L-Ewwel Trattati
Din l-iskeda informattiva tispjega kif it-Trattat ta’ Pariġi kien l-ewwel pass lejn l-integrazzjoni tal-Ewropa, u kif it-Trattati ta’ Ruma espandew il-pedamenti tiegħu billi ħolqu l-Komunitajiet Ewropej. L-iskeda tenfasizza kif dawn il-ftehimiet rawmu l-idea ta’ futur komuni filwaqt li ddeskrivew l-objettivi ewlenin, il-prinċipji ewlenin u l-iżviluppi istituzzjonali li rriżultaw wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
L-isfond
L-effetti diżastrużi li ħalliet warajha t-Tieni Gwerra Dinjija u t-theddida kostanti tal-konfrontazzjoni bejn il-Lvant u l-Punent wasslu biex ir-rikonċiljazzjoni bejn Franza u l-Ġermanja ssir prijorità assoluta. Id-deċiżjoni li jiġu kondiviżi l-industriji tal-faħam u tal-azzar tas-sitt pajjiżi Ewropej fundaturi (il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands) daħlet fis-seħħ permezz tat-Trattat ta’ Pariġi fl-1951, u kienet l-ewwel pass lejn l-integrazzjoni tal-Ewropa. It-Trattati ta’ Ruma tal-1957 espandew il-pedamenti ta’ din l-integrazzjoni, filwaqt li komplew jiżviluppaw il-qafas ekonomiku u istituzzjonali tal-Komunitajiet.
Il-bażi legali
- It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (it-Trattat KEFA jew it-Trattat ta’ Pariġi): dan it-Trattat, li ġie ffirmat fit-18 ta’ April 1951 u daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Lulju 1952, stabbilixxa l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) kif ukoll stabbilixxa istituzzjonijiet komuni, inklużi l-Awtorità Għolja, l-Assemblea Parlamentari, il-Kunsill tal-Ministri, il-Qorti tal-Ġustizzja u Kumitat Konsultattiv. L-Artikolu 97 ippreveda l-iskadenza tat-Trattat wara 50 snin, u din daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Lulju 2002;
- It-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA/Euratom), jew it-Trattati ta’ Ruma: dawn it-Trattati, li ġew iffirmati fil-25 ta’ Marzu 1957 u daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1958, stabbilew il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA/Euratom). L-Artikolu 240 tat-Trattat KEE u l-Artikolu 208 tat-Trattat KEEA ipprevedew espliċitament li ż-żewġ patti jiġu konklużi għal żmien illimitat.
- Il-fundaturi tal-KEFA kienu ċari dwar l-intenzjonijiet tagħhom għal dan it-Trattat, jiġifieri li dan kien sempliċement jirrappreżenta l-ewwel pass lejn “Federazzjoni Ewropea”. Is-suq komuni tal-faħam u l-azzar kellu jkun esperiment li jkun jista’ jiġi estiż gradwalment għal sferi ekonomiċi oħra, biex jilħaq il-qofol tiegħu f’Ewropa politika.
- L-għan tal-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) kien li jiġi stabbilit suq komuni, ibbażat fuq l-erba’ libertajiet tal-moviment (merkanzija, persuni, kapital u servizzi).
- L-għan tal-Euratom kien li jikkoordina l-provvista tal-materjali fissili u l-programmi ta’ riċerka diġà mnedija jew li kienu qed jitħejjew mill-Istati Membri għall-użu paċifiku tal-enerġija nukleari.
- Il-preamboli għat-tliet Trattati juru għaqda fl-għanijiet li biha nħolqu l-Komunitajiet, jiġifieri l-konvinzjoni li l-Istati tal-Ewropa jeħtiġilhom jaħdmu flimkien biex jibnu ġejjieni komuni minħabba li dan biss kien se jippermettilhom jikkontrollaw id-destin tagħhom.
- il-moviment liberu tal-prodotti u l-aċċess liberu għas-sorsi tal-produzzjoni;
- il-monitoraġġ permanenti tas-suq biex jiġi evitat tfixkil li jista’ jwassal għall-introduzzjoni ta’ kwoti tal-produzzjoni;
- konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u mal-prinċipju tat-trasparenza tal-prezzijiet;
- l-appoġġ biex jiġu modernizzati u kkonvertiti s-setturi tal-faħam u l-azzar.
- l-eliminazzjoni tad-dazji doganali bejn l-Istati Membri;
- l-istabbiliment ta’ Tariffa Doganali Komuni esterna;
- l-introduzzjoni ta’ politiki komuni għall-agrikultura u t-trasport;
- il-ħolqien ta’ Fond Soċjali Ewropew;
- l-istabbiliment ta’ Bank Ewropew tal-Investiment;
- l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet eqreb bejn l-Istati Membri.
L-objettivi
Il-prinċipji u l-iżviluppi ewlenin tal-Komunitajiet Ewropej
A. L-oriġini tal-integrazzjoni tal-Ewropa
Il-Komunitajiet Ewropej (il-KEFA, il-KEE u l-Euratom) nibtu minn xewqa għal Ewropa magħquda, ħsieb li gradwalment issawwar bħala reazzjoni diretta għall-avvenimenti li kienu farrku l-kontinent. Wara li spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija, l-industriji strateġiċi, b’mod partikolari l-industrija tal-azzar, kellhom bżonn jiġu organizzati mill-ġdid. Il-futur tal-Ewropa, li kien mhedded mill-konfrontazzjoni bejn il-Lvant u l-Punent, kien jiddependi mir-rikonċiljazzjoni bejn Franza u l-Ġermanja.
L-appell imressaq minn Robert Schuman, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż, fid-9 ta’ Mejju 1950, jista’ jitqies bħala l-punt tat-tluq għall-integrazzjoni tal-Ewropa. Dak iż-żmien, l-għażla tal-faħam u l-azzar kienet verament simbolika: fil-bidu tas-snin 50, il-faħam u l-azzar kienu industriji vitali u l-bażi tal-qawwa ta’ pajjiż. Barra mill-benefiċċji ekonomiċi ċari tagħha, il-kondiviżjoni tar-riżorsi Franċiżi u Ġermaniżi kellha l-intenzjoni li ttemm l-antagoniżmu bejn dawn iż-żewġ pajjiżi. Fid-9 ta’ Mejju 1950, Robert Schuman iddikjara li: “L-Ewropa mhux se tinbena f’daqqa, jew skont pjan wieħed. Se tinbena permezz ta’ kisbiet konkreti li l-ewwel joħolqu solidarjetà de facto.” Kien proprju abbażi ta’ dan il-prinċipju li Franza, l-Italja, il-Ġermanja u l-pajjiżi tal-Benelux (il-Belġju, in-Netherlands u l-Lussemburgu) iffirmaw it-Trattat ta’ Pariġi, li prinċipalment iffoka biex jiżgura:
B. Mill-Komunità Ewropea tad-Difiża (EDC) għat-Trattati ta’ Ruma
Wara li ġie ffirmat it-Trattat ta’ Pariġi, u minkejja li Franza kienet qiegħda topponi li l-Ġermanja terġa’ tistabbilixxi forza militari nazzjonali, René Pleven ippropona li tiġi ffurmata armata tal-Ewropa. Dan wassal għan-negozjati tal-1952 tal-Komunità Ewropea tad-Difiża (EDC), li kienet maħsuba li tkun akkumpanjata minn Komunità Politika (EPC). Madankollu, iż-żewġ pjanijiet ġew abbandunati wara li l-Assemblea Nazzjonali Franċiża rrifjutat li tirratifika t-trattat fit-30 ta’ Awwissu 1954.
L-isforzi biex jerġa’ jinbeda l-proċess tal-integrazzjoni tal-Ewropa wara li l-EDC falliet ħadu forma konkreta ta’ proposti speċifiċi fil-Konferenza ta’ Messina f’Ġunju 1955 dwar unjoni doganali u l-enerġija atomika. Dawn laħqu l-qofol tagħhom meta ġew iffirmati t-Trattati KEE u KEEA.
C. Is-suq komuni u l-politiki komuni
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (it-Trattat KEE, it-Trattat ta’ Ruma) inkluda dispożizzjonijiet dwar:
Biex jinkisbu dawn l-objettivi, it-Trattat tal-KEE stabbilixxa prinċipji gwida u l-qafas għall-attivitajiet leġiżlattivi tal-istituzzjonijiet Komunitarji. Dawn kienu jinkludu politiki komuni, bħal: il-politika agrikola komuni (l-Artikoli 38 sa 43), il-politika tat-trasport (l-Artikoli 74 u 75) u l-politika kummerċjali komuni (l-Artikoli 110 sa 113). Is-suq komuni kien maħsub biex jiggarantixxi l-moviment liberu tal-merkanzija u l-mobbiltà tal-fatturi tal-produzzjoni, inklużi l-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-impriżi, il-libertà tal-forniment tas-servizzi u l-moviment liberu tal-kapital.
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-Trattat Euratom) oriġinarjament kien stabbilixxa objettivi ambizzjużi ħafna, inkluż li l-industriji nukleari jiġu stabbiliti u jikbru malajr. Madankollu, minħabba n-natura kumplessa u sensittiva tas-settur nukleari, li miss l-interessi vitali tal-Istati Membri (id-difiża u l-indipendenza nazzjonali), dawk l-ambizzjonijiet kellhom jitnaqqsu.
D. L-iżvilupp istituzzjonali tal-Komunitajiet
Il-Konvenzjoni dwar ċerti istituzzjonijiet komuni għall-Komunitajiet Ewropej, li ġiet iffirmata u li daħlet fis-seħħ fl-istess żmien bħat-Trattati ta’ Ruma, stipulat li l-Assemblea Parlamentari u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu istituzzjonijiet komuni. Il-proċess ta’ unifikazzjoni istituzzjonali tlesta bit-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta’ April 1965, magħruf bħala t-Trattat li Jgħaqqad.
Minn dak il-mument ’l hemm, il-KEE kellha preċedenza fuq il-komunitajiet settorjali, il-KEFA u l-KEEA. Dan wera li s-sistema ġenerali tal-KEE u l-istabbiliment tal-istituzzjonijiet tagħha rebħu fuq il-koeżistenza tal-organizzazzjonijiet b’kompetenza settorjali.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
It-Trattat ta’ Pariġi stabbilixxa Assemblea Komuni bħala waħda mill-istituzzjonijiet tal-KEFA. Il-Konvenzjoni dwar ċerti istituzzjonijiet komuni għall-Komunitajiet Ewropej, iffirmata flimkien mat-Trattati ta’ Ruma, ipprovdiet ukoll għal Assemblea Parlamentari u Qorti tal-Ġustizzja komuni għall-Komunitajiet, li kkontribwew għall-unifikazzjoni gradwali tal-qafas istituzzjonali tal-Komunitajiet Ewropej.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali.
Mariusz Maciejewski