Il-Parlament Ewropew
fl-azzjoni
Punti Prinċipali 1999-2004

 
Il-Parlament Ewropew
L-elezzjonijiet għall-PE
L-organizzazzjoni
u t-tħaddim tal-PE
Id-deċizjoni konġunta
u proċeduri oħra
Is-setgħat baġitarji
Il-kontroll baġitarju
Is-sorveljanza demokratika
L-istatut tal-Membri
u ta’ partiti politiċi Ewropej
Il-kumitati temporanji
u kumitati ta’ stħarriġ
Istituzzjonijiet oħra ta’ l-UE
Riforma ta’ l-UE
Tkabbir
Id-drittijiet taċ-ċittadini
Il-Ġustizzja
u l-affarijiet ta’ l-intern
Relazzjonijiet barranin
Protezzjoni Ambjentali /
tal-Konsumatur
Trasport / Politika Reġjonali
Agrikoltura / Sajd
Il-politika ekonomika
u monetarja
Il-Politika ta’ l-Impjiegi
u Soċjali / Drittijiet tan-nisa
Suq intern / Industrija / Enerġija / Riċerka
 

EPP-ED PSE Group ELDR GUE/NGL The Greens| European Free Alliance UEN EDD/PDE

> Members' Statute
> Otmar Karas on Members' statute
> EPP-ED Group


Le għal Statut għall-MPE – Iva għal Statut għall-partiti Ewropej

Xi karatteristiċi tax-xogħol tal-Parlament Ewropew għadhom, b’mod sorprendenti, “nazzjonali” aktar milli “Ewropej”. Il-MPE mhumiex kollha mħallsa l-istess salarju. Minflok huma mħallsa minn pajjiżhom bl-istess rata tal-membri tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u anke għall-elezzjonijiet Ewropej, partiti politiċi li huma mifruxa madwar l-Ewropa għadhom iridu jieħdu post partiti nazzjonali. Sforzi biex jiġu ntrodotti pagi u kundizzjonijiet standard għall-MPE twaqqfu għalissa. Imma sar progress fuq xogħol biex jinħolqu partiti mifruxa madwar l-Ewropa.

Il-MPE huma rregolati minn għadd kbir ta’ regoli dwar l-istatus, il-paga u l-ispejjeż tagħhom, l-immunità parlamentari minn azzjoni legali u kwistjonijiet oħra. F’ċertu każi huma soġġetti għal-liġi nazzjonali tagħhom stess, u f’każi oħra huma rregolati mir-regoli ta’ l-UE. Dan jagħti lok għal kull xorta ta’ anomaliji. Per eżempju, MPE Spanjol jirċievi l-istess salarju bħal membru fil-Cortés filwaqt li MPE Ġermaniż jieħu l-istess bħal membru tal-Bundestag. U mhux biss is-salarji tal-MPE huma mħallsa minn pajjiżhom imma huma ntaxxati bir-rati nazzjonali wkoll. Fl-istess ħin huma lkoll qed jagħmlu l-istess xogħol u kollha qed jaħdmu prinċipalment fi Brussell u fi Strasburgu.

Saru sforzi matul is-snin biex ikun milħuq ftehim fuq “statut komuni”, jew sett ta’ regoli ewlieni, li jneħħi d-differenzi kollha. Iżda dan l-istatut irid ikun approvat mhux biss mill-Parlament Ewropew imma wkoll mill-gvernijiet nazzjonali. Il-MPE ħasbu li kienu waslu biex ilestu din il-kwistjoni meta f’Ġunju 2003 il-Parlament qabel fuq abbozz ta’ statut wara snin fejn ipprova jasal għal kompromess li jkun aċċettabbli għall-gvernijiet, li jiltaqgħu fil-Kunsill tal-Ministri. Il-Kunsill, iżda, ħabbar li hu oġġezzjona fuq tliet punti: l-età ta’ l-irtirar għall-MPE, l-arranġamenti tat-taxxa għas-salarji tagħhom u kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ privileġġi u immunitajiet, li hu qal li jistgħu jiġu mibdula biss fuq il-bażi ta’ negozjati fost il-gvernijiet tal-UE.

Il-Parlament wieġeb billi reġa’ vvota f’Diċembru 2003 u ddeċieda b’maġġoranza kbira ħafna biex jelimina dawn il-kwistjonijiet. Billi kien aċċetta x-xewqa ta’ diversi gvernijiet li riedu li jkunu jistgħu jintaxxaw it-taxxa fuq id-dħul nazzjonali fuq is-salarji tal-MPE, anke jekk dawn issa se jkunu mħallsa mill-baġit ta’ l-UE, il-Parlament qabel li għandhom ikunu suġġetti mhux biss għat-taxxa Ewropea imma wkoll għat-taxxa nazzjonali. L-unika kundizzjoni tagħhom kienet li m’għandu jkun hemm l-ebda tassazzjoni doppja (punt li kien aċċettat mill-Kunsill). Il-Parlament qabel li jaħdem fuq l-immunitajiet u l-privileġġi b’mod separat, billi jsaqsi lill-Istati Membri biex jirrevedu l-Protokoll relevanti tal-1965. Fl-aħħar, il-MPE ipproponew kompromess fuq l-età ta’ l-irtirar, li l-Presidenza Taljana tal-UE ta’ dak iż-żmien kienet inidkat li jkun aċċettabbli: il-MPE ikunu ntitolati għall-pensjoni mill-età ta’ 63 sena (minflok minn 65 sena kif ried il-Kunsill jew minn 60 sena kif kien propost mill-Parlament f’Ġunju).

Ħamsa u għoxrin sena wara l-ewwel elezzjonijiet diretti għall-Parlament Ewropew deher li sa fl-aħħar kien wasal il-mument, il-membri kollha tiegħu jistgħu sa fl-aħħar ikunu rregolati mill-istess regoli. Imma bla ma kien mistenni u fl-aħħar minuta – waqt il-laqgħa tal-Kunsill tas-26 ta’ Jannar 2004 fejn kien mistenni li jiġi approvat l-abbozz ta’ statut – numru ta’ ministri oġġezzjonaw fuq il-livell tas-salarji proposti għall-MPE li kienu mfassla fuq nofs dak ta’ mħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropew u li sa dak iż-żmien ma kienx oppost. Għalhekk l-istatut kollu kien imħassar u issa se jkun f’idejn Parlament ġdid li jagħmel il-kuraġġ biex jerġa’ jipprova darb’oħra.

Statut għall-partiti politiċi

L-affarijiet marru aħjar fejn jidħol l-istatut li jittratta l-istatus legali u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej. Fil-preżent MPE jiġu eletti bħala rappreżentanti tal-partiti politiċi tal-pajjiżi, għalkemm la darba jaslu fi Brussel huma ġeneralment jaħdmu fi ħdan wieħed mill-“gruppi politiċi”, li jirrapreżentaw ideat tal-medda sħiħa politika, li tressaq il-partiti nazzjonali flimkien. Barra l-Parlament Ewropew, xi ftit mill-partiti l-iktar importanti waqqfu, ħafna żmien ilu, federazzjonijiet mifruxa madwar l-Ewropa, għalkemm dawn kienu ftit il-bogħod milli jkollhom il-kwalità li ġġib l-għaqda u impatt pubbliku tal-partiti politiċi. Iżda, matul is-snin numru ta’ partiti fuq livell Ewropew kienu fformati, bħall-PPE (demokratiċi kristjani/iċ-ċentru lemini), il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej, l-ELDR (liberali), l-Alleanza Libera Ewropea (prinċipalment partiti reġjonalisti) u l-Greens (Ħodor), filwaqt li oħrajn qegħdin fil-proċess li jiġu mwaqqfa.

Huwa maħsub li jkun hemm benefiċċji jekk partiti politiċi mifruxa madwar l-Ewropa kellhom jiksbu profil għoli, speċjalment biex jilqgħu għat-tendenza li l-elezzjonijiet Ewropej jiġu miġġielda fuq kwistjonijiet nazzjonali iktar milli Ewropej. Tassew li t-Trattat tal-Kommunità Ewropea jiddikjara li “partiti politiċi fuq livell Ewropew huma importanti bħala fattur għall-integrazzjoni fi ħdan l-Unjoni. Huma jikkontribbwixxu biex jiġi ffurmat għarfien Ewropew u biex tiġi espressa r-rieda politika taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.” Minkejja l-importanza b’hekk mogħtija lill-partiti Ewropej, ħa ftit taż-żmien – għalkemm mhux daqshekk twil bħal fil-każ ta’ l-istatut tal-MPE – biex jintlaħaq ftehim bejn il-gvernijiet tal-UE kif ukoll bejn il-Parlament u l-gvernijiet tal-UE fuq ir-regoli għall-għarfien tal-partiti Ewropej, li jinvolvu l-finanzjament għal dawn il-partiti mill-baġit tal-UE.

Ir-regolament fuq “partiti politiċi fuq livell Ewropew”, li se jiġi fis-seħħ f’Lulju 2004 wara l-elezzjonijiet Ewropej, jistipola li sabiex jiġi rikonoxxut u b’hekk jirċievi finanzjament mill-UE, partit Ewropew irid ikun irrapreżentat minn ta’ l-inqas fi kwart ta’ l-Istati Membri, mill-Membri tal-Parlament Ewropew, jew fil-parlamenti nazzjonali jew f'assembleja reġjonali; b’mod alternattiv, huwa jrid ikun irċieva, minn ta’ l-inqas fi kwart ta’ l-Istati Membri, minn ta’ l-inqas tlieta fil-mija tal-voti mitfuha fl-elezzjonijiet Ewropej l-aktar riċenti. Partit Ewropew irid jirrispetta wkoll il-prinċipji ta’ l-UE, jiġifieri, libertà, demokrazija, rispett għad-drittijiet umani u libertajiet fundamentali, u r-regola tal-liġi.

Il-baġit ta’ l-UE ħa jkollu 8.4 miljun ewro disponibbli għall-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej. Minn dawn, 15% se jkunu mqassma ndaqs fost il-partiti, filwaqt li l-bqija se jkunu mqassma skond in-numru ta’ membri eletti fil-Parlament Ewropew. Biex jirċievi finanzjament mill-baġit, partit politiku fuq livell Ewropew irid jagħmel talba lill-Parlament Ewropew kull sena. B’hekk kwalunkwe flus li jiġu rċevuti jistgħu biss jintużaw biex ikopru nfiq li għandu x’jaqsam b’mod dirett ma’ l-oġġettivi mniżżla fil-programm politiku tiegħu u ma jistgħux jintużaw għall-finanzjament dirett jew indirett ta’ partiti politiċi nazzjonali.

Partit Ewropew irid ukoll jippublika kull sena id-dħul u l-infiq u jiddikjara s-sorsi l-oħra ta’ finanzjament billi jipprovdi lista ta’ donaturi u ta’ donazzjonijiet li jaqbżu l-500 ewro li jirċievi minn kull donatur. Partit ma jistax jaċċetta donazzjonijiet anonimi, donazzjonijiet minn korpi legali fejn l-istat għandu iktar minn 50% tal-kapital, lanqas donazzjonijiet ta’ iktar minn 12,000 ewro kull sena minn individwi jew organizzazzjonijiet.



  
Rapporteurs:
  
Adozzjoni ta’ l-Istatut ghall-Membri tal-Parlament Ewropew: Willi Rothley (PES, D)
Statut u finanzjament tal-partiti politici Ewropej: Jo Leinen (PES, D)
  
Gurnal Ufficjali - Atti Finali:
  
Adozzjoni ta’ l-Istatut ghall-Membri tal-Parlament Ewropew – test adottat mill-Parlament
Adozzjoni ta’ l-Istatut ghall-Membri tal-Parlament Ewropew – rizoluzzjoni adottata mill-Parlament
Statut u finanzjament tal-partiti politici Ewropej

 

 

 
  Publishing deadline: 2 April 2004