| Il-Parlament Ewropew, li minn,m dejjem kien favur il-Protokoll ta' Kjoto, jaqbel mal-idea li tappoġġa r-riċerka dwar sorsi alternattivi ta' enerġija flok dawk tradizzjonali u jrid jippromwovi l-enerġija rinnovabbli prodotta mir-riħ, mix-xemx jew mill-gassijiet bijoloġiċi. Il-politika dwar l-enerġija aktar razzjonali qiegħda tikseb dejjem aktar popolarità fost l-opinjoni pubblika, iżda l-Istati Membri baqgħu lura milli jiffissaw miri li joħolqu xi tip ta' rbit. Id-deputati madanakollu rnexxielhom isaħħu xi ftit il-kontenut tal-politika prevista.
Fi żmien 50 sena, is-sorsi fossili ta' l-enerġija, iż-żejt u l-gass naturali, ser jibdew imajnaw. Barra minn hekk, il-konsum ta' dawn l-enerġiji llum il-ġurnata huwa l-akbar kaġun tal-produzzjoni ta' C02 u ta' l-effett tas-serrer li din tikkawża. L-Ewropa għandha wkoll interess li tiżviluppa minn issa, l-użu ta' enerġiji rinnovabbli; dan minħabba li l-produzzjoni tagħhom ser tiġġenera eluf ta' mpieġi u l-iżvilupp ta' teknoloġija ġdida ser tkun investiment importanti għall-kompetittività tagħna fil-ġejjieni. Minkejja dawn il-fatti, l-Membri Parlamentari Ewropej kellhom jagħmlu ħilithom kollha sabiex iħeġġu lill-Istati Membri biex jagħmlu pass 'l quddiem.
Fl-1997, permezz ta' white paper msejħa "Enerġija għall-ġejjieni", il-Kummissjoni Ewropea ifformulat miri ġenerali sabiex tippromwovi l-enerġija rinnovabbli u l-produzzjoni ta' elettriku minn sorsi alternattivi. Sa mill-1998, il-Parlament kien talab lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tissottometti proposta leġislattiva li tappoġġa l-produzzjoni ta' l-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli.
F'rapport li ġie adottat f'Marzu tas-sena 2000, id-deputati għamlu sejħa favur leġislazzjoni li tiżgura trattament ugwali għas-sorsi ta' enerġija alternattivi meta mqabbla mas-sorsi tradizzjonali. Billi deherilhom illi l-proposti tal-Kummissjoni ma kienux ambizzjużi biżżejjed, id-deputati talbu li jkun hemm Direttiva li tistabbilixxi regoli li jagħtu prijorità għall-aċċess għall-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli u li tistabbilixxi qafas finanzjarju ta' intervent Komunitarju, bl-ispejjeż jinqasmu fost l-Istati Membri, għar-riċerka u l-promozzjoni ta' l-enerġija rinnovabbli.
L-għan 2010: għoxrin fil-mija ta' l-enerġija minn sorsi rinnovabbli
F'Mejju tas-sena 2000, il-Kummissjoni pproponiet inizzjattiva sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet u l-effett tas-serrer billi jiżdied l-użu ta' enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fil-konsum totali gross ta' enerġija. L-Istati Membri ġew mistiedna biex iżidu l-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward, iżda mingħajr obbligu partikulari. Matul il-proċedura kollha tal-kodeċiżjoni, il-Parlament talab li jiġu stabbiliti miri li joħolqu rbit. Iżda l-Kunsill ma qabilx. Iż-żewġt istituzzjonijiet għaldaqstant fittxew kompromess. Fl-aħħar, ġie deċiż li l-miri nazzjonali tal-konsum ta' l-elettriku magħmul minn ESR ikunu indikattivi u jibqgħu f'idejn l-Istati Membri. Iżda dawn iridu jinkwadraw ma' l-miri indikattivi globali tal-Komunità għall-2010, jiġifieri 12% tal-konsum ta' enerġija gross prodotta minn sorsi rinnovabbli (irduppjar fi żmien 10 snin) u 22,1% tal-produzzjoni ta' l-elettriku. Jekk dawn il-miri jintlaħqu sa l-2010 ikun ifisser li jkunu ġew ffrankati 3 biljun ewro fis-sena fl-ispejjeż ta' fjuwil, tnaqqis ta' 400 miljun tunnellata fis-sena fl-emissjonijiet ta' CO2 u tnaqqis ta' 17.4% fis-sena fl-importazzjonijiet ta' fjuwil.
Sa Ottubru ta' l-2002, kull Stat Membru kellu jippubblika l-ewwel rapport dwar it-twettiq tal-miri nazzjonali tiegħu. F'Ottubru ta' l-2004, il-Kummissjoni ser tippubblika inventarju ġenerali bbażat fuq dawn ir-rapporti. Id-deputati rnexxielhom jiksbu li, jekk l-Istati Membri ma jkunux għamlu progress suffiċjenti biex jilħqu dawn il-miri, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti li joħolqu rbit partikolari.
Inkuraġġiment ta' l-enerġija "intelliġenti"
F'April ta' l-2002, il-Kummissjoni pproponiet li jiġi stabbilit programm ta' qafas għall-2003-2006, imsejjaħ "Enerġija intelliġenti għall-Ewropa", sabiex jiġi mħeġġeġ konsum aktar għaqli u biex jippromovi l-iżvilupp sostenibbli. Dan il-programm joffri appoġġ finanzjarju Komunitarju (sa livell massimu ta' 50% ta' l-infiq) għall-azzjonijiet u proġetti konkreti. L-użu aktar razzjonali u aktar effikaċi ta' l-enerġija jista' jiffranka madwar għoxrin fil-mija tal-konsum totali annwali.
Il-Parlament fittex li jilħaq kompromess mal-Kunsill qabel ma tintemm il-proċedura sabiex il-programm jiġi ntrodott malajr. Il-Kunsill laqa' l-biċċa l-kbira ta' l-emendi tal-Parlament li kienu intenzjonati biex jintegraw lill-pajjiżi kandidati fil-programm u biex itejbu t-trasparenza tal-proċess ta' l-għażla tal-parteċipanti. Il-Parlament u l-Kunsill laħqu wkoll ftehiem dwar il-baġit tal-program għas-somma totali ta' 200 miljun ewro.
Dan il-baġit ser jgħin biex jiffinanzja diversi programmi speċifiċi; l-effiċjenza ta' l-enerġija fis-setturi tal-bini u ta' l-industrija (SAVE); il-promozzjoni ta' sorsi ġodda u rinnovabbli ta' enerġija għall-produzzjoni ċentralizzata u diċentralizzata kif ukoll l-integrazzjoni tagħhom fil-qasam urban (ALTENER); id-diversifikazzjoni tal-fjuwil u l-promozzjoni ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli u effiċjenza ta' l-enerġija fis-settur tat-trasport (STEER); il-promozzjoni ta' enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza ta' l-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (COOPENER).
Min-naħa l-oħra, il-Kunsill m'aċċettax li titwaqqaf Aġenzija Ewropea għall-enerġija intelliġenti, u l-anqas it-twaqqif ta' task force fi ħdan il-Kummissjoni biex tikkoordina l-aspetti differenti ta' attivitajiet ta' dan il-programm u ta' oqsma oħra tal-politika tal-Komunità.
|