Il-Parlament Ewropew
fl-azzjoni
Punti Prinċipali 1999-2004

 
Il-Parlament Ewropew
Riforma ta’ l-UE
Tkabbir
Id-drittijiet taċ-ċittadini
Il-Ġustizzja
u l-affarijiet ta’ l-intern
Relazzjonijiet barranin
Protezzjoni Ambjentali /
tal-Konsumatur
Trasport / Politika Reġjonali
Is-sigurtà fil-baħar
Is-servizzi tal-port
It-trasport bl-ajru
Kumpens ghal Passiġġieri bl-Ajru
Is-sigurtà fit-toroq
L-ekopunti
Il-ferroviji
Is-servizzi postali
Il-Fondi Strutturali
u ta’ Koeżjoni
Agrikoltura / Sajd
Il-politika ekonomika
u monetarja
Il-Politika ta’ l-Impjiegi
u Soċjali / Drittijiet tan-nisa
Suq intern / Industrija / Enerġija / Riċerka
 

EPP-ED PSE Group ELDR GUE/NGL The Greens| European Free Alliance UEN EDD/PDE


Iżjed sigurtà fir-rotot tal-vapuri ta' l-Ewropa

Il-lista ta' diżastri li nvolvew vapuri tul ix-xtut ta' l-Ewropa hija waħda twila: it-Torrey Canyon, l-Amoco Cadiz, l-Erika u l-Prestige huma biss ftit eżempji. Wara li l-Erika għerqet 'il barra mix-xatt tal-Brittanja f'Franża fl-1999, ġew introdotti żewġ pakketti mportanti ta' leġislazzjoni Ewropea bil-għan li jgħollu l-istandards tas-sigurtà marittima. Minkejja dan, l-għarqa tal-Prestige 'il barra mix-xatt ta' Galicia fl-2002 qajmet aktar mistoqsijiet, u ħeġġet lill-Parlament Ewropew sabiex iwaqqaf kumitat speċjali sabiex jeżamina l-lezzjonijiet li setgħu jittieħdu minn dan id-diżastru.

It-tanker taż-żejt b'buq singlu, l-Erika - ta' reġistrazzjoni Maltija - li għereq 'il barra mix-xatt ta' Franza fit-12 ta' Diċembru ta' l-1999, u li kkawża tniġġis kbir fil-baħar u l-ixtut, ma kienx kandidat ovvju biex jikkawża diżastru: iċ-ċertifikazzjoni statutorja tiegħu kienet tajba u kien għadda b'suċċess minn diversi spezzjonijiet. Il-konklużjoniji ta' l-esperti kienet li buq singlu ma joffrix biżżejjed protezzjoni, li l-metodi ta' spezzjoni ma kienux adegwati u li hemm bżonn li jiddaħlu misuri aktar stretti dwar bnadar ta' konvenjenza. B'risposta għal dan, il-Kummissjoni Ewropea introduċiet żewġ pakkett leġislattivi magħrufin bħala l-Erika I u l-Erika II.

L-Erika I - tankers b'buq singlu għandhom jiġu sskrapjati

Skond Regolament ta' l-UE addottat fl-2002, tankers taż-żejt b'buq singlu għandhom jitneħħew gradwalment mill-ibħra ta' l-UE, favur bastimenti b'buq doppju li jipprovdu sigurtà akbar. Dan għandu jsir bi skadenzi li jiddependu fuq id-daqs, it-tip u l-età tal-vapur, sa mhux aktar tard mill-2015. L-iskandenzi kienu ġew deċiżi flimkien ma' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Il-Parlament qabel mad-dati ta' l-iskadenzi, imma irnexxielu jeżenta tankers taż-żejt iżgħar minħabba li jistgħu ppoġġu f'riskju r-rifornimenti għar-reġjuni gżejjer tal-Komunità.

Fit-13 ta' Novembru 2002, bilkemm ftit xhur wara li ġie addottat ir-Regolament, seħħ id-diżastru tal-Prestige, li ħeġġeġ lill-UE sabiex tintroduċi skeda ġdida biex taċċelera l-projbizzjoni ta' tankers b'buq singlu. Issa, tankers kbar u qodma bħall-Erika u l-Prestige jistgħu jintużaw biss sa l-2005, filwaqt li tankers iżgħar u iktar reċenti ma jistgħux jintużaw fl-ibħra ta' l-UE wara l-2010. Ġiet introdotta projbizzjoni immedjata dwar l-użu ta' tankers b'buq singlu għat-trasport ta' fjuwil taż-żejt (l-iktar tip li jniġġes) lejn jew mill-portijiet tal-Komunità.

L-aħjar mod biex jiġu nfurzati l-istandards ta' sigurtà huwa li jkun hemm kontrolli metikolużi tal-kundizzjoniji fiżika ta' vapuri li jidħlu fil-portijiet ta' l-UE. Skond ir-regoli ġodda ta' l-UE (id-Direttiva għall-Kontroll mill-Istat tal-Port), l-ispezzjonijiet għandhom ikunu iktar iebsa u iktar frekwenti: madwar 4,000 vapur meqjusa bħala "perikolużi" minn medja ta' 11,000 vapur spezzjonati fis-sena se jkollhom jgħaddu minn spezzjonijiet rigorużi. Dan huwa ferm aktar mis-700 vapur li jiġu spezzjonati rigorożament fil-preżent u vapuri li jġorru merkanzija perikoluża, bħaż-żejt, gass u kimiċi, se jiġu projbiti milli jidħlu fil-portijiet tal-Komunità jekk ikunu jġorru l-bandiera ta' pajjiż li jidher fil-blacklist jew jekk ikunu ġew miżmuma minn xi awtorità tal-port iktar minn darbtejn f'dawn l-aħħar sentejn. Minkejja oppożizzjoni qawwija mill-gvernijiet ta' l-UE, il-Membri tal-Parlament Ewropew żiedu regola li l-vapuri għandhom jiġu mgħamra bi strument li jirrekordja tagħrif dwar il-vjaġġ ("il-kaxxa s-sewda"), sabiex jipprovdu informazzjoni li tista' tiġi użata fl-investigazzjonijiet ta' aċċidenti. Dawn ir-regoli daħlu fis-seħħ f'Lulju 2003.

Il-gvernijiet iddelegaw ir-responsabilità tal-kontrolli tas-sigurtà strutturali tal-vapuri lill-ditti magħrufin bħala "soċjetajiet ta' klassifikazzjoni", li għandhom il-kompetenza teknika neċessarja. Iżda l-UE ddeċidiet li hemm bżonn li dawn is-soċjetajiet jilħqu standards ta' kwalità aktar ogħlja. Issa, l-awtoritajiet Ewropej kif ukoll dawk nazzjonali se jkunu jistgħu jagħtu jew jirtiraw ir-rikonoxximent lil dawn id-ditti skond ir-rekord tagħhom fl-oqsma tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis. Wara proposta mill-Parlament, sidien ta' vapuri, kumpaniji li jibnu l-vapuri, jew organizzazzjonijiet kummerċjali oħra tax-shipping ma jistgħux jikkontrollaw soċjetajiet ta' klassifikazzjoni, sabiex ma jkollomx konflitti ta' interess. Dawn ir-regoli daħlu fis-seħħ f'Lulju 2003, ukoll.

L-Erika II - appoġġ xjentifiku u kommunikazzjoni aħjar

F'Ġunju 2002, ġew addottati żewġ miżuri oħra sabiex titjieb is-sigurtà fil-baħar. Il-Parlament appoġġa b'entużjażmu li titwaqqaf Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, li se tkun ibbażata f'Liżbona, u li se tipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku sabiex tgħin l-Istati Membri jinfurzaw il-leġislazzjoni tal-Komunità. Din l-Aġenzija se tevalwa l-impatt tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà marittima. Twaqqfet ukoll sistema ta' informazzjoni ta' l-UE sabiex ikun hemm kontroll iktar effettiv tat-traffiku tal-baħar. Vapuri li jbaħħru fl-ibħra ta' l-UE se jkollhom jinstallaw sistemi ta' identifikazzjoni li jikkomunikaw awtomatikament ma' l-awtoritajiet kostali. Tgħarif dwar merkanzija perikoluża se tkun ħafna iktar disponibbli u l-Istati Membri se jkollhom ħafna iktar poter sabiex jintervjenu jekk ikun hemm xi aċċident jew riskju ta' tniġġis.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew jinvestigaw id-diżastru tal-Prestige

It-tanker taż-żejt Prestige għereq 'il barra mix-xatt ta' Galicia fid-19 ta' Novembru 2002 wara li ġġerra mal-kurrent għal sitt ijiem f'temp ħażin ħafna. Il-ħsara ekonomika u lill-ambjent kienet enormi, bl-industriji tas-sajd u t-turiżmu milquta partikolarment ħażin.
Wara d-diżastru tal-Prestige, il-Parlament Ewropew ddeċieda li jwaqqaf kumitat temporanju sabiex jinvestiga dan l-aċċident u aċċidenti oħra fil baħar. Il-Membri tal-Parlament Ewropew żammew smigħ pubbliku ma' esperti marittimi kif ukoll taħditiet mal-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet Spanjoli. Iltaqgħu wkoll mal-kaptan tal-Prestige Apostoulos Mangoura, li kien - u għadu - miżmum taħt arrest f' Barċellona.

F'rapport addottat f'April 2004, il-Parlament ikkritika l-mod kif l-awtoritajiet Spanjoli ttrattaw id-diżastru, b'mod partikolari d-deċiżjoni tagħhom li jirmonkaw il-bastiment lil hemm mix-xatt ta' Galicia minnflok f'port ta' rifuġju. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-futur, il-Membri ħeġġew lill-gvernijiet ta' l-UE sabiex iwaqqfu servizz Ewropew ta' gwardja tal-kosta, sabiex jissorvelja s-sigurtà marittima u l-ambjent ta' l-baħar, biex jobbliga bastimenti jirrispettaw ir-rotot ta' navigazzjoni stabbiliti u biex jikkoordina l-azzjoni jekk jiġri aċċident fil-baħar. Il-Parlament ippunta subajh ukoll lejn diversi Stati Membri li naqqsu milli japplikaw il-leġislazzjoni Ewropea jew internazzjonali dwar is-sigurtà marittima. Hu saħaq dwar il-ħtieġa li vapuri jiġu mħeġġa li jtajjru bnadar tal-Komunità iktar milli bnadar ta' konvenjenza ta' pajjizi li ma jilħqux l-istandards ta' spezzjoni u ta' sigurtà tal-vapuri. Ġiet ukoll enfasizzata l-importanza li jitfasslu pjanijiet sabiex jiġu pprovduti postijiet ta' rifuġju għal vapuri f'diffikoltà. Il-MPE talbu wkoll kundizzjonijiet ta' xogħol aħjar kif ukoll iżjed sigurtà u taħriġ għall-baħrin.

L-element uman

L-esperti ġibdu l-attenzjoni tal-kumitat temporanju, li r-rispons ta' l-UE għad-diżastri marittimi reċenti ma setgħux jinjoraw l-element uman. Huma saħqu li l-kawżi prinċipali għaliex tankers jiġarrfu ma kienux problemi fl-istruttura tagħhom imma żbalji umani. Dan il-punt qed jiġi ttrattat indirettament permezz ta' leġislazzjoni oħra dwar standards minimi ta' taħriġ għall-baħrin minn pajjiżi mhux fl-UE. Din hija t'importanza kbira peress li madwar terz tal-baħrin impjegati fuq bastimenti reġistrati fl-UE jiġu minn barra l-Ewropa. Il-Membri tal-Parlament Ewropew approvaw dawn ir-regoli ġodda imma enfasizzaw ukoll għal ħafna drabi li hemm bżonn isiru sforzi akbar sabiex it-tbaħħir u xogħlijiet oħra marittimi jsiru aktar attraenti għaż-żgħażagħ Ewropej. Jekk isir progress fuq dawn iż-żewġ oqsma, l-effet kombinat ta' leġislazzjoni aktar iebsa u baħrin imħarrġa aħjar għandu jagħmel ir-rotot tal-vapuri fl-Ewropa ħafna iktar siguri.



  
Rapporteurs:
  
Is-sigurtà tal-vapuri: htigijiet ta' buq doppju jew disinn ekwivalenti ghal tankers taz-zejt b'buq singlu: Konstantinos Hatzidakis (EPP-ED, GR)
Is-sigurta' fil-bahar: htigijiet ta' buq doppju jew disinn ekwivalenti ghal tankers taz-zejt b'buq singlu: Wilhelm Ernst Piecyk (PES, D)
Is-sigurtà tal-vapuri: standards ghall-bastimenti li juzaw il-portijiet tal-Komunità: Mark Francis Watts (PES, UK)
Is-sigurtà tal-vapuri: spezzjonijiet ta' vapuri u organizzazzjonijiet ta' spezzjoni: Josu Ortuondo Larrea (Greens/EFA, E)
Is-sigurtà marittima: il-holqien ta' Agenzija Ewropea: Emmanouil Mastorakis (PES, GR)
Is-sigurtà marittima: kontroll u informazzjoni ghat-traffiku tal-bahar: Dirk Sterckx (ELDR, B)
Kumitat temporanju dwar is-sigurtà fil-bahar: Dirk Sterckx (ELDR, B)
Ix-Shipping: livell minimu ta' tahrig ghall-bahrin: Bernard Poignant (PES,
Kumitat temporanju dwar it-titjib tas-sigurtà fil-bahar
Agenzija Ewropea ghas-Sigurtà Marittima
  
Gurnal Ufficjali - Atti Finali:
  
Is-sigurtà tal-vapuri: htigijiet ta' buq doppju jew disinn ekwivalenti ghal tankers taz-zejt b'buq singlu
Is-sigurta' fil-bahar: htigijiet ta' buq doppju jew disinn ekwivalenti ghal tankers taz-zejt b'buq singlu
Is-sigurtà tal-vapuri: standards ghall-bastimenti li juzaw il-portijiet tal-Komunità
Is-sigurtà tal-vapuri: spezzjonijiet ta' vapuri u organizzazzjonijiet ta' spezzjoni
Is-sigurtà marittima: il-holqien ta' Agenzija Ewropea
Is-sigurtà marittima: kontroll u informazzjoni ghat-traffiku tal-bahar
Kumitat temporanju dwar it-titjib tas-sigurtà fil-bahar
Ix-Shipping: livell minimu ta' tahrig ghall-bahrin

 

 

 
  Publishing deadline: 2 April 2004