’ allokazzjonijiet li huma intenzjonati biex ikopru l-infiq tagħhom waqt il-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom.

Allokazzjoni tal-infiq ġenerali

Din l-allokazzjoni hija intenzjonata biex tkopri l-infiq fl-Istat Membru tal-elezzjoni, bħall-ispejjeż għall-immaniġġjar tal-uffiċċju tal-Membri, ħlasijiet tat-telefown u postali, u x-xiri, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ tagħmir tal-kompjuter u tat-telematika. L-allokazzjoni tkun in-nofs li hi fil-każ ta’ Membri li, mingħajr ġustifikazzjoni xierqa, ma jattendux nofs in-numru tas-sessjonijiet plenarji f’sena parlamentari waħda (minn Settembru sa Awissu).

L-ammont ta’ din l-allokazzjoni fl-2024 huwa ta’ EUR 4 950 kull xahar.

Spejjeż tal-ivvjaġġar

Ħafna laqgħat tal-Parlament Ewropew, bħas-sessjonijiet plenarji, laqgħat tal-kumitati u laqgħat tal-gruppi politiċi, isiru fi Brussell jew fi Strasburgu. L-MEPs jingħataw l-ispejjeż attwali tal-biljetti tal-ivvjaġġar tagħhom biex jattendu għal dawn il-laqgħat meta jippreżentaw l-irċevuti, sa massimu ta’ tariffa tal-ajru ‘business class’ D jew kategorija simili, tariffa tat-trenn ‘first class’ jew €0.58 għal kull kilometru (limitu ta' 1000 kilometru) ta’ vjaġġar bil-karozza, minbarra allokazzjonjijiet fissi bbażati fuq id-distanza u t-tul ta’ żmien tal-vjaġġ li jkopri l-ispejjeż l-oħra tal-ivvjaġġar (bħal pereżempju, in-nollijiet tal-motorways, l-ispejjeż ta’ piż eċċessiv tal-bagalji jew tal-ibbukkjar).

Spejjeż oħra għall-vjaġġi

Il-Membri ta’ spiss ikollhom jivvjaġġaw barra jew ġewwa mill-Istat Membru ta’ elezzjoni tagħhom biex jaqdu dmirijiethom għal raġunijiet differenti minn laqgħat uffiċjali (pereżempju, biex jattendu konferenza jew biex jagħmlu żjara ta’ xogħol).

Għal dan l-għan, għall-attivitajiet barra l-Istat Membru ta' elezzjoni tagħhom, il-Membri jistgħu jibbenefikaw minn rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, ta' soġġorn u spejjeż oħra b'rabta ma' dan sa ammont massimu annwali ta' EUR 4 886. Għall-attivitajiet fl-Istat Membru ta' elezzjoni tagħhom, huma biss l-ispejjeż tat-trasport li jiġu rimborżati, b'ammont massimu annwali stabbilit skont il-pajjiż.

Allowance għas-sussistenza
  • Il-Parlament jagħti allowance ta' darba ta' EUR 350 għal kull jum, ammont li jkopri t-totalitàtal-ispejjeż l-oħra tal-Membri matul il-perjodi ta' attività parlamentari, bil-kundizzjoni li huma jagħtu prova tal-preżenza tagħhom billi jiffirmaw wieħed mir-reġistri uffiċjali miftuħa għal dan l-iskop.
  • L-allowance titnaqqas bin-nofs jekk il-Membri ma jieħdux sehem f'iktar minn nofs il-votazzjonijiet ta’ rassenja li jsiru fis-sessjonijiet parzjali, anke jekk ikunu preżenti. Għal-laqgħat organizzati barra l-Unjoni Ewropea, l-allowance hija ta' EUR 175 (dejjem bil-kundizzjoni tal-iffirmar ta' reġistru), u l-ispejjeż ta' soġġorn jiġu rimborżati b'mod separat.

Dispożizzjonijiet dwar il-persunal

Il-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jagħżlu huma stess lill-assistenti tagħhom fil-limiti ta' pakkett baġitarju ddefinit mill-Parlament u skont il-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Kapitolu 5 tal-Miżuri ta' Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri.

Fl-2024, l-ammont massimu disponibbli fix-xahar hu ta' EUR 28 696 għal kull Membru. Dan l-ammont ma jingħatax lill-Membri iżda jitħallas bħala salarju lill-assistenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet u jkollhom kuntratt validu, u lill-entitajiet responsabbli biex jiġbru t-taxxa fuq is-salarji.

Il-Membri jistgħu jimpjegaw diversi tipi ta' assistenti.

L-assistenti akkreditati, imqabbda fi Brussell (jew fil-Lussemburgu/Strasburgu), jiddependu direttament fuq l-amministrazzjoni tal-Parlament. Il-Membri jistgħu jirreklutaw tliet assistenti akkreditati, jew saħansitra erbgħa taħt ċertu kundizzjonijiet. Minn tal-anqas, 25 % mill-pakkett għall-assistenza parlamentari hu rriżervat għall-assistenti akkreditati.

Assistenti lokali jassistu lill-Membri fl-Istat Membru tal-elezzjoni tagħhom. Dawn il-kuntratti jiġu amministrati minn aġent tal-ħlas rikonoxxut li jiggarantixxi r-rispett għad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà soċjali u l-iskema tat-taxxa. Il-kuntratti tal-assistenti lokali għandhom ikunu jew kuntratti ta' xogħol jew kuntratti għall-forniment ta' servizz.

Trainees jistgħu jwettqu traineeship jew fil-postijiet tax-xogħol tal-Parlament jew fl-Istat Membru tal-elezzjoni.

L-ispejjeż totali għall-assistenti lokali u t-trainees ma jistgħux jaqbżu l-75 % tal-pakkett għall-assistenza parlamentari. L-ispejjeż għall-fornituri ta' servizzi biss madankollu ma jistgħux jaqbżu l-25 % ta' dan il-pakkett.

Tista' ssib aktar informazzjoni dwar ir-remunerazzjonijiet hawnhekk.

Ġew stabbiliti limiti massimi paragunabbli għall-fornituri li jkunu persuni ġuridiċi jew l-aġenti tal-ħlas.

Diversi Membri jistgħu jingħaqdu biex jifformaw grupp għar-reklutaġġ ta' assistent jew assistenti akkreditati jew imqabbda fl-Istati Membri. Huma għandhom jiddefinixxu bejniethom il-koeffiċjenti ta' tqassim tal-ispejjeż.

Il-Membri ma jistgħux iqabbdu lil qraba stretti bħala assistenti. L-assistenti tagħhom għandhom jevitaw l-attivitajiet esterni li x'aktarx joħolqu kunflitt ta' interessi.

L-ismijiet jew l-ismijiet tal-kumpaniji tal-assistenti kollha għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Parlament fuq l-internet għat-tul tal-kuntratt tagħhom, sakemm ma jiksbux deroga li tingħata biss għal raġunijiet ta' sigurtà ġġustifikati kif dovut.

Eiropas Parlamenta un valstu vēlēšanas skaitļos

Publikācija ir pilnīgākā un apjomīgākā pieejamā datu bāze par politiskajām norisēm Eiropas Savienībā, kurā apkopoti dati par Eiropas Parlamenta vēlēšanu rezultātiem un sastāvu kopš 1979. gada, kad notika pirmās tiešās un vispārējās vēlēšanas. Turklāt pārskatā ir arī apskatītas visās ES dalībvalstīs nesen notikušās valstu parlamentu vēlēšanas.