Kull sena, elf ħaddiem Ewropew jispiċċa vittma ta’ waqgħat fatali. Oħrajn imutu fi splużżjonijiet. Għexiren ta’ eluf iġarrbu ħsarat minħabba espożizzjoni għall-istorbju, għal vibrazzjonijiet jew aġenti karċinoġeni bħall-asbestos. L-Unjoni Ewropea tista’ tistabilixxi limiti minimi sabiex ittejjeb is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Diversi direttivi ħarġu mill-leġislatura li spiċċat u l-Parlament Ewropew ta’ spiss irnexxielu jsaħħaħ id-dispożizzjonijiet proposti, għall-benefiċċju tal-ħaddiema.
Anke jekk l-inċidenza ta’ inċidenti fuq ix-xogħol naqqsu b’madwar 10% bejn l-1994 u l-1998, iċ-ċifri jibqgħu għoljin: kważi 5.500 imutu fis-sena u 4,8 miljun inċident iwassal għal inkapaċità ta’ aktar minn tlett’ijiem. Diversi direttivi ġodda jsaħħu l-leġiżlazzjoni komunitarja fis-seħħ. Dawn jistabbilixxu limiti minimi, imma l-Istati Membri huma ħielsa li jimponu miżuri aktar stretti.
L-asbestos: attenti għas-sanzjonijiet!
Il-kanċer tal-pulmun u tal-mesotilju huma għaxar u għoxrin darba rispettivament aktar frekwenti fin-nies esposti għall-asbestos milli fil-bqija tal-popolazzjoni. Xi studji jindikaw illi fit-tletin sena li ġejjin, diversi mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema sejrin ikunu milquta mill-effetti fit-tul ta’ l-assorbiment ta’ l-asbestos. Regoli ewropej ġodda ġew adottati fl-2002. Dawn jissuplimentaw u jsaħħu l-ewwel disposizzjonijiet meħuda fl-1983 u għandhom ikunu mgħoddija fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali sa April ta’ l-2006. Minn din id-data, l-attivitajiet kollha li jesponu l-ħaddiema għall-fibri ta’ l-asbestos sejrin ikunu projbiti bl-eċċezzjoni ta’ xogħlijiet ta’ twaqqiegħ u ta’ eliminazzjoni ta’ skart li jirriżulta mill-iżmuntaġġ. Il-limiti ta’ l-ammont ta’ espożizzjoni għall-ħaddiema tnaqqsu b’mod konsiderevoli u l-miżuri ta’ prevenzjoni u formazzjoni ġew imsaħħa fuq talba tal-Parlament. Id-deputati kisbu wkoll li jkunu previsti perjodi ta’ mistrieħ, minħabba li l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ta’ tbatija meta huwa obbligatorju li jintlibes apparat għan-nifs. U, għall-ewwel darba f’direttiva dwar is-sigurtà tal-ħaddiema, il-Parlament kiseb li l-Istati Membri jipprevedu sanzjonijiet "effettivi, proporzjonati u dissważivi" fil-każ ta’ vjolazzjoni tal-leġiżlatura.
L-istorbju : massimu ta’ 87 deċibel
L-espożizzjoni għall-istorbju huwa ta’ riskju mhux biss għas-smiegħ iżda wkoll għall-istat tas-saħħa ġenerali tal-ħaddiema. Barra minn hekk, l-istorbju jżid ir-riskju ta’ inċidenti minħabba li s-sinjali ta’ twissija jew il-problemi mekaniki jistgħu xi kultant ma jinstemgħux. Skond studju ta’ l-Aġenzija Ewropea għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, 28% tal-ħaddiema ta’ l-UE huma esposti għal storbju illi fih huwa diffiċli li żżomm konversazzjoni. Fl-2002, il-Parlament approva direttiva li tistabbilixxi l-limitu ta’ l-ammont ta’ l-espożizzjoni għall-istorbju għal 87 deċibel, ammont anqas minn dak propost, u li jipprevedi ċerti obbligi għal min iħaddem. Id-deputati kisbu li l-ħaddiema jibbenefikaw minn eżaminazzjonijiet awdjomettriċi preventivi u minn protezzjoni għas-smiegħ individwali, fi stadju aktar kmieni milli kien qiegħed jipprevedi l-Kunsill. Barra minn hekk, il-Parlament introduċa dispożizzjoni illi tirrispetta l-karatteristiċi ta’ l-oqsma tal-mużika u tad-divertiment.
Il-vibrazzjonijiet jolqtu lil ħaddiem minn kull erbgħa
Fiż-żmien ta’ meta tnehdiet leġiżlazzjoni ewropea ġdida, kien jidher li 24% tal-ħaddiema kienu esposti għal vibrazzjonijiet. Fil-kumpaniji ta’ estrazzjoni, bħall-barrieri u l-minjieri tal-faħam, fis-settur tal-kostruzzjoni, tat-trasport jew ta’ l-agrikoltura, il-vibrazzjonijiet mekkaniċi ta’ l-għodod jew il-makni wżati jistgħu joħolqu ħsara fil-ġogi, problemi newroloġiċi jew trawmi fil-kolonna vertebrali. Id-direttiva adottata fl-2002 għandha tiġi mgħoddija fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali sa Lulju ta’ l-2005. Din tistabbilixxi limitu ta’ vibrazzjonijiet li jiġu trasmessi għall-idejn, id-dirgħajn, kif ukoll dawk trasmessi għall-ġisem kollu. Il-PE irnexxielu jnaqqas il-limitu awtorizzat u fl-istess ħin idaħħal obbligi ġodda ta’ informazzjoni għall-ħaddiema u l-kontroll ta’ l-istat tas-saħħa tagħhom.
Prevenzjoni aħjar tar-riskji ta’ splużjonijiet
Direttiva ġdida, adottata fl-1999 u li kellha tidħol fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali sa Ġunju 2003, tistabbilixxi u tarmonizza il-preskrizzjonijiet minimi sabiex titjieb il-protezzjoni tal-ħaddiema esposti għal arja splussiva. Din toħloq kwadru ta’ protezzjoni għall-industrija kontra l-isplużjonijiet u timponi ċertu numru ta’ obbligi għal min iħaddem f’termini ta’ sigurtà, ta’ kontroll, ta’ evalwazzjoni tar-riskji u ta’ klassifikazzjoni ta’ żoni ta’ riskju. Din timponi, eżempju, bord ewropew ta’ twissija għaż-żoni periklolużi. Kif talab il-Parlament, il-Kummissjoni għandha twaqqaf orjentazzjonijiet fi gwida ta’ prattika tajba li biha l-Istati Membri għandhom jagħtu kont bl-aktar mod possibbli tat-twaqqif tal-politiki tagħhom dwar dan is-suġġett.
500.000 waqa’ fis-sena
Kważi 10% tat-total ta’ l-inċidenti fuq ix-xogħol ġejjin minn waqgħat. Għall-Unjoni Ewropea, huwa stmat illi n-numru ta’ waqgħat fuq ix-xogħol huwa ta’ kważi 500.000, li huma dovuti għal spazji vojta meta jintużaw skafowldings jew slielen. Dan iwassal, kull sena, għal madwar 40.000 mweġġa’ gravi u 1.000 mewt. Huwa għalhekk illi l-Parlament approva direttiva fl-2001 li tispeċifika il-mod kif dan l-apparat jista’ jiġi wżat mill-ħaddiema għall-kundizzjonijiet l-aktar siguri. Bis-saħħa ta’ l-intervent tal-PE, l-evalwazzjoni tar-riskji, il-formazzjoni tal-ħaddiema u l-livell ta’ sigurtà ta’ ċertu apparat ġew imsaħħa b’din id-direttiva li għandha tiġi adottata fil-liġi nazzjonali sa Lulju 2004.
Protezzjoni għall-ħaddiema indipendenti wkoll
Dawk li jaħdmu għal rashom, rari jkunu koperti mil-leġiżlazzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol imma dawn ta’ spiss ikunu esposti għal riskji simili. Barra minn hekk, ħafna minn dawk li jaħdmu għal rashom ikunu f’setturi ta’ riskju għoli, bħall-agrikoltura, is-sajd, il-bini u t-trasport, iżda ta’ sikwit, dawn ma jidħlux fil-qasam ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet eżistenti. Kien għalhekk illi l-Unjoni nkoraġġit lill-Istati Membri jieħdu b’mod volontarju l-miżuri meħtieġa sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni ta’ min jaħdem għal rasu. Id-deputati ferħu b’din l-inizzjattiva imma jiddispjaċihom illi ma waslitx ‘il bogħod. Għalihom, m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni bejn l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom fejn għandhom x’jaqsmu is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Ir-rakkomandazzjoni għall-Istati Membri kienet ifformulata fi Frar ta’ l-2003. Id-deputati jaħsbu illi jekk din ma tħallix effetti biżżejjed wara erba’ snin, l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta’ ristrezzjoni.
Għal strateġija globali
F’riżoluzzjoni vvutata f’Ottubru 2002, il-Parlament approva l-ideja ta’ strateġija komunitarja komuni li taddatta għat-tibdil tax-xogħol u tas-soċjetà u li tagħti każ il-prijoritajiet tagħhom. Id-deputati talbu, b’mod partikolari, li l-leġislazzjonijiet dwar is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema jiġu estiżi għall-kategoriji kollha li għadhom esklużi, bħall-militar, dawk li jaħdmu għal rashom, ħaddiema domestiċi, u ħaddiema tad-dar. Huma qegħdin jitolbu proposti leġislattivi ġodda dwar l-ergonomija tal-postijiet tax-xogħol, il-manutenzjoni, ir-riskji kimiċi u bijoloġiċi. Id-deputati jitolbu wkoll li jsiru sforzi sabiex l-acquis communautaire jiġi traspost u applikat fil-pajjiżi aderenti fejn is-sitwazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema mhiex sodisfaċjenti.
|