Il-Parlament Ewropew
fl-azzjoni
Punti Prinċipali 1999-2004

 
Il-Parlament Ewropew
Riforma ta’ l-UE
Tkabbir
Id-drittijiet taċ-ċittadini
Il-Ġustizzja
u l-affarijiet ta’ l-intern
Relazzjonijiet barranin
Protezzjoni Ambjentali /
tal-Konsumatur
Ir-responsabilità ambjentali
It-tniġġis ta’ l-arja
Il-gassijiet tas-serra
Iż-żjut tal-karozzi II
L-iskart elettroniku
L-iskart ta’ l-ippakkjar
Is-sigurtà ta’ l-ikel
Il-GMOs
It-tabakk
It-tniġġis bil-ħsejjes
Il-kosmetici
It-tessuti u ċ-ċelloli umani
Trasport / Politika Reġjonali
Agrikoltura / Sajd
Il-politika ekonomika
u monetarja
Il-Politika ta’ l-Impjiegi
u Soċjali / Drittijiet tan-nisa
Suq intern / Industrija / Enerġija / Riċerka
 

EPP-ED PSE Group ELDR GUE/NGL The Greens| European Free Alliance UEN EDD/PDE

> Plenary Speech - 1/7/2003 - González Álvarez - Packaging and packaging Waste
> Plenary Speech - 2/9/2002 - González Álvarez - Packgaing and packaging waste


Skart ta’ l-ippakkjar – il-prevenzjoni hija aħjar mill-kura

Fl-2001, bit-tkabbir ta' l-EU fuq ix-xefaq, l-UE ddeċidiet li taġġorna d-Direttiva ta’ l-1994 dwar l-Iskart ta’ l-Ippakkjar biex tevita l-iskart ta’ l-ippakkjar u sabiex tinkoraġġixxi modi kif materjal mhux ipproċessat li jinsab fih jerġa' jintuża. Ġew introdotti miri ambizzjużi ġodda ta’ reċiklaġġ. Il-Parlament Ewropew kieku xtaq li l-miri l-ġodda jidħlu fis-seħħ qabel. Hu rnexxilu jiggarantixxi li l-leġislazzjoni riveduta tagħmel enfasi aktar qawwija fuq il-prevenzjoni.

L-iskart ta’ l-ippakkjar illum jirrapreżenta madwar 20% tal-piż u 40% tal-volum ta’ l-iskart muniċipali, li ħafna minnu jispiċċa f’inċineraturi jew f'miżbliet. Il-politika ta’ l-ippakkjar li tnaqqas l-iskart mhux biss tikkontribwixxi għal ambjent aktar nadif imma wkoll tista’ tgħin l-ekonomija billi tnaqqas il-prezzijiet tal-produzzjoni u anke tistimula l-ħolqien tax-xogħol fl-industriji ta’ rkupru u reċiklaġġ.

Id-direttiva l-ġdida, li daħlet fis-seħħ fi Frar 2004, tippermetti li l-Istati Membri jiddeċiedu huma stess kif għandhom jilħqu l-miri tagħhom u b’hekk kif jaqsmu r-responsabbiltà bejn l-industrija u l-awtoritajiet pubbliċi. Huwa żgur li ħafna industriji sejrin jiġu affettwati, minħabba li ħafna prodotti huma ppakkjati. Il-miri l-aktar stretti japplikaw għal ippakkjar li fih l-azzar, injam, ħġieġ, plastik jew karta.

Reċiklaġġ u rkupru

Ir-reċiklaġġ u l-irkupru huma żewġ metodi relatati mill-qrib ta’ kif wieħed jieħu ħsieb l-iskart ta’ l-ippakkjar. Interpretazzjoni wiesa’ tal-kelma reċiklaġġ tfisser ipproċessar biex l-iskart jinbidel lura għall-istess materjal originarju jew għall-materjal ieħor (eż. karti f’karti; karti f’kompost). L-irkupru huwa reċiklaġġ u rkupru ta’ enerġija, bħal per eżempju użu ta' l-iskart bħala fjuwil għall-kalkara tas-siment.
F’dak li għandu x’jaqsam mar-reċiklaġġ, il-leġislazzjoni riveduta ssejjaħ għal żjieda sostanzjali fil-mira ġenerali meta mqabbla mad-Direttiva ta' l-1994. Infatti, hi tgħolli l-mira minima għal kull Stat Membru minn 25% għal 55% ta’ l-iskart ta’ l-ippakkjar totali tiegħu. Din il-mira ta' 55% għandha tintlaħaq sal-31 ta' Diċembru 2008. Barra minhekk hemm ukoll miri minimi għar-reċiklaġġ ta’ materjal speċifiku li jinstab fi skart bħal dan, li wkoll iriedu jintlaħqu sa l-istess data. Dawn huma 60% skond il-piż għall-ħġieġ, 60% għall-karti u kartun, 50% għall-metalli, 22.5% għall-plastik u 15% għall-injam. Flimkien ma’ dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jinkoraġġixxu l-manifattura ta’ l-ippakkjar u prodotti oħra biex jużaw materjal magħżul mill-iskart ta’ l-ippakkjar.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ rkupru, id-direttiva l-ġdida tħalli l-istess mira minima li kienet stabbilita fid-Direttiva ta' l-1994. Dan ifisser li sal-31 ta’ Diċembru 2008, kull Stat Membru jkun meħtieġ li jirkupra mill-anqas 60% skond il-piż ta’ l-iskart ta’ ippakkjar tiegħu.
Il-liġi l-ġdida tiċċara d-definizzjoni ta’ "rkupru" sabiex tinkludi l-ħruq ta’ skart ta’ l-ippakkjar f’impjanti ta’ inċinerazzjoni b’faċilitajiet ta’ rkupru ta’ enerġija li jagħżlu u li jużaw enerġija li hija prodott sekondarju ta’ l-inċinerazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-UE kienet ħadet deċiżjoni li l-ħruq ta’ skart ma setax jiġi meqjus bħala parti mill-miri ta’ rkupru tad-Direttiva ta’ l-Iskart ta’ l-Ippakkjar iżda jrid jiġi meqjus purament bħala rimi ta’ skart, anke jekk bħala riżultat ta’ dan kienet iġġenerata l-enerġija.

Biex jassigura li l-Istati Membri ma jdurux mar-regoli billi jesportaw l-iskart tagħhom lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE bi standards ambjentali aktar baxxi, il-Parlament żied klawsola fil-leġislazzjoni li tistipula li l-iskart ta’ l-ippakkjar esportat mill-UE jista’ jiġi meqjus biss għall-miri jekk min jesporta jista’ jagħti prova li l-operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ reċiklaġġ li ntużat tissodisfa l-kundizzjonijiet li huma ekwivalenti ta’ dawk li huma stipulati fil-liġi ta’ l-UE.

Prevenzjoni – aktar ippakkjar li jista' jiġi riċiklat

Il-Parlament rnexxielu wkoll li jżomm il-qofol ta' l-attenzjoni tar-reviżjoni tad-Direttiva ta’ l-Ippakkjar fuq il-prevenzjoni, jiġifieri żamm l-istess prinċipju ewlieni tal-leġislazzjoni ta’ l-1994 – aktar milli miri ġodda ta’ reċiklaġġ kif fil-bidu nett kienet ipproponut mill-Kummissjoni. Bħala riżultat tas-suġġeriment tal-Parlament, dawk li jipproduċu jridu jkunu aktar responsabbli biex inaqqsu l-impatt ambjentali ta’ l-ippakkjar tagħhom.

Il-MPE insistew ukoll li l-Kummissjoni għandha tħejji rapport sa Ġunju 2005 fuq l-impatt tad-Direttiva. Ir-rapport għandu jħares lejn modi kif il-prevenzjoni ta’ l-iskart ta’ l-ippakkjar issir aktar sempliċi u aktar effettiva u wkoll tipparaguna l-ispejjes u l-benefiċċji ta’ dak l-ippakkjar li jerġa’ jintuża ma r-reċiklaġġ.

Imma x’jgħodd bħala ippakkjar?

Fl-Istati Membri kien hemm interpretazzjonijiet li jvarjaw tad-Direttiva ta' l-1994, speċjalment fuq id-defenizzjonijiet ta’ ippakkjar. Għalhekk il-leġislazzjoni reveduta tagħmel distinzjoni aktar ċara bejn "ippakkjar" u "dak li mhux ippakkjar", u telenka lista ta' eżempji. Kaxxi tal-ħelu u karti tal-plastik madwar kaxxa tas-CD huma meqjusa bħala ippakkjar, imma kaxxi ta’ l-għodda, boroż żgħar tat-tè, saffi tax-xama’ madwar il-ġobon, il-ġlud taz-zalzett u qsari tal-fjuri "li huma intenzjonati li jibqgħu mal-pjanta tul ħajjitha kollha" mhumiex. Il-MPE irnexxielhom iġġibu impenn biex tiġi riveduta l-lista ta’ l-eżempji mill-Kummissjoni, u tingħata priorità lill-klassifikazzjoni ta’ l-oġġetti fil-lista bħall-kaxxi tas-CD u tal-video, qsari tal-fjuri, rollijiet tat-toilet paper, tikketti li jitwaħħlu u karti għat-tgeżwir ta’ pakketti. Dan għandu jipprovidi aktar ċarezza fil-futur lill-industriji kkonċernati.

Eżenzjonijiet

Il-leġislazzjoni l-ġdida tħalli ammont ta’ flessibilità fuq id-dati mmirati ta’ rkupru u ta’ reċiklaġġ, minħabba li xi Stati Membri jkollhom diffikultà biex jilħqu l-miri fi żmien qasir. Il-Greċja, bil-ħafna gżejjer tagħha, l-Irlanda biż-żoni rurali u ta’ muntanji tagħha, u l-Portugall, fejn il-konsum ta’ l-ippakkjar huwa baxx ħafna, kollha ngħataw estenzjoni għall-irkupru u r-reċiklaġġ sa l-aħħar tal-2011, minflok sa l-2008.

Fl-aħħar nett, bħala riżultat ta' pressjoni mill-Parlament intlaħaq qbil sabiex l-Istati Membri l-ġodda jiġu mogħtija estensjonijiet fuq id-dati mmirati fuq il-bażi tax-xewqat li huma kienu diġà ressqu: 2012 għal Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Litwanja, l-Islovakkja u l-Islovenja; 2013 għal Malta; 2014 għall-Polonja u 2015 għal-Latvja.



  
Rapporteurs
  
>  Ippakkjar u skart ta’ l-ippakkjar: Dorette Corbey (PES, NL)
  
Gurnal Ufficjali – Atti Finali:
  
>  Ippakkjar u skart ta’ l-ippakkjar

 

 

 
  Publishing deadline: 2 April 2004