Il-Parlament Ewropew
fl-azzjoni
Punti Prinċipali 1999-2004

 
Il-Parlament Ewropew
Riforma ta’ l-UE
Tkabbir
Id-drittijiet taċ-ċittadini
Il-Ġustizzja
u l-affarijiet ta’ l-intern
Relazzjonijiet barranin
Protezzjoni Ambjentali /
tal-Konsumatur
Trasport / Politika Reġjonali
Agrikoltura / Sajd
Il-politika ekonomika
u monetarja
L-istrateġija ta’ Lisbona
Is-servizzi finanzjarji
L-iskrutinju demokratiku
tal-BCE
Il-pagamenti li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed
Il-Politika ta’ l-Impjiegi
u Soċjali / Drittijiet tan-nisa
Suq intern / Industrija / Enerġija / Riċerka
 

EPP-ED PSE Group ELDR GUE/NGL The Greens| European Free Alliance UEN EDD/PDE


L-iSkrutinju Demokratiku tal-Bank Ċentrali Ewropew

Minkejja l-fatt li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jaġixxi b'mod indipendenti mill-istituzzjonijiet nazzjonali u Komunitarji meta jieħu deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja, dan għadu suġġett għal kontrolli demokratiċi, u skond it-Trattat tal-KE hu marbut jippreżenta rapport lill-Parlament u l-Kunsill tal-Ministri. Il-President tal-BĊE jidher quddiem il-Parlament bil-membri kollha preżenti darba f'sena u quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Monetarji tal-Parlament diversi drabi matul is-sena. Il-Parlament għandu sehem konsultattiv fejn tidħol il-ħatra ta' membri ġodda tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.   

Il-BĊE jitmexxa minn żewġ organi ewlenin, il-Kunsill Governattiv u l-Bord Eżekuttiv, li t-tnejn huma preseduti mill-President tal-BĊE (ara l-kaxxa). Il-President tal-BĊE, skond Artilku 113 tat-Trattat tal-KE, hu marbut li jippreżenta r-rapport annwali tal-Bank lil-laqgħa plenarja tal-Parlament li ġeneralment tinżamm f'Lulju, fejn il-membri tal-PE jingħataw l-opportunita' li jesprimu l-veduti tagħhom dwar il-politika monetarja tal-BĊE. Id-dibattitu jagħlaq permezz ta' riżoluzzjoni parlamentari li s'issa dejjem appoġġjat bis-sħiħ l-indipendenza tal-Bank u l-politika monetarja tiegħu. Barra minn hekk, il-Parlament approva s-sejħiet li għamel il-BĊE lill-iStati Membri sabiex jissoktaw bir-riformi strutturali ekonomiċi. Madanakollu, il-membri tal-PE kienu aktar kritiċi fejn tidħol il-politika ta' informazzjoni tal-Bank u sikwit għamlu sejħa sabiex din issir aktar trasparenti. Il-Bank aċċetta wħud mill-proposti mressqa mill-Parlament, bħall-pubblikazzjoni ta' mudelli ekonometriċi, iżda għadu qed jirreżisti suġġerimenti oħrajn. Waħda mit-talbiet tal-Parlament li ilhom pendenti hi li jiġu ppubblikati l-minuti fil-qosor ta' kull laqgħa tal-Kunsill Governattiv, inklużi l-pożizzjonijiet tal-partijiet li japprovaw jew jopponu l-proposti. Il-Parlament għamel sejħa wkoll sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu b'votazzjoni minflok b'kunsens bil-għan li l-bank ikun jista’ jirreaġixxi għall-iżviluppi ekonomiċi aktar malajr.  

Aspett ieħor tas-sorveljanza demokratika tal-BĊE hu d-"djalogu monetarju" li jsir regolarment bejn il-Kumitat għall-Affarijiet Monetarji w Ekonomiċi tal-Parlament u l-President jew il-Viċi-President tal-Bank. Skond it-Trattat, membri tal-Bord Eżekuttiv "jistgħu" jidhru quddiem kumitati tal-PE u l-ewwel President tal-BĊE, Wim Duisenberg, aċċetta li jidher quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Monetarji w Ekonomiċi erba' darbiet fis-sena. Il-President il-ġdid, Jean-Claude Trichet, wiegħed li din it-tradizzjoni se titkompla. Membri tal-PE ta’ kull lewn politiku ħadu din l-okkażjoni b’serjeta’ ħafna, u staqsew il-President dwar ir-rwol tal- BĊE, l-oġġettivi tal-Bank fejn tidħol l-inflazzjoni, is-sitwazzjoni ekonomika, il-politika dwar ir-rati ta' l-imgħax, riforma strutturali, il-Patt ta' Stabbilta' u għadd ta' kwistjonijiet oħra. Rapport kelma b'kelma dwar dawn il-laqgħat jiġi ppubblikat fuq l-internet.    

L-iStatut tal-BĊE u l-ħatra tal-Membri tal-Bord 

Il-konsultazzjoni tal-Parlament hi meħtieġa qabel ma jista' jsir xi tibdil fl-istatut tal-Bank Ċentrali. F'Marzu 2000, il-membri tal-PE ikkritikaw proposta sabiex issir riforma tal-proċeduri tal-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill Governattiv tal-BĊE li kienet intiża sabiex il-Kunsill ikun jista' jaħdem aħjar fil-każ li tikber iż-żona tal-Euro. Il-Parlament ried li tinżamm ir-regola għad-dritt tal-votazzjoni mingħajr restrizzjoni għall-gvernaturi tal-banek ċentrali kollha taż-żona tal-Euro, li flimkien mal-Bord Eżekuttiv, jiddeċiedu dwar politika fil-medda tan-nofs. Madanakollu, il-ministri tal-finanzi baqgħu għaddejjin u ftehmu fuq sistema ġdida li permezz tagħha d-dritt tal-votazzjoni jdur fost il-pajjiżi taż-żona tal-Euro bir-riżultat li l-gvernaturi ma jivvutawx kull darba. 

Il-Parlament irid jiġi wkoll konsultat dwar il-ħatra tal-membri kollha tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, inkluż il-President, li fil-fatt inbidel matul il-leġislatura kurrenti wara li l-membri tal-PE approvaw il-ħatra ta' Jean-Claude Trichet bħala l-ogħla uffiċjal tal-Bank għal mandat ta' 8 snin. Is-Sur Trichet ilu jassumi l-presidenza mill-1 ta' Novembru 2003 wara li rtira s-Sur Duisenburg. Matul il-leġislazzjoni kurrenti tal-Parlament il-membri approvaw ukoll il-ħatra tal-Viċi-President il-ġdid tal-BĊE, Lucas Papademos, f'2002, u dik ta' membru ieħor tal-Bord Eżekuttiv, Gertrude Tumpel-Gugerell, f'2003. Qabel ma tivvota l-plenarja tal-Parlament fuq il-ħatriet tagħhom, il-kandidati jridu jwieġbu kwestjonarju mħejji mil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji. Barra minn hekk, dawn għandhom jattendu seduta fil-Parlament Ewropew li tinżamm mill-Kumitat fejn il-membri jkunu jistgħu jassessjaw il-ħila tal-kandidati li jimlew il-pożizzjoni u kemm ikunu lesti li jikkoperaw mal-Parlament. Minkejja l-fatt li f'dawn il-każi l-opinjonijiet tal-Parlament ma jorbtux, ma jkunx għaqli mil-lat politiku li l-gvernijiet tal-membri ta' l-UE jaħtru membru tal-Bord li l-ħatra tiegħu ma tkunx ġiet milqugħa mill-Parlament irrappreżentat mill-membri kollha.      

L-organi ta' tmexxjia tal-BĊE

Hemm żewġ organi li jmexxu l-BĊE. Il-Kunsill Governattiv, magħmul mill-Bord Eżekuttiv u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-pajjiżi taż-żona tal-Euro, jiddeċiedi dwar il-politika monetarja ġenerali taż-żona u jiffissa r-rati ta' l-imgħax. Il-Bord Eżekuttiv, li s-sitt membri tiegħu huma maħtura mill-Kapi ta' l-iStat jew il-Gvern tal-pajjiżi taż-żona tal-Euro, iwettaq il-politika monetarja fuq il-bażi tal-linji gwida li joħroġ il-Kunsill Governattiv.  



  
Relaturi:
  
Rapport Annwali 1998-1999: Christopher Huhne (ELDR, UK)
Rapport Annwali 2000: Christa Randzio-Plath (PES, D)
Rapport Annwali 2001: Piia-Noora Kauppi (EPP-ED, FIN)
Rapport Annwali 2002: Johannes Blokland (EDD, NL)
Il-hatra tas-Sur Trichet bhala President: Christa Randzio-Plath (PES, D)
Il-hatra tas-Sinjorina Tumpel-Gugerell bhala Membru tal-Bord Ezekuttiv: Christa Randzio-Plath (PES, D)
Il-hatra tas-Sur Lucas Papademos bhala Vici-President: Christa Randzio-Plath (PES, D)
Proceduri ta' votazzjoni - emendi ta' l-iStatut: Ingo Friedrich (EPP-ED, D)
  
Gurnal Ufficjali - Atti finali:
  
Rapport Annwali 1998-1999- test adottat mill-Parlament
Rapport Annwali 2000- test adottat mill-Parlament
Rapport Annwali 2001
Rapport Annwali 2002- test adottat mill-Parlament
Il-hatra tas-Sur Trichet bhala President
Il-hatra tas-Sinjorina Tumpel-Gugerell bhala Membru tal-Bord Ezekuttiv
Il-hatra tas-Sur Lucas Papademos bhala Vici-President
Proceduri ta' votazzjoni - emendi ta' l-iStatut

 

 

 
  Publishing deadline: 2 April 2004