Il-protezzjoni tad-data personali
Il-protezzjoni tad-data personali u r-rispett għall-ħajja privata huma drittijiet fundamentali legalment infurzabbli, li ma jistgħux jiġu bbilanċjati ma’ interessi kummerċjali jew politiċi. Il-Parlament Ewropew dejjem insista fuq il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn it-tisħiħ tas-sigurtà u s-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data li jsaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini u jissimplifikaw ir-regoli għall-kumpaniji fl-era diġitali daħlu fis-seħħ f’Mejju 2018.
Il-bażi legali
L-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
L-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
L-objettivi
L-Unjoni jeħtiġilha tiżgura li d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data, li huwa minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, jiġi applikat konsistentement. Fid-dawl tat-tkabbir esponenzjali tal-volum ta’ trasferimenti ta’ data – fejn l-UE, l-Istati Uniti u l-Kanada jikkostitwixxu l-akbar sehem ta’ dan it-tkabbir – il-pożizzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali jeħtieġ li tissaħħaħ fil-kuntest tal-politiki kollha tal-UE.
Il-kisbiet
A. Il-qafas istituzzjonali
1. It-Trattat ta’ Liżbona
Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-protezzjoni tad-data fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (AFSJ) kienet maqsuma bejn l-ewwel pilastru (il-protezzjoni tad-data għal skopijiet privati u kummerċjali, bl-użu tal-metodu Komunitarju) u t-tielet pilastru (il-protezzjoni tad-data għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi, fil-livell intergovernattiv). Għaldaqstant, il-proċessi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fiż-żewġ oqsma kienu jsegwu regoli differenti. L-istruttura tal-pilastri spiċċat bit-Trattat ta’ Liżbona, li jipprovdi bażi aktar b’saħħitha għall-iżvilupp ta’ sistema għall-protezzjoni tad-data aktar ċara u effikaċi filwaqt li, fl-istess ħin, jistipula setgħat ġodda għall-Parlament, li sar koleġiżlatur. L-Artikolu 16 tat-TFUE jipprevedi li l-Parlament u l-Kunsill jistabbilixxu regoli li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.
2. Il-linji gwida strateġiċi fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja
F’Diċembru 2009, b’segwitu għall-programmi ta’ Tampere u ta’ The Hague (ta’ Ottubru 1999 u Novembru 2004, rispettivament), il-Kunsill Ewropew approva l-programm pluriennali rigward l-AFSJ għall-perjodu 2010-2014, magħruf bħala l-programm ta’ Stokkolma. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2014, il-Kunsill Ewropew iddefinixxa l-linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġiżlattiv u operattiv għas-snin li ġejjin fl-AFSJ, skont l-Artikolu 68 tat-TFUE. Wieħed mill-objettivi ewlenin hu li titjieb il-protezzjoni tad-data personali fl-UE.
B. L-istrumenti leġiżlattivi prinċipali dwar il-protezzjoni tad-data
1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE
L-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jirrikonoxxu r-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali bħala drittijiet fundamentali relatati ferm iżda distinti.
2. Il-Kunsill tal-Ewropa
a. Il-Konvenzjoni 108 tal-1981
Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa 108 tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali kienet l-ewwel strument internazzjonali legalment vinkolanti li ġie adottat fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. L-iskop tagħha hu li jiġi żgurat, għal kull individwu, ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tiegħu u b’mod partikolari d-dritt tiegħu għall-privatezza, fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali. Il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni jfittex li jwessa’ l-ambitu tagħha, iżid il-livell ta’ protezzjoni tad-data u jtejjeb l-effikaċja tagħha.
b. Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB)
L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni tal-4 ta’ Novembru 1950 għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jistabbilixxi d-dritt ta’ kulħadd għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja tiegħu, għal daru u għall-korrispondenza tiegħu.
3. L-istrumenti leġiżlattivi attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data
a. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR)
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), sar applikabbli f’Mejju 2018. Ir-regoli għandhom l-għan jipproteġu liċ-ċittadini kollha tal-UE minn ksur tal-privatezza u tad-data f’dinja dejjem aktar xprunata mid-data, filwaqt li joħolqu qafas aktar ċar u konsistenti għan-negozji. Id-drittijiet li jgawdu ċ-ċittadini jinkludu r-rekwiżit għal kunsens ċar u affermattiv biex id-data tagħhom tiġi pproċessata, u d-dritt li jirċievu informazzjoni ċara u li tinftiehem dwarha; id-dritt li jkunu minsija: ċittadini jistgħu jitolbu li d-data tagħhom titħassar; id-dritt li jittrasferixxu d-data lil fornitur ieħor tas-servizz (eż. meta jaqilbu minn network soċjali għal ieħor); u d-dritt li jkunu jafu meta d-data tagħhom tkun ġiet iħħekkjata. Ir-regoli l-ġodda japplikaw għall-kumpaniji kollha li joperaw fl-UE, anke dawk ibbażati barra minnha. Barra minn hekk, jistgħu jiġu imposti miżuri korrettivi, bħal twissijiet u ordnijiet, jew multi fuq kumpaniji li jiksru r-regoli.
Fil-25 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat “it-tieni rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data”. Fis-16 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni ospitat djalogu dwar l-implimentazzjoni fi Brussell dwar l-applikazzjoni tal-GDPR. Dan id-djalogu segwa inizjattivi bħall-proposta Omnibus tal-Kummissjoni biex l-entitajiet b’anqas minn 750 impjegat jiġu eżentati mill-obbligu taż-żamma tar-rekords skont il-GDPR.
Fl-2023, il-Kummissjoni pproponiet Regolament ġdid dwar ir-regoli proċedurali tal-GDPR, li għandu l-għan jissimplifika l-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data (DPAs) meta jinfurzaw il-GDPR f’każijiet transfruntiera. Dan jistabbilixxi regoli proċedurali li għandhom jiġu segwiti mid-DPAs meta japplikaw il-GDPR f’każijiet li jaffettwaw individwi f’aktar minn Stat Membru wieħed. Fil-21 ta’ Ottubru 2025, il-Parlament approva r-regoli l-ġodda biex jitħaffef l-infurzar transfruntier tal-GDPR, u b’hekk ġew iċċarati l-proċeduri u d-drittijiet rilevanti.
b. Id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data
Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, daħlet fis-seħħ f’Mejju 2018. Id-Direttiva tipproteġi d-dritt fundamentali taċ-ċittadini għall-protezzjoni tad-data kull meta d-data personali tintuża mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Hija tiżgura li d-data personali tal-vittmi, ix-xhieda u l-persuni suspettati b’reat ikunu protetti kif dovut u tiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. Fil-25 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat, ftit tard, ir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni u l-funzjonament tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi. Dan kien segwit minn studju ta’ evalwazzjoni kkummissjonat mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) li kien fih valutazzjoni kritika tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi.
c. Id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika
Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) kienet immodifikata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-25 ta’ Novembru 2009. Din tqajjem il-kwistjoni delikata taż-żamma tad-data, li tressqet ripetutament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni tal-UE (QĠUE) u wasslet għal sensiela ta’ deċiżjonijiet, bħad-deċiżjoni fl-2020, li ddikjarat li l-liġi tal-UE tipprekludi ż-żamma ġenerali u indiskriminata tad-data dwar it-traffiku u l-lokalizzazzjoni.
Il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-2017 dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali f’komunikazzjoni elettronika u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE (regolament dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) kien qed jiġi diskuss fit-tul. L-esperti tal-Parlament indikaw li l-Parlament għandu jirreżisti t-tentattivi tal-Kunsill li jeskludi l-applikabbiltà tal-prinċipji Ewropej tal-protezzjoni tad-data.
Fi Frar 2025, il-Kummissjoni indikat fil- “Programm ta’ Ħidma tal-2025” tagħha li se tirtira l-proposta għal Regolament ġdid dwar il-Privatezza Elettronika (li jissostitwixxi d-Direttiva attwali dwar il-Privatezza Elettronika). F’Lulju, il-Kummissjoni approvat il-ħruġ, li mbagħad ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fis-6 ta’ Ottubru. Id-Direttiva attwali dwar il-Privatezza Elettronika u l-liġijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tagħha jibqgħu fis-seħħ.
d. Ir-regolament dwar l-ipproċessar ta’ data personali minn istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni
Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Diċembru 2018.
e. L-Artikoli dwar il-protezzjoni tad-data f’atti leġiżlattivi speċifiċi għas-settur
Minbarra l-atti leġiżlattivi ewlenin dwar il-protezzjoni tad-data msemmija hawn fuq, dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data huma stabbiliti wkoll f’atti leġiżlattivi speċifiċi għas-settur, bħal:
- l-Artikolu 13 (dwar il-protezzjoni tad-data personali) tad-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja;
- l-Artikolu 4 (dwar il-ġbir ta’ data) tar-Regolament (UE) 2025/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għat-titjib u għall-faċilitazzjoni tal-verifiki fil-fruntieri esterni u tar-Regolament (UE) 2025/13 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja;
- il-Kapitolu VI (dwar is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data) tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol);
- il-Kapitolu VIII (dwar il-protezzjoni tad-data) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”);
- il-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) jipprojbixxi għadd ta’ prattiki tal-IA li jinvolvu użi speċifiċi tad-data filwaqt li l-Kapitolu III jimponi l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data għas-sistemi tal-IA b’riskju kbir.
4. L-arranġamenti ewlenin tal-UE dwar it-trasferimenti trans-Atlantiċi tad-data
a. It-trasferimenti ta’ data kummerċjali: deċiżjonijiet ta’ adegwatezza u l-Qafas tal-Privatezza tad-Data bejn l-UE u l-Istati Uniti
Skont l-Artikolu 45 tal-GDPR, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiddetermina jekk pajjiż terz joffrix livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data, kemm jekk abbażi tal-leġiżlazzjoni lokali tiegħu jew tal-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom.
Filwaqt li t-trasferimenti tad-data bejn l-UE u l-Istati Uniti żdiedu b’mod esponenzjali, fejn l-Istati Uniti jiddominaw fis-setturi tar-reklamar u s-sorveljanza online privati, il-Parlament adotta bosta riżoluzzjonijiet li jqajmu tħassib dwar il-flussi trans-Atlantiċi tad-data. B’mod partikolari, huwa jqis li t-Tarka tal-Privatezza UE-Stati Uniti ma tipprovdix il-livell adegwat ta’ protezzjoni meħtieġ mil-liġi tal-UE, filwaqt li l-QĠUE ripetutament invalidat id-deċiżjonijiet ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni Ewropea li jikkonċernaw l-Istati Uniti (ara s-sentenzi tagħha tal-2015 dwar il-Port Salv fil-kawża Schrems u tal-2020 dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-Stati Uniti fil-kawża Schrems II).
Minkejja nuqqas ta’ riforma tar-reġim tal-protezzjoni tad-data fl-Istati Uniti, il-Kummissjoni Ewropea laħqet ftehim ieħor mal-Istati Uniti u ppreżentat proposta għal Qafas ieħor tal-Privatezza tad-Data bejn l-UE u l-Istati Uniti. Wara t-tressiq ta’ mozzjoni tal-Kumitat LIBE fil-11 ta’ Mejju 2023, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija permezz tal-Qafas tal-Privatezza tad-Data UE-Stati Uniti, li tikkonkludi li l-Qafas tal-Privatezza tad-Data UE-Stati Uniti jonqos milli joħloq ekwivalenza essenzjali fil-livell ta’ protezzjoni u tistieden lill-Kummissjoni tkompli bin-negozjati mal-kontropartijiet tagħha tal-Istati Uniti iżda żżomm lura milli tadotta l-konstatazzjoni tal-adegwatezza sakemm ir-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula fir-riżoluzzjoni tal-Parlament u l-opinjoni tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (BEPD) jiġu implimentati bis-sħiħ.
Il-Kummissjoni adottat it-tielet Qafas tagħha tal-Privatezza tad-Data UE-Stati Uniti fl-10 ta’ Lulju 2023. Fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Settembru 2025, il-Qorti Ġenerali (il-Kawża T-553/23Latombe vs Il-Kummissjoni Ewropea) ċaħdet rikors għal annullament tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza għall-Qafas tal-Privatezza tad-Data UE-Stati Uniti, u b’hekk żammet il-validità tagħha. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat fl-istqarrija għall-istampa tagħha “li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Istati Uniti tal-Amerika kienu jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita mill-Unjoni lejn organizzazzjonijiet f’dak il-pajjiż”.
b. Il-Ftehim Komprensiv UE-Stati Uniti
Fil-qafas tal-proċedura ta’ approvazzjoni, il-Parlament kien involut fl-approvazzjoni tal-ftehim bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali relatata mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, magħruf ukoll bħala l-“Ftehim Komprensiv”. L-għan ta’ dan il-ftehim hu li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ informazzjoni personali li tiġi trasferita fil-qafas tal-kooperazzjoni trans-Atlantika għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi, pereżempju fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.
c. Il-Programm UE-Stati Uniti dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP)
L-UE ffirmat ftehim bilaterali mal-Istati Uniti dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data dwar messaġġi finanzjarji mill-UE għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-programm dwar ir-rintraċċar tal-finanzjament tat-terroriżmu.
5. L-awtoritajiet superviżorji għall-protezzjoni tad-data tal-UE
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) huwa awtorità ta’ superviżjoni indipendenti li tiżgura li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-data. Id-dmirijiet ewlenin tal-EDPS huma s-superviżjoni, il-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni. L-EDPS jinvestiga l-ilmenti, u jagħti pariri dwar politiki u leġiżlazzjoni li jaffettwaw il-privatezza. L-EDPS għandu wkoll l-għan iqajjem kuxjenza dwar ir-riskji u jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tan-nies meta tiġi pproċessata d-data personali tagħhom.
Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB), preċedentement il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, għandu l-istatus ta’ korp tal-UE b’personalità legali u huwa assistit minn segretarjat indipendenti (ipprovdut mill-EDPS). L-EDPB jgħaqqad flimkien l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-UE, l-EDPS u l-Kummissjoni. L-EDPB għandu setgħat estensivi biex jiddeċiedi dwar it-tilwim bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u jagħti parir u jservi ta’ gwida dwar kunċetti ewlenin tal-GDPR u d-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament kellu rwol ewlieni fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali billi għamel il-protezzjoni tal-privatezza prijorità politika. Barra minn hekk, fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, qed jaħdem fuq ir-riforma tal-protezzjoni tad-data fuq bażi ugwali mal-Kunsill.
F’bosta riżoluzzjonijiet, il-Parlament esprima dubji dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija liċ-ċittadini tal-UE skont il-Qafas tal-Isfera ta’ Sikurezza bejn l-UE u l-Istati Uniti u, sussegwentement, “it-Tarka tal-Privatezza” UE-US. Wara li l-kawża Schrems II wasslet għall-invalidazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1250 tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mit-“Tarka tal-Privatezza” UE-US, abbażi tat-tħassib li s-setgħat ta’ sorveljanza tal-Gvern tal-Istati Uniti ma kinux limitati, kif meħtieġ mil-liġi tal-UE, u li ċ-ċittadini tal-UE ma kellhomx mezzi effettivi ta’ rimedju, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li fiha ddeplora l-fatt li l-Kummissjoni kienet poġġiet ir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti qabel l-interessi taċ-ċittadini tal-UE.
Wara t-tressiq tal-mozzjoni tal-Kumitat LIBE, il-Parlament adotta, fil-11 ta’ Mejju 2023, riżoluzzjoni dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija mill-Qafas tal-Privatezza tad-Data UE-Stati Uniti, li tikkonkludi li l-Qafas tal-Privatezza tad-Data UE-Stati Uniti jonqos milli joħloq ekwivalenza essenzjali fil-livell ta’ protezzjoni u tistieden lill-Kummissjoni tkompli bin-negozjati mal-kontropartijiet tagħha tal-Istati Uniti iżda żżomm lura milli tadotta l-konstatazzjoni tal-adegwatezza sakemm ir-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula fir-riżoluzzjoni u l-opinjoni tal-EDPB jiġu implimentati bis-sħiħ. Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni dwar il-Qafas tal-Privatezza tad-Data UE-Stati Uniti fl-10 ta’ Lulju 2023.
Il-Parlament ikkundanna ripetutament il-prattiki ta’ sorveljanza tal-Istati Uniti. F’Settembru 2001, huwa adotta riżoluzzjoni dwar l-eżistenza tas-sistema globali tal-ECHELON għall-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet privati u kummerċjali. Wara r-rivelazzjonijiet ta’ Edward Snowden, f’Marzu 2014, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-programm ta’ sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti u l-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri, b’riżoluzzjoni ta’ segwitu f’Ottubru 2015.
Il-Parlament waqqaf kumitat ta’ inkjesta biex jinvestiga l-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti fl-Istati Membri tal-UE (PEGA). Il-Kumitat PEGA, li huwa ppresedut mill-Membru tal-PE Jeroen Lenaers, investiga bir-reqqa l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ biex jiġu investigati membri tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, avukati u attivisti tas-soċjetà ċivili, kif ukoll kif tali prattiki jaffettwaw il-proċessi demokratiċi u d-drittijiet individwali fl-UE. Matul l-inkjesta tiegħu, il-Kumitat PEGA kkonsulta akkademiċi, prattikanti u awtoritajiet ewlenin fl-UE u madwar id-dinja. Id-Dipartiment Tematiku tal-Parlament ħejja rapporti għall-missjonijiet tal-Kumitat PEGA fil-Polonja, fil-Greċja u f’Ċipru. Il-Kumitat PEGA vvota fit-8 ta’ Mejju 2023 biex japprova r-rapport finali tiegħu (Rapporteur: Membru tal-PE Sophia in ‘t Veld) dwar l-investigazzjoni tal-allegati kontravenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE fir-rigward tal-użu tal-Pegasus u software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti, u jinkludi, fost ħafna punti oħra, rakkomandazzjoni biex jitwaqqaf Laboratorju tal-UE għat-Teknoloġija għar-riċerka u l-monitoraġġ tal-użu ta’ software ta’ spjunaġġ kontra ċ-ċittadini tal-UE. Ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara r-rapport tal-Kumitat PEGA ġiet adottata mill-plenarja tiegħu fil-15 ta’ Ġunju 2023. Madankollu, il-Kummissjoni ma tatx rispons f’waqtu għar-rakkomandazzjoni u mblukkat il-proġett pilota tal-Laboratorju tal-UE għat-Teknoloġija propost mill-Membri tal-PE. F’Novembru 2023, il-Parlament adotta riżoluzzjoni ta’ segwitu dwar in-nuqqas ta’ segwitu leġiżlattiv mill-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni tal-PEGA, u kellu wkoll dibattitu f’Ġunju 2025 dwar is-sitwazzjoni attwali u s-segwitu sentejn wara r-rakkomandazzjonijiet tal-PEGA u l-użu illegali ta’ software ta’ spjunaġġ.
Fit-13 ta’ Marzu 2024, il-Parlament adotta riżoluzzjoni leġiżlattiva dwar il-proposta għal regolament dwar ir-regoli armonizzati dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (l-Att dwar l-IA). Ir-Regolament (UE) 2024/1689, li ġie adottat fit-13 ta’ Ġunju 2024, jistabbilixxi obbligi fuq is-sistemi u l-fornituri tal-IA, abbażi tar-riskji u l-impatti potenzjali tagħhom. Is-sistemi tal-IA meqjusa bħala theddida ċara għad-drittijiet fundamentali tan-nies (inkluża l-protezzjoni tad-data) se jiġu pprojbiti. L-Att dwar l-IA daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2024. Il-maġġoranza tar-regoli tal-Att dwar l-IA se jibdew japplikaw fit-2 ta’ Awwissu 2026.
Il-Parlament ikkummissjona għadd ta’ studji ta’ riċerka biex jiżgura li jkollu bażi xjentifika għall-attivitajiet leġiżlattivi tiegħu fuq quddiem nett tal-iżviluppi teknoloġiċi u l-protezzjoni tad-data, inkluż studju dwar l-impatt tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) fuq l-intelliġenza artifiċjali, studju dwar ir-Rikonoxximent Bijometriku u d-Detezzjoni tal-Imġiba,Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API) - Analiżi tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għar-riforma tal-qafas legali tal-API, u, reċentement, studju dwar il-Liġi u l-ICT.
Il-Parlament se jeżamina u jivvota dwar l-inizjattivi ta’ politika u l-proposti leġiżlattivi li ġejjin dwar iż-żamma tad-data, il-kriptaġġ u l-interċettazzjoni legali tad-data, li tħabbru fil- “Pjan direzzjonali għal aċċess effettiv u legali għad-data għall-infurzar tal-liġi” tal-Kummissjoni, ippubblikat fl-24 ta’ Ġunju 2025.
Mariusz Maciejewski / Alessandro Davoli