Il-ftehim ta' assoċjazzjoni u dak ta' partnership huma l-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-Istati membri ta' l-Unjoni u pajjiżi li mhumiex membri. Meta ftehim jiġi stipulati bejn l-Unjoni u l-pajjiżi mhux membri (pajjizi terzi) dawn jridu jiġu mressqa għall-konferma tal-Parlament Ewropew, li mingħajru t-trattat ma jkunx jista' jidħol fis-seħħ jew jiġi ratifikat.
Minkejja li l-ftehim ta' assoċjazzjoni ġeneralment jiffukaw fuq id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni ekonomika bejn il-partijiet konċernati, huma ta' spiss immirati lejn il-ħolqien ta' żona ta' kummerċ ħieles għal prodotti speċifiċi, agrikoli jew industrijali, sabiex fl-istess ħin jiġi favorit l-iżvilupp sostenibbli. Is-suġġetti tat-trattati jistgħu jinkludu wkoll regoli dwar is-sigurtà, iċ-ċirkolazzjoni tal-persuni, l-immigrazzjoni klandestina, u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Dawn jistgħu jiffaċilitaw l-kooperazzjoni f'oqsma differenti bħall-investiment privat, il-programmi ta' riċerka u l-ħarsien ta' l-ambjent kif ukoll jiġu mħeġġa l-iskambji kulturali u soċjali bejn iċ-ċittadini ta' żoni ġeografiċi differenti bil-għan li jissaħħaħ id-djalogu bejn iċ-ċittadini. Fl-aħħar snin, fuq insistenza tal-Parlament, f'dawn il-ftehim bdew jiġu introdotti klawżoli b'mod sistematiku dwar id-drittijiet tal-bniedem, li l-ksur tagħhom jista' jwassal għas-sospensjoni ta' l-istess ftehim. Fl-imgħoddi l-Parlament għamel użu minn dan il-mezz b'mod effettiv biex iġiegħel lil pajjiżi terzi jieħdu impenn kredibbli fil-qasam tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Kien għalhekk li fis-snin tmenin u disgħin kien hemm dewmien biex jiġu konklużi l-ftehim u l-protokolli ma' pajjiżi bħal Iżrael, it-Turkija, s-Sirja u l-Marokk.
Biex jitressqu lejn xulxin ix-xtut tal-Mediterran
Tul il-leġiżlatura 1999-2004, il Parlament approva diversi ftehim ta' assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji ma' l-Eġittu (2001), l-Alġerija (2002) u l-Libanu (2003). Dawn huma konformi mad-Dikjarazzjoni ta' Barċellona li għandha l-għan li toħloq relazzjonijiet dejjem aktar mill-qrib bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tal-baċir tal-Mediterran. L-għan ta' dawn id-diversi ftehim huwa li jikkontribwixxu għall-paċi u s-sigurtà, iħeġġu r-rapporti kummerċjali u jsaħħu d-djalogu politiku mar-reġjun. Il-Parlament Ewropew approva l-ftehim ma' l-Eġittu wara aktar minn sitt snin ta' negozjati bejn il-partijiet konċernati. Is-setturi milquta huma bosta u għandhom effetti diretti fuq il-ħajja tan-nies: l-edukazzjoni, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-ambjent, l-industrija, is-servizzi finanzjarji, il-biedja u s-sajd, it-telekomunikazzjoni, l-enerġija, it-trasport, it-turiżmu, il-ħasil ta' flus, il-ġlieda kontra d-droga u t-terroriżmu kif ukoll il-ħarsien tal-konsumatur.
Il-ftehim ta' assoċjazzjoni ma' l-Alġerija ħa ħames snin ta' negozjati biex jintemm. Waħda mill-karatteristiċi partikolari ta' dan il-ftehim huwa l-intensifikazzjoni fil-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern. Dan se jħalli effetti tanġibbli għaċ-ċittadini. Fil-qasam taċ-ċirkolazzjoni tal-persuni, il-firmatarji ħadu l-impenn li jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri biex jinħarġu l-viżi. Il-kooperazzjoni tkopri wkoll oqsma bħall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-ħasil ta' flus, ir-razziżmu u l-xenofobija, id-droga, it-terroriżmu kif ukoll il-prevenzjoni ta' l-immigrazzjoni klandestina.
Il Parlament esprima l-opinjoni favorevoli tiegħu dwar il-ftehim mal-Libanu wara seba' snin ta' negozjati. Il-qofol ta' dan il-ftehim jikkonsisti fil-ħolqien gradwali ta' żona ta' kummerċ ħieles fil-qasam tal-prodotti agrikoli u industrijali tul perjodu ta' tnax-il sena. Barra minn dan, regoli oħra jiddefinixxu d-drittijiet ta' twaqqif, il-kompetizzjoni, iċ-ċaqliq tal-kapital, il-ħarsien tal-propjetà intellettwali u l-kuntratti pubbliċi.
Ftehim strateġiku għall-Amerika Latina
Fl-aħħarnett, meta fl-2003 approva l-ftehim ta' assoċjazzjoni maċ-Ċili', il-Parlament daħħal fis-seħħ forma ta' assoċjazzjoni ta' valur strateġiku kbir bejn l-Unjoni u l-Amerika Latina, fuq il-mudell ta' dik li kienet ġiet proposta f'riżoluzzjoni adottata f'l-2001. Il-ftehim huwa bbażat fuq tlett element prinċipali: id-djalogu politiku, il-kummerċ u l-kooperazzjoni. Il-klawżoli ta' kontenut politiku jittrattataw kapitoli bħall-isfidi tal-globalizzazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Taħt l-aspett ta' l-iskambji kummerċjali, il-ftehim jintroduċi tnaqqis fit-tariffi li jmorru lil hinn mill-obbligi imposti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-liberalizzazzjoni ta' l-importazzjoni tal-prodotti agrikoli u industrijali li ġejjin miċ-Ċili'. Fl-aħħarnett, id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni jikkonċernaw il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina u l-faqar kif ukoll l-ħarsien ta' l-ambjent.
|