Il-prevenzjoni tal-fastidju u d-diskriminazzjoni, il-protezzjoni tal-vittimi, il-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa u l-irġiel meta jerġgħu lura x-xogħol wara l-leave tal-maternita' u l-paternita' : dawn huma uħud mir-riżultati tad-direttiva l-ġdida dwar it-trattament ugwali. Iżda jekk ir-rwoli ġodda tan-nisa u l-irġiel fi ħdan il-familja u s-soċjeta' wasslu sabiex l-Unjoni tikkumbatti ċerti forom ta' diskriminazzjoni għad fadal ħafna xi jsir sabiex tinkiseb ugwaljanza fis-salarji.
Meta f'Lulju 2000 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ir-reviżjoni ta' direttiva antika li ħarġet 25 sena qabel, id-deputati Ewropej raw li l-verżjoni ġdida kif proposta ma kenitx tikkorrespondi biż-żejjed mas-sitwazzjoni attwali tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. Peress li d-direttiva l-ġdida kienet soġġetta għall-proċess ta' kodeċiżjoni, il-Parlament seta' jinfluwenza l-kontentu tagħha. Sa mill-ewwel qari, il-Parlament iġġieled għal miżuri pożittivi intiżi sabiex jiffaċilitaw il-prattika ta' attivita' professjonali tal-persuni tas-sess l-inqas rappreżentat, kif inhu sikwit il-każ tan-nisa. Grazzi għas-suġġerimenti tad-deputati, id-direttiva l-ġdida tipprovdi għall-waqfien, mill-iStati Membri, ta' organi inkarigati mill-promzzjoni tat-trattament indaqs, kif ukoll tal-ħarsien legali tal-vittmi tad-diskriminazzjoni sesswali.
Il-prevenzjoni tal-fastidju sesswali
Il-Parlament innegozja din id-direttiva fl-istadji kollha tagħha mal-Kunsill, anke' sa l-istadju ta’ konċiljazzjoni. F'April 2002, iż-żewġ fergħat tal-poter leġislattiv setgħu jaqblu fuq test li jirrifletti aħjar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-obbligazzjonijiet tal-familja. Mis-sena 2005, meta din id-direttiva ssir liġi nazzjonali, din se sservi ta' għodda importanti għall-Unjoni ta' wara t-tkabbir.
Għall-ewwel darba, “il-fastidju sesswali” ġie definit fuq livell komunitarju : dan ifisser "is-sitwazzjoni fejn tiġi espressa imġieba mhux mixtieqa b'konnotazzjonijiet sesswali, espressa fiżikament, verbalment jew f'forma mhux verbali, li l-għan tagħha tkun li żżeblaħ id-dinjita' ta' persuna u, b'mod partikolari, li toħloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti u offensiv". Id-direttiva tiddefinixxi wkoll "diskriminazzjoni diretta", "diskriminazzjoni indiretta" u “fastidju” b'mod ġenerali.
Minn issa 'l quddiem in-nisa jistgħu jgawdu minn għajuna f'każ ta' fastidju, partikolarment dak sesswali, fuq il-post tax-xogħol. Barra minn hekk, kull persuna li tappoġġja l-vittmi tad-diskriminazzjoni jew fastidju sesswali jgawdu wkoll mill-istess protezzjoni kontra t-trattament sfavorevoli. Min iħaddem u l-persuni inkarigati mit-taħriġ professjonali għandhom jieħdu miżuri preventivi.
Drittijiet għall-maternita' u l-paternita
Id-direttiva l-ġdida tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-konfront tan-nisa minħabba t-tqala jew il-leave tal-maternita'. Iżda l-Parlament dejjem xtaq, u safrattant kiseb id-dritt tan-nisa u l-irġiel li jerġgħu lura għall-istess pożizzjoni jew dik ekwivalenti fi tmiem il-perjodu tal-leave tal-meternita', paternita' jew adozzjoni, meta dan it-tip ta' leave hu awtorizzat mill-iStati Membri.
Id-direttiva tipprovdi wkoll għat-trattament ugwali fl-aċċess għall-impjieg, it-taħriġ u l-promozzjoni professjonali. "Miżuri pożittivi" huma wkoll provduti, fi kliem ieħor vantaġġi speċifiċi għas-sess b’rata baxxa ta' rappreżentazzjoni f'attivita' professjonali. L-iStati Membri għandhom jaraw li jitwaqqfu organi inkarigati li jissorvelja li tkun qed tiġi attwata l-ugwaljanza. Proċeduri legali għandhom jiġu implimentati sabiex jiġu kkastigati każijiet ta' ksur tad-direttiva.
Ix-xogħol l-istess, iżda l-pagi mhumhiex
Sa mill-ħamsinijiet, is-slogan "Salarju indaqs għal xogħol indaqs" sfortunatament għadu topiku anke’ llum. Minkejja l-adozzjoni fl-1975 ta' direttiva Ewropea dwar ħlas indaqs bejn impjegati irġiel u nisa, illum ħafna nisa għadhom qed jitħallsu inqas sew mill-irġiel għal xogħol identiku. Il-Parlament Ewropew sikwit iddeplora n-nuqqas ta' rieda mill-parti ta' l-iStati Membri li japplikaw id-direttiva ta' l-1975 u sejjaħ il-Kummissjoni Ewropea sabiex taġixxi b'determinazzjoni akbar.
F'rapport imħejji fuq inizjattivia tiegħu u adottat f'Settembru 2001, il-Parlament Ewropew stqarr li d-distakk fil-ħlas bejn is-sessi kien ta' rata medja ta' 28% fl-UE għall-istess impjieg, u ta' 15%, dejjem favur l-irġiel, jekk jiġu kkunsidrati d-differenzi strutturali li jeżistu bejn l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol, l-iktar fejn jidħlu l-eta', it-taħriġ, l-impjieg u l-istruttura tal-karrieri. Għall-Parlament Ewropew, "dan id-distakk medju fil-ħlas ta' 15% joħroġ bil-fors minn sotto-evalwazzjoni diskriminatorja li mhijiex aċċettabbli". Id-deputati talbu l-Kummissjoni, fost oħrajn, li tirrevedi d-direttiva ta' l-1975.
Wara, f'riżoluzzjoni adottata f'Lulju 2002, id-deputati talbu l-Kummissjoni sabiex taġġorna mill-ġdid id-direttivi kollha fil-qasam tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa, mhux biss fejn jidħol il-ħlas, iżda wkoll is-sigurta' soċjali, l-impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-rikonċiljazzjoni bejn l-obbligi professjonali u dawk tal-familja. Dan minħabba l-fatt li minbarra l-inugwaljanza fil-ħlas, in-nisa jiffaċċjaw żvantaġġi strutturali oħra. Per eżempju, ir-rata ta' l-impjieg tan-nisa (54%) għadu ferm inqas minn dik ta' l-irġiel, filwaqt li minn kull għaxar impjegati part-time, tmienja huma nisa.
Fl-aħħarnett, fi ħdan il-proċess tal-Konvenzjoni dwar il-futur ta' l-Ewropa, id-deputati Ewropej iddefendew bil-qawwa l-inklużjoni fl-abbozz tal-Kostituzzjoni il-prinċipju ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fost il-valuri ta' l-Unjoni Ewropea, fattur li għandu jsaħħaħ il-bażi legali u jiġġustifika inizjattivi ġodda Ewropej li jwasslu sabiex dan il-prinċipju jiġi attwat fir-realta' soċjo-ekonomika Ewropea.
|