Aktar minn nofs il-votanti fl-Ewropa huma nisa. Madanakollu, madwar l-Unjoni Ewropea, ir-rata tar-rappreżentazzjoni tan-nisa għadha ġeneralment baxxa f'karigi li jinvolvu t-teħid ta' deċiżjonijiet. Matul dawn l-aħħar leġislaturi, il-Parlament Ewropew iġġieled għal parteċipazzjoni aħjar tan-nisa fil-ħajja politika u f'pożizzjonijiet ta' teħid tad-deċiżjonijiet. Fid-dawl ta' l-elezzjonijiet Ewropew ta' 2004, id-deputati għamlu sejħa lill-partiti sabiex jiftħu aktar il-listi tal-kandidati tagħhom għan-nisa. Barra minn hekk huma saħħew l-istrateġija komunitarja għar-rappreżentazzjoni aktar ugwali tan-nisa fl-ekonomija u fil-ħajja soċjali u kulturali.
Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-proporzjon medju tan-nisa fil-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali jilħaq madwar 25%. Dan il-proporzjon hu l-ogħla fil-pajjiżi Nordiċi fejn il-politika ta' l-ugwaljanza tmur lura l-iżjed fiż-żmien u fejn hi l-iktar volontarista : 43.5% tad-deputati fil-Parlament Żvediż kienu nisa f'2003, 38% fid-Danimarka u 37.5% fil-Finlandja. Fuq in-naħa l-oħra ta' l-iskala, fl-Italja 11.5% biss tad-deputati huma nisa, b'8.7% fil-Greċja. Fuq livell ta' gvernijiet, nerġgħu nsibu li fl-iŻvezja u l-Finlandja hemm preżenza qawwija ta' nisa, b'52.6% u 44.4% tal-ħatriet ministerjali allokati rispettivament, imqabbla ma' medja ta' 23% fi ħdan il-gvernijiet ta' l-iStati Membri.
Stedina lill-partiti sabiex iżidu r-rappreżentazzjoni tan-nisa
Il-proporzjon tan-nisa fi ħdan il-Parlament Ewropew huwa ogħla minn dak fil-parlamenti nazzjonali. Wara l-ewwel elezzjoni b'votazzjoni universali diretta fl-1979, telgħu 69 deputat mara minn total ta’ 410 siġġijiet, jew 16.8 %. Dan il-proporzjon tela' għal 29.8% fl-1999, u 31% f'2003, wara xi tibdiliet fil-kompożizzjoni tal-Parlament matul il-leġislatura. Iżda dan mhux biż-żejjed. F'2001 il-Parlament ippropona livell ta' rappreżentazzjoni ta' mhux inqas minn 40% kemm għan-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha politiċi u fil-kummissjonijiet kollha fuq livell Ewropew, nazzjonali u internazzjonali.
Madanakollu, hemm ir-riskju li dan l-oġġettiv ma jintlaħaqx wara t-tkabbir minħabba l-fatt li r-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-qasam politiku fl-għaxar pajjiżi li se jissieħbu terġa' hi aktar baxxa. Per eżempju, meta l-għaxar membri ġodda ġew mistiedna jaħtru osservaturi għall-Parlament Ewropew f'Mejju 2003, 14% biss minn dawn kienu nisa, ċifra indikattiva w allarmanti li tagħti x'tifhem li l-proporzjon tan-nisa fl-assemblea eletta ta' l-Unjoni tal-25 membru se jonqos. Ta' min isemmi wkoll li f'riżoluzzjoni adottata f'Novembru 2003 il-Parlament jagħmel sejħa lill-partiti fi ħdan l-Unjoni ta' wara t-tkabbir sabiex jintroduċu sistemi ta' kwoti bħas-sistema “zipper” fejn il-listi jalternaw b'mod sistematiku bejn in-nisa u l-irġiel u/jew jieħdu dawk il-miżuri li jħeġġu parteċipazzjoni iżjed ugwali. Għall-Parlament, il-proporzjon tan-nisa fuq il-listi ta' l-elezzjonijiet Ewropew għandu jkun mhux inqas minn 30% fil-25 membru. Il-partiti politiċi huma wkoll mistiedna jirrevedu s-strutturi interni li ħafna drabi jostakolaw il-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa. L-iStati Membri huma mistiedna jniedu kampanji sabiex titqajjem kuxjenza dwar din il-kwistjoni.
F'riżoluzzjoni li ġiet adottata f'2001 dwar l-ugwaljanza tal-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Parlament insista fuq il-ħtieġa tal-promozzjoni tal-prinċipju ta' l-ugwaljanza mhux biss fil-qasam politiku jew ekonomiku, iżda wkoll fit-tagħlim u t-taħriġ bil-għan li opportunitajiet indaqs jiġu offruti kemm lill-irġiel u n-nisa. Ir-riżoluzzjoni saħqet fuq il-bżonn urġenti li jitjiebu l-faċilitajiet fejn jinżammew it-tfal tan-nisa li jaħdmu u persuni oħra dipendenti b'tali mod li restrizzjonijiet tal-familja ma jkunux ta' impediment sistematiku sabiex in-nisa jħossu sens ta’ sodisfazzjon professjonali.
F'riżoluzzjoni oħra li ħarġet f'2002, il-Parlament wera wkoll it-tħassib tiegħu għar-rappreżentazzjoni baxxa tan-nisa f'posizzjonijiet ta' tmexxija fi ħdan l-imsieħba soċjali. Filwaqt li jirrappreżentaw 42% tal-popolazzjoni li taħdem u 40% tal-membri fil-unions, il-proporzjon tan-nisa li huma rappreżentati f'dawn ta' l-aħħar huwa inqas minn dak fi ħdan l-organi politiċi. L-imsieħba soċjali wkoll ġew mistiedna sabiex jieħdu miżuri pożittivi bil-għan li jiżdiedu r-rappreżentazzjoni u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja soċjo-ekonomika.
L-ugwaljanza - valur fondamentali
Anke jekk il-Konvenzjoni dwar il-Futur ta' l-Ewropa nvolviet iktar l-irġiel, b'17-il mara biss membru minn total ta' 107, l-ugwaljanza bejn is-sessi kienet fost l-għanijiet fondamentali li ġiet inkarigata bihom l-Unjoni fl-abbozz tal-Kostituzzjoni. Madanakollu, għal ħafna deputati Ewropej dan kien pass żgħir wisq. Ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew ukoll baqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom fi ħdan il-Konferenza Intergovernamentali sabiex dan il-prinċipju jkun inserit fost il-valuri fondamentali (artiklu 2 ta' l-abbozz tal-Kostituzzjoni) u mhux jidher bħala wieħed mill-oġġettivi (artiklu 3). Dan il-għan intlaħaq matul il-presidenza Taljana meta l-aħħar verżjoni ta' l-imsemmi dokument isemmi, f'artiklu 2, uħud mill-valuri ta' l-Unjoni, "il-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjeta' u l-prinċipju ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel".
Strateġija Komunitarja
F'2000 l-Unjoni Ewropea adottat programm ta' azzjoni komunitarja mifruxa fuq 5 snin (2001-2005) intiża li taħdem b'mod konkret għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Kien fuq talba speċifika tal-Parlament li l-Kummissjoni Ewropea pproponiet dan il-programm u li għalih ġie allokat baġit ta' 50 miljun Euro fuq ħames snin. Dan il-programm, li malli ġie adottat kien ukoll miftuħ għall-pajjiżi kandidati, hu intiż sabiex jippromwovi u jxerred il-valuri u l-prattiċi li fuqhom hi msejsa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u jwassal sabiex l-atturi jifhmu aħjar u jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni diretta w indiretta, mhux biss fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika, iżda wkoll fis-setturi tal-mezzi tax-xandir, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-isport. Għal dan il-għan, il-programm jaħseb għall-finanzjar ta' miżuri li jqajmu kuxjenza, kampanji ta' informazzjoni, operazzjonijiet trans-nazzjonali u skambjar ta' esperjenzi.
Il-Parlament insista fuq il-fatt li jinżamm infurmat kull sena dwar il-progress u r-riżultati ta' dan il-programm filwaqt li jassumi funzjoni ta’ “għassies” u jara li jitwettqu l-obbligazzjonijiet li jkunu saru. Filwaqt li laqa' b'sodisfazzjon il-prijoritajiet li nżammu fuq il-lista (salarji ndaqs f'2001, ir-rabta bejn il-ħajja professjonali u dik privata f'2002, il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet f'2003), il-Parlament sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex jipproponi miżuri leġislattivi komplementari, b'mod partikolari dawk intiżi li jnaqqsu d-distakk fis-salarji, jiġbru informazzjoni ta’ statistika aħjar jew li jintegraw il-prinċipju ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem li jikkonċernaw il-mara fil-politika ta' kooperazzjoni bejn l-Unjoni u terzi pajjiżi.
|